|
It-Tereżjani u l-Elemożina ( II )
Minn David Rossi
Il-Libro d`Introito ed Esito 1627-1681 huwa tabilħaqq wieħed mill-aktar reġistri qodma fl-Arkivju tat-Tereżjani f`Bormla. Dan meta tqis li l-preżenza tal-Patrijiet f`Malta bdiet tinħass fl-1625 jew kif igħid il-mibki Patri Anġeliku M Busuttil OCD fil-ktieb tiegħu `Il-Karmelitani Tereżjani’, tlett snin biss wara l-kanoniżżazzjoni ta` Santa Tereża ta` Ġesu` u mas-sittin sena wara r-Riforma tal-Karmelu li wettqet din il-qaddisa.
Għalkemm
reġistri
finanzjarji jitfgħu
dawl fuq dħul
u ħrug
tas-sena jew xahar indikat,
hemm notamenti
ndikattivi dwar
l-attivita` tal-Ordni tal-Karmelitani Skalzi
fiż-żmien bikri speċjalment
ma` dak kollu li kellu x` jaqsam mal-bini tal-Knisja u l-Kunvent kif
ukoll xi ħjiel
dwar il-ħajja
konventwali kif seħħet
ġewwa
Bormla. Hemm ukoll kitba qasira dwar drawwiet soċjali
u reliġjużi
tas-soċjeta`
Maltija taħt
is-sovranita` tal-Ordni
Ġerosolomitan
rappreżentat
minn Gran Mastri li tul iż-żmien
taw privileġġi
utli lit-Tereżjani
sabiex ikunu
jistgħu
jaqdu d-dmir taghhom bl-aktar mod effettiv.
Dan inkluda l-preparazzjoni ta` missjunarji ġewwa l-Kulleġġ Missjunarju Internazzjonali biex ixerrdu l-kelma t`Alla f`artijiet imbegħda mill-Asja Minuri sal-Mesopotamja u wkoll fil-Malabar l-Indja. Sabiex dan kollu jseħħ kien hemm bżonn it-twaqqif inizjali ta` Kunvent kif ukoll Knisja immexxijja b`mod għaqli mit-Tereżjani ta` dak iż-żmien. Il-bini ddependa mid-dħul ta` legati imħollija favur l-Ordni Marjan minn individwi bħal Giovanni Luca Cauci li ħalla 75 skud fit-testment tiegħu għall-akkwist tal-art sabiex fuqha tinbena l-Cappella Maggiore. Id-dħul ġie nnutat f` Mejju 1630 flimkien mal-elemożina ordinarja ta` 13 il- skud u 3 tari` u 9 skudi u 5 tari` mill-Quddies, għas-somma totali ta` 97 skudi u 8 tari kif imniżżel u verifikat minn Fra Bernardo di St Teresa u Fra Angelo della Resurrezione.
Il-Kunvent u l-Knisja flimkien mar-Romitorio (post għall-Irtiri) komplew jinbnew hekk kif baqgħu jidħlu għotjiet għal dan l-iskop anki mill-kavalieri tal-Ordni Sovran kif ukoll minn Gran Croce u mill-membri tal-Galera di S Pietro. Ma naqasx ukoll is-sehem tal-Gran Mastru f`April 1652 hekk kif ta 200 skud biex jinxtara il-giardinetto. L-Inkwiżitur u l-Congregazione della Carita` flimkien mal-Isqof kienu wkoll benefatturi tat-Tereżjani ma` tul iż-żmien.
L-ispejjeż għall-bini tal-Kunvent u l-Knisja kienu jiġu miflija mill-Visitator Generale li kultant żmien kien jiġi Malta sabiex jara li kollox kien miexi skont il-Kostituzzjoni u drawwiet Tereżjana għall-ġid spiritwali tal-Ordni. Fit-13 ta` Ottubru 1635 Patri Serafino di St Maria Provinċjal ta` San Albert Sqallija ħa nota tad-dħul u ħrug minn żmien l-aħħar laqgħa ta` Patri Alesio di San Angelo jiġifieri mis-16 ta` Ottubru 1633 sa Ottubru 1635 u sab li l-kunvent kien ġabar sudi 1529 tari ` 6 u grani 4 u ħallas skudi 2270 tari` 11 u grani 11 biex ħareġ minn taħt b` 741 skud u 7 grani. Fil-fatt ġie nnutat li l-bilanċ kien ta` 350 skud hekk kif dħul ta` 390 skud ma ġiex innutat qabel ma tħallas. B`hekk il-viżitatur tal-Ordni Tereżjan ħeġġeġ lill-Patrijiet li kull ammont miġbur jitpoġġa ġewwa il-Cassa u jgħaddi mill-ewwel għand il-Prokuratur.
Maż-żmien,
it-Tereżjani
kienu jaċċettaw
oġġetti
prezzjużi
sabiex ibiegħuhom
u jużaw
id-dħul
tagħhom
għall-bżonnijiet
tal-Kunvent. Hekk naraw li f`April 1633
ġie
rrapurtat il-bejgħ
ta` catena d` oro ghall-54 skudi u 2 tari`. Ftit wara,
il-Prijur tal-Kunvent irċieva
żewġ
gandlieri tal-fidda per servizio del convento u mill-20 skud miġbura
ġie
mixtri drapp minn Napli għall-ħwejjeg
tar-Reliġjużi.
Apparti
l-bżonn
tal-bini,
xi flus miġbura
kienu jmorru għall-missjunarji
Tereżjani
kif ġara
f` April tal-1635 meta 50 skud għaddew
għand
il-Padre Generale Patri Paolo Simone ta`
Ġesu`
Maria mill-Patrijiet f`Malta għal
36 Missjunarju li
ħargu
mill-kulleġġ
ta` Malta u 14 mill-Kunvent tas-Santo Monte Carmelo.
Dħul ieħor ġie nnutat mill-kera ta` artijiet jew djar mħollija lill-Ordni tal-Karmelitani Skalzi minn benefatturi taħt ll-forma ta` legat bil-kundizzjonijiet neċessarji. Fil-fatt, dan id-dħul beda jagħmel parti sew mill-bilanċ hekk kif f` April 1652 minn 118 skud introito Luiggi Cordie kien ħallas 40 skud għall-dar mikrija waqt li 9 skudi daħlu mill-Casa di Perulla u skud ieħor ġie mħolli minn Giovani Maria Falsone għall-istess skop. Mis-self ta` flus kontanti jew Censi Bollali kien ikun hemm ukoll dħul xieraq. Hekk naraw li Angelo Sabrini ħallas 6 skudi f`interess f` Jannar 1631 u fl-istess żmien Guliano Felice ta dak li kien dovut minnu lill-Ordni Tereżjan.
Dan it-tagħrif dwar It-Tereżjani u l- Elemożina (II) ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f`Bormla. Nħeġġu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com.
Referenza: National Library, Valletta Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua Malta Sezione: Introito ed Esito Libro d` Introito ed Esito 1627 – 1681. `Il-Karmelitani Tereżjani’, P. Angeliku M Busuttil OCD maħrug mill-Karmelitani Skalzi - `It-Tereżjani’, Malta 1987.