Laikos

 

IL-PAPA FRANĠISKU

 

KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

MĦEJJIJA GĦALL-UDJENZA ĠENERALI TAT-2 TA’ APRIL 2025

 

L-Erbgħa 2 ta’ April 2025

 

Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. II. Il-ħajja ta’ Ġesù. Il-laqgħat. 3. Żakkew. “Illum jeħtieġli noqgħod għandek!” (Lq 19:5)

 

Għeżież ħuti,

 

Inkomplu nikkontemplaw il-laqgħat ta’ Ġesù ma’ xi persunaġġi tal-Vanġelu. Din id-darba nixtieq nieqaf fuq il-figura ta’ Żakkew: episodju li hu partikularment għal qalbi, għax għandu post speċjali fil-mixja spiritwali tiegħi.

 

Il-Vanġelu ta’ Luqa jippreżentalna lil Żakkew bħala wieħed li donnu ntilef u ma hemmx tama għalih. Forsi aħna wkoll xi drabi nħossuna hekk: bla tama. Imma Żakkew jiskopri li l-Mulej diġà kien qed ifittxu.

 

Fil-fatt, Ġesù niżel Ġeriko, belt taħt il-livell tal-baħar, meqjusa bħala xbieha tal-qigħan tal-mewt, fejn Ġesù jrid imur ifittex lil dawk li jħossuhom mitlufa. U fir-realtà Kristu Rxoxt jibqa’ jinżel fil-qigħan tal-imwiet tal-lum, fil-postijiet tal-gwerra, fit-tbatija tal-innoċenti, fil-qalb tal-ommijiet li jaraw lil uliedhom jitilfu ħajjithom, fil-ġuħ tal-foqra.

 

Żakkew f’ċertu sens kien mitluf, forsi għamel għażliet żbaljati jew forsi l-ħajja ġabitu f’sitwazzjonijiet li sabha bi tqila joħroġ minnhom. Luqa fil-fatt jinsisti li jfisser il-karatteristiċi ta’ dan ir-raġel: mhux biss huwa pubblikan, jiġifieri wieħed li jiġbor it-taxxi għall-invażuri Rumani mingħand iċ-ċittadini sħabu, imma hu saħansitra l-kap tal-pubblikani, qisek qed tgħid li d-dnub tiegħu hu mmultiplikat.

 

Imbagħad Luqa jżid li Żakkew hu għani, u hekk jagħtina x’nifhmu li stagħna minn fuq dahar l-oħrajn, għax abbuża mill-pożizzjoni tiegħu. Imma dan kollu għandu l-konsegwenzi tiegħu: Żakkew aktarx iħossu eskluż, mistkerrah minn kulħadd.

 

Meta jsir jaf li Ġesù għaddej mill-belt, Żakkew iħoss ix-xewqa li jarah. Ma jissograx jimmaġina laqgħa, imma biżżejjed għalih jaħkmu mill-bogħod. Imma x-xewqat tagħna jsibu wkoll xi jfixkilhom u ma jseħħux b’mod awtomatiku: Żakkew hu qasir fl-istatura! Din hija r-realtà tagħna, għandna l-limiti tagħna li jkollna ngħixu bihom. U mbagħad hemm l-oħrajn, li xi drabi ma nsibux għajnuna mingħandhom: il-folla żżomm lil Żakkew milli jara lil Ġesù. Forsi din hi wkoll xi ftit il-vendetta tagħhom fuqu.

 

Imma meta jkollok xewqa qawwija, ma taqtax qalbek. Xi soluzzjoni ssib. Imma jrid ikollok il-kuraġġ u ma tistħix, hemm bżonn ta’ xi ftit sempliċità tat-tfal u li ma tinkwetax iżżejjed fuq kif tidher. Żakkew, proprju bħal tfajjel, jixxabbat ma’ siġra. Aktarx kien punt tajjeb ta’ osservazzjoni, fuq kollox biex jara bla ma jarawh, jinħeba wara l-friegħi.

 

Imma mal-Mulej dejjem jiġri dak li ma jkunx mistenni: Ġesù, meta jasal fil-qrib, jerfa’ ħarstu. Żakkew jintebaħ li nkixef u aktarx jistenna xi ċanfira pubblika ġejja. Forsi n-nies xtaqet li jseħħ hekk, imma kellha tibqa’ deluża: Ġesù jitlob lil Żakkew jinżel minnufih minn hemm, kważi mistagħġeb li qed jarah fuq is-siġra, u jgħidlu: “Illum jeħtieġli noqgħod għandek!” (Lq 19:5). Alla ma jistax jgħaddi mingħajr ma jfittex lil min intilef.

 

Luqa juri l-ferħ li feġġ fil-qalb ta’ Żakkew. Huwa l-ferħ ta’ min iħoss li hemm xi ħadd li jħares lejh, jagħrfu u fuq kollox jaħfirlu. Il-ħarsa ta’ Ġesù mhijiex ħarsa ta’ ċanfira, imma ta’ ħniena. U hi dik il-ħarsa ħanina li xi drabi nbatu biex naċċettaw, fuq kollox meta Alla jaħfer lil dawk li fil-fehma tagħna ma jimmeritawhiex. Ingemgmu għax lil Alla nixtiequ ngħidulu aħna sa fejn jista’ jħobb.

 

Fix-xena tad-dar, Żakkew, wara li jkun sema’ l-kelmiet ta’ maħfra ta’ Ġesù, iqum fuq riġlejh, bħallikieku rxoxta mill-qagħda tal-mewt li kien fiha. U jqum biex jieħu impenn: irodd lura erba’ darbiet iżjed minn dak li seraq. Dan mhux xi prezz li jkollu jħallas, għax il-maħfra ta’ Alla hija b’xejn, imma din hija x-xewqa li jsir jixbah lil Dak li minnu ħassu maħbub. Żakkew jieħu impenn li ma kienx obbligat jagħmel, imma dan jagħmlu għax jifhem li dan hu l-mod tiegħu ta’ kif iħobb. U dan jagħmlu billi jiġbor flimkien kemm il-leġislazzjoni Rumana dwar is-serq, kemm dik Rabbinika dwar il-penitenza. Għalhekk Żakkew mhuwiex biss il-bniedem tax-xewqa, imma hu wkoll wieħed li jaf imidd passi konkreti. Dak li jwiegħed li jagħmel mhuwiex ġeneriku jew astratt, imma parti proprja mill-istorja tiegħu: ħares lejn ħajtu u sab il-punt mnejn għandu jibda l-bidla tiegħu.

 

Għeżież ħuti, ejjew nitgħallmu minn Żakkew kif ma nitilfux it-tama, anki meta nħossuna mwarbin jew li m’aħniex kapaċi ninbidlu. Nikkultivaw ix-xewqa tagħna li naraw lil Ġesù, u fuq kollox inħallu l-ħniena ta’ Alla ssibna, hu li dejjem jiġi jfittixna, f’kull sitwazzjoni li fiha ntlifna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard