Kliem il-Papa liż-żgħażagħ qabel l-Angelus

Għeżież żgħażagħ, jien kuntenli ninsab magħkom.  Dawn il-laqgħat għalija huma importanti ħafna aktar u aktar dis-sena li fiha qed nitħejjew għas-Sinodu dwar iż-żgħażagħ.  Wiċċkom, l-aspirazzjonijiet tagħkom, ħajjitkom, huma importanti għall-Knisja u rridu ntuhom l-importanza li jixirqilhom u jkollna l-kuraġġ li kellhom tant żgħażagħ ta’ din l-art li ma beżgħux iħobbu u jagħtu ħajjithom għal Ġesù.

Għeżież ħbieb, kemm għandkom eżempji!   Qed niftakar f’San Martin de Porres.  Lil dak iż-żgħażugħ xejn ma żammu lura milli jagħti ħajtu għall-oħrajn, xejn ma żammu lura milli jħobb u dan għamlu għax kien ħass li l-Mulej kien ħabb lilu qabel.  Hekk kif kien: mulatto u jitqabad ma ħafna nuqqasijiet.  Fil-fehma umana, f’għajnejn ħbiebu, kien jidher li hu persuna “telliefa”, iżda hu għaraf jagħmel dik il-ħaġa li kellha ssir is-sigriet ta’ ħajtu: ikollu l-fiduċja.  Lil kull wieħed u waħda minna, il-Mulej jafdalna xi ħaġa, u t-tweġiba hi li jkollna fiduċja fiH.  Kull wieħed u waħda minnkom aħsbu ftit, issa, f’qalbkom: x’afdali f’idejja l-Mulej?  X’afdali l-Mulej?  Kulħadd jaħseb... X’għandi f’qalbi li afdahuli l-Mulej?

Tistgħu tgħiduli: imma jkun hemm drabi meta kollox isir diffiċli ħafna.  Nifhimkom.  F’dak il-waqt jistgħu jiġu ħafna ħsibijiet negattivi, inħossu li kien hemm tant sitwazzjonijiet li waqgħu fuqna u donnhu jidher li aħna bqajna “barra mill-world cup”; donnu jidher li qed jirbħulna. Imma mhux hekk, ukoll fil-mumenti li fihom tkun waslet l-eliminazzjoni, inkomplu jkollna fiduċja.

Ikun hemm waqtiet li fihom tistgħu taħsbu li se tibqgħu bla ma twettqu x-xewqat ta’ ħajjitkom, il-ħolm tagħkom.  Ilkoll kemm aħna ngħaddu minn mumenti bħal dawn.  F’dawn il-mumenti, meta donnha l-fidi tintefa, tinsewx li Ġesù jinsab ħdejkom.  Tħossux ruħkom mirbuħin, titilfux it-tama!  Tinsewx il-qaddisin li jakkumpanjawna mis-sema; duru lejhom, itolbu u qatt tegħjew titolbu l-interċessjoni tagħhom.  Huma l-qaddisn tal-bieraħ imma tal-lum ukoll: din l-art għandha ħafna, għax hija art “imfawra bil-qdusija”.  Il-Perù hija art “imfawra bil-qdusija”.  Fittxu l-għajnuna u l-pariri ta’ persuni li tafu li huma addattati biex itukom parir, għax wiċċhom ikun jixhed il-ferħ u l-paċi.  Ħalluhom jakkumpanjawkom u b’hekk tibqgħu mexjin ‘il quddiem fil-mixja tal-ħajja.

Imma hemm ħaġ’oħra: Ġesù jrid jarakom tiċċaqalqu: irid jarak tmexxi ‘l quddiem l-ideali tiegħek, u li tiddeċiedi li timxi fuq l-istruzzjonijiet tiegħu.  Hu jmexxik fit-triq tal-beatitudnijiet, triq li xejn m’hi ħafifa, imma appassjonanti, hi triq li ma nistgħux nimxuha waħedna, jeħtieġ nimxuha fi grupp, fejn kull membru jikkollabora billi jagħti l-aħjar tiegħu.  Ġesù jorbot fuqek kif ‘żmien ilu għamel ma’ Santa Roża ta’ Lima, San Turibja, San Ġwann Macías, San Franġisk Solano u tant oħrajn.  U llum staqsi lillek innifsek, u lilhom ukoll: int lest, int dispost biex timxi warajh? (iwieġbu:”Iva”)  U minn hawn u ġimgħa oħra?  (iwieġbu: “Iva”).  Tkunx daqstant ċert, tkunx daqstant ċerta.  Ħarsu ftit, jekk intom lesti biex timxu warajh, itolbuh iħejjilkom qalbkom biex tkun disposta li ssegwih.  Ċara din?  (iwieġbu: “Iva”).

Għeżież ħbieb, il-Mulej qed iħares lejkom bit-tama, Hu qatt ma jaqta’ qalbu minna.  Forsi lilna jiġrilna li naqtgħu qalbna minn xi ħabib, ħabiba, għax kienu jidhru tal-affari tagħhom u mbagħad sibna li ma kienu tant hekk, nitilfu l-kuraġġ u nitilquhom fil-ġenb.  Ġesù qatt ma jitlef il-kuraġġ, qatt u qatt.  “Padre, imma kieku taf dak li nagħmel jien... ngħid ħaġa u nagħmel oħra, ħajti mhix tant nadifa...”  Iżda minkejja kollox, Ġesù ma jaqtax qalbu fil-konfront tagħkom.  Issa noqgħodu ftit fis-skiet.  Kulħadd jeżamina ftit qalbu, kif inhi ħajtu.  Ħares lejha f’qalbek.  U ssib li f’xi mumenti hemm affarijiet tajbin, f’oħrajn affarijiet li mhumiex tant tajbin, u minkejja kollox, Ġesù ma jaqtax qalbu minnkom.  U f’qalbek għidlu: “Grazzi, Ġesù, għax ġejt biex takkumpanjani anki meta kont f’sitwazzjoni kerha.  Grazzi, Ġesù”: (itennu: “Grazzi, Ġesù”)

Sabiħ ħafna tara ritratti li jkunu rtukkati bil-kompjuter, imma dan tajjeb biss għar-ritratti, ma nistgħux nużaw il-”photoshop” mal-oħrajn, mar-realtà, magħna nfusna.  Il-filtri kuluriti u ċ-ċarezza tal-immaġni jgħoddu biss għall-vidjow, imma ma nistgħux napplikawhom mal-ħbieb.   Hemm ritratti li jkunu sbieħ ħafna, imma huma rtukkati, u ħalluni ngħidilkom li qalbna ma nistgħux “nirtukkawha bil-kompjuter” għax huwa hemmhekk li tinsab il-veru mħabba, hemmhekk tinsab l-hena vera, minn hemm turi verament x’int: kif inhi qalbek?

Ġesù ma jridx li xi ħadd “jirtukkalek” qalbek.  Hu jħobbok kif int u għandu ħolma li jrid iwettaq b’kull wieħed u waħda minnkom.  Tinsewhiex din, Hu ma jaqtax qalbu minnkom.  U jekk intom titilfu l-kuraġġ nistedinkom taqbdu l-Bibbja, u waqt li taqrawha tiftakru fil-ħbieb li għażel Ġesù, li għażel Alla.  Mosè kien ilaqlaq biex jitkellem; Abraham, raġel xiħ; Ġeremija kien għadu tfajjel; Żakkew, qsajjar; id-dixxipli kienu jorqdu meta Ġesù kien jgħdiilhom biex joqgħodu jitolbu; il-Madalena, midinba pubblika; Pawlu, persekutur tal-Insara; u Pietru, ċaħdu.... imbagħad għamluh Papa, imma kien ċaħdu.... U nistgħu nkomplu l-lista.  Ġesù jħobbok hekk, kif int, l-istess kif ħabb lil dawn ħbiebu hekk, kif kienu, bid-difetti tagħhom, bir-rieda li jikkoreġu ruħhom, imma int uri lilek innifsek lil Ġesù, kif int, hekk iħobbok il-Mulej.  M’għandekx tagħmel irtokk, tirtukkax qalbek, imma idher quddiem Ġesù kif int, ħalli Hu jkun jista’ jgħinek biex timxi ‘l quddiem fil-ħajja.

Meta Ġesù jħares lejna, ma joqgħodx iqis kemm aħna imperfetti, imma jħares lejn l-imħabba kollha li għandna x’noffru f’qalbna u biex nimxu warajH.  GħaliH dik hi l-aktar ħaġa importanti, l-akbar ħaġa: kemm għandi mħabba f’qalbi?  U dil-mistoqsija nixtieq li nagħmluha wkoll lil Ommna: “Omma tagħna, maħbuba Verġni Marija, ħares lejn l-imħabba li għandi f’qalbi.  Hi dgħajfa?  Hi ħafna?  Ma nafx hix imħabba”. U kunu ċerti li Hi takkumpanjakom f’kull waqt tal-ħajja, f’kull salib it-toroq tal-mixja tagħkom, speċjalment meta jkollkom tieħdu deċiżjonijiet importanti.  Taqtgħux qalbkom, titilfux il-kuraġġ!  Ibqgħu mexjin, ilkoll flimkien!  Għax hu ta’ min jgħejxha dil-ħajja, ta’ min jgħejxha b’rasu merfugħa.  U Alla jberikkom!

 

APPELL

 

Ninsabu hawn, fil-pjazza maġġuri ta’ Lima, post żgħir f’belt li għad-dinja hi relattivament żgħira.  Imma d-dinja hi ferm akbar, u hi mimlija bliet u popli, mimlija problemi, mimlija gwerer.  U llum wasluli aħbarijiet ta’ tħassib kbir mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.  Niftakriu fil-Kongo.  F’dal-ħin, minn dil-pjazza, flimkien ma’ dawn iż-żgħażagħ kollha, nitlob lill-awtoritajiet, lil min hu responsabbli u lil kulħadd f’dal-pajjiż maħbub, biex jagħmel ħiltu kollha, l-akbar sforz possibbli biex tkun evitata kull għamla ta’ vjolenza u biex jinstabu soluzzjojnijiet ta’ fejda għall-ġid komuni.  Ilkoll flimkien, fis-skiet, nitolbu għal din l-intenzjoni, għal ħutna tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

[Angelus]

U arrivederci lil kulħadd!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber