|
It-Tereżjani u l-Inventarji (I)
Minn David Rossi
Matul
iż-żmien il-Karmelitani
Skalzi ġewwa Bormla kienu jħejju
Inventarju ta`oġġetti Sagri wżati
għas-servizzi reliġjużi
indirizzat għall-kongregazzjoni miġbura
fil-knsija ddedikata lis-Santa Madre. L-inventarju
huwa lista twila mqassma f`diversi kategoriji ppreparata biex l-Ordni
Reliġjuż kien iżomm
rendikont tal-affarjiet li għandu fil-pussess
tiegħu. Ta’ min jgħid
li dan id-dokument huwa ta` mportanza kbira għaliex
jitfa’ dawl fuq il-prattiċi
reliġjużi u l-liturġija
tal-knisja Tridentina. L-Inventario della Sagrestia di S. Teresa di
Malta li jġib d-data tal-1713
jinkludi l-perjodu ta` mill-anqas tliet prijorati
għall-Collegio della SM Teresa f`Malta,
eletti kull tliet snin ġewwa
Ruma fil-kunvent Tereżjan
ta` Santa Maria de Scala.
Hawn insibu l-Prijuri Padre Frate Francesco di Sales della Visitazione
mill-Provinċja ta` Longobardi,
kif ukoll dawk ta` qablu P.Fr.Vittorio di S. Giuseppe u lil
P.Fr.Francesco Antonio della SS Trinita`.
L-Inventarju huwa distint minn inventarji oħra tal-kunvent. Dawn jagħtu ħjiel dwar l-oġġetti aktar ta` użu ta` kuljum misjuba fiċ-ċelel tal-patrijiet waqt li hawn insibu oġġetti fis-sagristija għall-Liturġija. Id-dokument huwa ta` tnax il-paġna u jinstab f’ kundizzjoni tajba. Nsibu l-affarijiet mniżżla taħt diversi sezzjonijiet bħall-Arġenteria - Varii Mobili di diversi Metalli – Varii Mobili di Legname e Statue - Biancheria - Ternarii - Pluviali - Pianete - Veli di Calice - Borse - Palliotti per l-Altare Maggiore - Palliotti per le Capelle - Fiori Artificiali - Missali et altri Libri - Panni e Drappi di varie sorti - Cuscini u Quadri della Sagrestia e Chiesa.
Għalkemm mhuwiex l-iskop tal-artiklu li nsemmu kull oġġett misjub, tajjeb li niflu sew ċertu dettall. Fis-sezzjoni Argenteria pereżempju nsibu l-importanza mgħotija lir-relikwi ta` Qaddisin meqjuma b`devozzjoni meritata. L-insara ta` dak iż-żmien kienu jfittxu r-relikwa għaliex kienet tressaqhom aktar lejn tiġdid spiritwali permezz ta` talb meqjus. Tant kienet importanti il-preżenza tar-relikwa li nsibu kotba miktuba fuq din it-tema bħalma naraw fil-Bibliotecha Porto Salvo Valletta tad-Dumnikani taħt it-titlu ta` Il Tesoro delle S Reliquie Conservate in Malta 1750`. Il-kitba msemmija tas-Sacerdot Melchiore Agius tinkludi tagħrif tal-fdal tal-Qaddisin ġewwa l-Knisja Konventwali ta` San Ġwann Battista tal-Ordni Sovran, il-Belt. F`Bormla t-Tereżjani kellhom ir-relikwa ta` San Albert u relikwarju ovali tal-fidda bil- fdal tas-Santa Madre għall-morda. Relikwarji oħra tal-fidda jzommu l-kustat ta` Santa Tereza u l-mant at` San Ġużepp. Oġġetti tal-fidda jinkludu Ostensorio, Pissidi, Kalċi, Kurċfiss, Kuruna għall-Bambin probabbli ta` Praga u żewġ gandlieri flimkien ma` lampier u affarjiet simili.
L-istatwi diversi fl-inventarju tas-sagristija jagħtu ndikazzjoni tad-devozzjoni reliġjuża eżistenti fil-perjodu tas-seklu tmintax. Apparti dawk tal-Verġni Mqaddsa u Binha Ġesu` nsibu ħames statwi/busti ndurati li juru lil S Placido, S Rosalia u S Barbara bir-relikwa tagħhom u żewġt statwi oħra mingħajr relikwa ddedikati lil San Ġużepp u lis-Santa Madre. Statwa ta` San Antonio di Padova kienet ukoll miżmuma. Taħt Varii Mobili di Legname e Statue insibu diversi gandlieri għall-altar maġġur u oħrajn għall-artal tal-kappella tal-Madonna. Għall-funerali kien hemm tmien gandlieri miżbugħin suwed u oħrajn inargentati għall-quddies privat. Kien jinżamm gandlier tal-injam mastizz għax-xemgħa tal-Għid u Kurċifiss tal-kartapesta flimkien ma` baldakkin b` artal zgħir għall-adorazzjoni tas-Santissimu Sagrament. It-Tereżjani kellhom ukoll gandlieri għall-kappella tad-dormitorju. Il-Bjankerija kienet tinkudi rocchetti (Sopravveste Liturgica) u fazzoletti flimkien ma` Cordoni festivi - ferjali u tvalji għall-altar maġġur u l-kappelli. Korporali u Purifikaturi kienu wkoll inklużi.
L-inventarju
għandu wkoll ternarii bojod u suwed kif
ukoll oħrajn ta` damask aħmar.
Pluviali tal-prima u sekonda klassi kienu wżati
mill-Patrijiet Terezjani għas-servizzi reliġjużi
ta` matul is-sena. Kien hemm ukoll pjaneti bojod, morello b` faxx
tal-fidda u b` damask aħmar, aħdar
u abjad u oħrajn għall-meżżu
temp. Hemm ukoll numru sostanzjali ta` veli di calice
tal-ħarir irrakkmati
bojod u ħodor, velu mill-Persja b’salib
fin-nofs u ieħor abjad bl-isem mqaddes ta`
Ġesu’ irrakkmat
fin-nofs. Is-Sagristija kienet iżżomm
Palliotti ta` diversi kuluri u materjal bħal
damask. Fjuri Artificjali tal-ħarir, xemgħa,
talco u karta kienu wżati flimkien ma `oġġetti
oħrajn dekorattivi.
It-Tereżjani kienu jżommu Missali bil-wiċċ aħmar u oħrajn suwed flimkien ma` kotba liturġiċi u brevjar partikulari f żewġ volumi. Hemm innutat Ritwal Ruman u manuali dell` ordine antichi u manuali dell` ordine moderni flimkien ma` libretto għall-konfrati u libretto manuscritt Libera me Domine. Il-Panni e drappi di varie sorti kien jinkludi twapet għall-kappella maġġura u għall-kapella ta` San Frangisk flimkien ma’ purtieri għall-knisja u l-kor. Kien hemm ukoll standard tad-damask bl-imaġini ta` San Ludoviko.
Kwadri għall-knisja kienu jinkludu pittura tal-Annunzjata ġewwa gwarniċ iswed u oħra tal- Madonna tal-Karmelu flimkien mal-immaġini ta` S Gio Battista, xena tal-Qawmien mill-Mewt u ta` San Ġużepp. Kien hemm l-Annunzjata fil-kor u kwadri oħra għall-altari tal-knisja. Insibu kwadru tal-Madonna bi gwarniċ tal-lavorju u mmaġini t`Omm Alla fuq karta. Pitturi oħra kienu juru lil Ecce Homo u lil Ġesu` ppasjonat bil-kuruna tax-xewk. Kien hemm xeni tal-aħħar ikla, ta` S Giralomo u tal-Madalena ma` żewġt ritratti tal-Papiet u dak ta` San Nicola flimkien ma` ieħor iddedikat lil San Frangisk di Paola. Ta` nteress huwa l-kwadru tal-Gran Mastru Perillos li x`aktarx huwa l-istess wieħed li hemm fil-Kunvent.
Fis-sagristija kienu jinżammu żewġ qniepen għall-kappella ta` San Ġużepp u tal-Madonna għal użu waqt il-quddies flimkien ma` tapit mezzan mogħti minn Sua Emminenza
Fl-Inventarju nsibu dettal ta’ nteress li juri min kienu f`certu każi l-benefatturi ta` dawn l-oġġetti Sagri. Insemmu lil Sign Barone Fabritio Testaferrata li ta lampier kbir tal-fidda u lil oħt il Padre Frate Gio Bernardo di Giesu Maria għad-deheb li ħalliet lil S Teresa għal uzu dekorattiv. Insibu li matul dan il-perjodu Gratiozzo Falzoni kien il-ħajjat ta` tliet pjaneti msemmija fl-inventarju li jindika wkoll l-għotja ta` artal tal-injam użat waqt il-Capitolo tal-Lingua d` Italia fi ħdan l-Ordni Sovran.
Dan it-tagħrif dwar It-Tereżjani u l-Inventarji (I) ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f`Bormla. Nħeġġu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com.
Referenza: Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua Convento B: (10) Documenta Varia de Domo Apud SMN Theresiam Burmulae Malta Liber Nonus Inventarium rerum in convent existentium folio 1 ed (11) Documenta Varia de Domo Apud SMN Theresiam Burmulae Malta Liber Decimus Inventarium rerum existentium in Sagrestia Burmulae AD 1713 folio 23 e Convento C (3) Acta Capitolarum Conv SM Theresiae Melitae ab anno 1661 ad 1796 Vol II e Catalogo : Bibliotecha Conv. St Alphonsi Carmelitani Scalzi Birchircarae Melitae: Bibliotheca: Collegii Melitensis Discalceatorum Cospiquae (A) Shelf (I)1 Effemerologio Carmelitico Teresiano (Arezzo, 1840) dalle Tipografia Gellotti. Bibliotecha Porto Salvo Valletta.