ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM U L-PASSJONI TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

It-XXXII Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 9 ta’ April 2017

 

Din iċ-ċelebrazzjoni għandha bħal togħma doppja, ħelwa u morra, hienja u ta’ niket, għax fiha niċċelebraw lill-Mulej dieħel Ġerusalemm u milqugħ mid-dixxipli tiegħu bħala sultan; u fl-istess waqt jiġi pproklamat solennement ir-rakkont evanġeliku tal-Passjoni tiegħu. Għalhekk il-qalb tagħna tħoss il-kuntrast kiebi, u tħoss, imqar jekk f’qies ċkejken, dak li kellu jħoss Ġesù fil-qalb tiegħu dakinhar, jum li fih feraħ ma’ ħbiebu u beka fuq Ġerusalemm.

 

Minn tnejn u tletin sena ilu ’l hawn, id-dimensjoni hienja ta’ dan il-Ħadd stagħniet aktar bil-festa taż-żgħażagħ: il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li din is-sena qed jiġi ċċelebrat fuq livell djoċesan, imma li f’din il-Pjazza fi ftit tal-mumenti oħra se ngħixu f’mument li hu dejjem emozzjonanti, wieħed li jiftħilna ħafna ixfqa, bl-għotja tas-Salib miż-żgħażagħ ta’ Krakovja lil dawk tal-Panamá.

 

Il-Vanġelu mħabbar qabel il-purċissjoni (ara Mt 21:1-11) jiddeskrivi lil Ġesù li jinżel mill-Għolja taż-Żebbuġ fuq felu ta’ ħmara, li fuqu ħadd ma kien għadu tela’ qabel; jagħfas fuq l-entużjażmu tad-dixxipli, li jimxu biswit l-Imgħallem b’għajat ta’ ferħ; u nistgħu nimmaġinaw tassew kif minn din l-arja ta’ festa malajr ittieħdu wkoll it-tfal u ż-żgħażagħ tal-belt, li ngħaqdu fil-korteo bl-għajat tagħhom. Ġesù nnifsu jagħraf f’din il-merħba hienja qawwa mixtieqa minn Alla u li ħadd ma seta’ jwaqqaf, u lill-Fariżej skandalizzati weġibhom: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel” (Lq 19:40).

 

Imma dan Ġesù, li skont l-Iskrittura jidħol proprju b’dak il-mod fil-Belt il-qaddisa, mhux xi wieħed imqarraq li jxerred il-qerq, mhux xi profeta “new age”, li jbigħ id-duħħan, hu ħaġa oħra: hu Messija determinat, bil-fiżjonomija konkreta tal-qaddej, il-qaddej ta’ Alla u tal-bniedem li jmur għall-passjoni tiegħu; hu l-Pazjent il-kbir tat-tbatija umana.

 

Mela waqt li aħna wkoll qed nagħmlu festa lis-Sultan tagħna, ejjew naħsbu fit-tbatijiet li hu kellu jbati f’din il-Ġimgħa. Naħsbu fil-kalunnji, fit-tagħjir, fin-nases, fit-tradimenti, fl-abbandun, fil-ħaqq inġust, fid-daqqiet ta’ ħarta, fis-swat, fil-kuruna tax-xewk…, u fl-aħħar nett, naħsbu fil-via crucis, sat-tislib.

 

Dan hu kien qalu b’mod ċar lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mt 16:24). Qatt ma wiegħed unuri u suċċessi. Il-Vanġeli jitkellmu ċar. Dejjem wissa lil ħbiebu li t-triq tiegħu kienet dik, u li r-rebħa aħħarija kellha tgħaddi mill-passjoni u s-salib. U għalina wkoll jgħodd l-istess. Biex nimxu fedelment wara Ġesù, ejjew nitolbu l-grazzja li dan nagħmluh mhux bil-kliem imma bil-fatti, u li jkollna s-sabar li nġarrbu s-salib tagħna: li ma niċħduhx, ma narmuhx, imma, waqt li nħarsu lejH, nilqgħuh u nġorruh, jum wara jum.

 

U dan Ġesù, li jaċċetta li jgħajtulu “Osanna” mqar jekk jaf sewwa li hemm tistennieh il-kelma “Sallbu!”, ma jitlobniex li nikkontemplawh biss fil-kwadri jew fir-ritratti, jew fil-filmati li jiġru fuq l-internet. Le. Hu preżenti f’tant ħutna li llum, illum qed ibatu bħalu: ibatu minħabba x-xogħol ta’ lsiera, ibatu minħabba fit-traġedji familjari, ibatu minħabba l-mard… Ibatu minħabba l-gwerer u t-terroriżmu, minħabba fl-interessi wara l-armamenti u li jwasslu biex dawn jolqtu. Irġiel u nisa mqarrqa, bid-dinjità tagħhom imxejna, mormija… Ġesù jinsab fihom, f’kull wieħed u waħda minnhom, u b’dak il-wiċċ imbiċċer, b’dak il-leħen miksur jitlob – jitlobna – inħarsu lejh, nagħrfuh, inħobbuh.

 

Mhuwiex Ġesù ieħor dan: hu l-istess wieħed li daħal f’Ġerusalemm qalb it-tixjir tal-friegħi tal-palm u taż-żebbuġ. Hu l-istess wieħed li ġie msammar mas-salib u miet bejn żewġ briganti. Ma għandniex Mulej ieħor ħliefu: Ġesù, Sultan umli ta’ ġustizzja, ta’ ħniena u ta’ sliem.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard