L-Ispirtu s-Santu: ħmira tat-tama

Diskors minn Dun Pawl Sciberras

Vġili ta’ Għid il-Ħamsin

fil-Knisja ta’ San Pubilju, Floriana

Is-Sibt 18 ta’ Mejju 2024

 

“U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont mal-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu” (Atti 2:3-4).

L-Ispirtu s-Santu jinżel fuq il-Knisja fis-simboli ta’ ilsna tan-nar u riħ qawwi. F’din il-katekeżi dwar l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla nixtieq għalhekk ngħaqqad l-ilsien u n-nifs fil-Kelma li toħroġ mill-Ispirtu. 

Kif jgħid “Goal” Lionel Messi meta jiskurja 7 darbiet fil-World Cup 2022? Idejh, il-qbiż donnu jrid jimla l-grawnd u s-seating kollu bil-persuna tiegħu daqskemm iħossu kbir; xi tkaxkira fuq irkubbtejh u riġlejh fuq it-turf; il-kelma goal itawwalha donnha ma fihiex biss 3 jew 4 ittri imma 3 jew 4 metri, u jgħidha b’mod li jrid isemma lid-90,000 spettatur fil-ground! Kelma tingħad bil-fomm imma propjament toħroġ mill-persuna kollha!

Nintraċċaw il-vjaġġ tal-kelma

Fit-tkellim tagħna ta’ kull forma, il-moħħ jiddeċiedi li jgħid kelma, frażi, sentenza, diskors. U jibgħat messaġġi lill-bqija tal-ġisem. U l-ġisem kollu jibda jiċċaqlaq biex tingħad dik il-kelma, frażi, sentenza.

Imma l-moħħ jagħmel dan bil-faċilitajiet u l-funzjonijiet tiegħu kollha:

rieda: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38); “Jekk jista’ jkun ħa jitbiegħed minni dan il-kalċi, imma mhux kif irrid jien, imma kif trid inti jkun magħmul” (Lq 22:42);

kreattività: l-istess tonalità turi kreattività;

bis-sens ta’ kurżità, u s-sens kritiku jew inkwiżittiv, sens ta’ dixxerniment: “Kif ikun dan la jiena ma nagħrfax raġel?” (Lq 1:34), differenti minn “Kif jista’ jkun dan la jien raġel xiħ u marti mdaħħla fiż-żmien?” (Lq 1:18) …

Imbagħad, mill-interjorità, mill-ġewwieni u l-intimità ta’ dak li jlissen il-kelma, in-nifs joħroġ mill-pulmuni għal fuq il-kordi vokali fl-għonq f’ħoss. Fil-Quddiesa tat-tberik taż-Żjut, l-Isqof jonfoħ fuq iż-żejt tal-Griżma b’ħoss ta’ nifs imma wkoll b’ġest tal-għoti tal-Ispirtu fuq iż-żejt. Inħobb noqgħod attent biex nisma’ dak il-ħoss tal-infiħ fuq iż-żejt.

Waħda mill-kelmiet għal ‘għonq’ fil-Lhudi hija נֶפֶשׁ néfex (Is 5:14; Salm 69:1; 105:18): l-istess kelma għal nifs, riħ, ruħ, spirtu; in-néfex, in-nifs, ir-ruħ li jagħti l-ħajja lil dik l-idea li nibtet fil-moħħ.

Minn fuq il-kordi tal-leħen fl-għonq, in-nifs jinbidel f’ħoss.

Fil-fomm imbagħad dak ir-riħ/nifs mogħti l-ħajja f’ħoss mill-kordi jiġi ffurmat f’kelma partikulari, frażi, sentenza, permezz tal-movimenti tal-ilsien u x-xufftejn, bil-mod kif ibiddlu l-forma tagħhom. Ngħidu aħna, waqt il-Konsagrazzjoni, dak in-nifs jinbidel fil-kliem kreattiv, tremend: “Dan hu Ġismi”; Dan hu Demmi”; jew f’mument ieħor tal-ħajja saċerdotali tagħna: “Jien naħfirlek”; f’omelija; f’kelma ta’ kuraġġ; f’“Kun imbierek ibni/binti” mill-ġenituri qabel it-tfal joħorġu għall-iskola jew ix-xogħol. Dan kollu: bis-saħħa tan-nifs, tal-ispirtu!

Imma, kif titlissen?

Imma l-ġisem jirrispondi mhux biss billi jlissen il-kelma, l-frażi jew is-sentenza: il-kif ilissinha jagħtiha lwien u tifsira differenti: it-ton, għajnejja, il-vuċi, it-tempo tal-kliem, is-slumping jew l-vigorożità ta’ ġismi… jkunu differenti. Il-movimenti ta’ jdejja u l-ġestikulazzjoni; it-ton jagħtu kulur għal kollox differenti.

 

Alla jlissen Kelmtu

Hekk ukoll il-kelma ħallieqa ta’ Alla toħroġ mill-intimità tiegħu bl-istess dinamika tal-kelma umana, imma flok in-nifs uman hemm in-Nifs, l-Ispirtu, l-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu huwa nifs, in-Nifs ta’ Alla nnifsu.

U mhux dak ukoll li jagħmel Alla meta jrid jirrivela, juri lilu nnifsu lilna bnedmin!  Aħna nistgħu nitkellmu ta’ bnedmin. Allura l-proċess tar-rivelazzjoni ta’ Alla nesprimuh fi kliem u f’ideat il-bnedmin. Il-qalb ta’ Alla trid tlissen u tnissel dak li trid għall-bnedmin. In-Nifs Qaddis ta’ Alla, l-Ispirtu Qaddis tiegħu, l-Ispirtu s-Santu joħroġ mill-ġewwieni ta’ Alla biex iwassal dak li jrid jgħid dwaru nnifsu lill-bnedmin, jaqsam lilu nnifsu magħna.

Għalhekk San Pawl f’Gal 4:6, jikteb: “Għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna, jgħajjat ‘Abbà, Missier”. Donnu l-Ispirtu ta’ Alla jħossu komdu f’qalb Alla u f’qalbna. U x’joqgħod jagħmel hemmhekk? Ilissen b’determinazzjoni kbira (jgħajjat) l-isem ta’ Alla l-Missier fina u b’hekk ilissen l-isem tagħna lilu. Dak in-Nifs Qaddis isir in-nifs, ir-ruħ, l-Ispirtu ta’ Alla. Minn hemm u permezz tal-Ispirtu tiegħu għal fomm Alla, li jaqsam magħna l-bnedmin dak li jrid jirrivelalna. Ngħidu aħna: kull darba li dwar Alla ngħidu ‘Missier’, inkunu ngħidu ‘Iben’, għax m’hemmx missier mingħajr iben, kif lanqas hemm iben mingħajr il-missier li nisslu. U għal dan ma jridx ikun in-Nifs tal-Ispirtu tagħhom it-tnejn li mill-kelma missier u mill-kelma iben joħloq il-misteru ta’ mħabba tal-Missier lejn l-Iben u tagħhom lejnna?

Ieqaf minuta: Alla nnifsu qed jgħid li kull kelma għandha l-konsegwenzi tagħha. Ma tridx li kull kelma tiegħek tkun frott il-ħidma tan-Nifs, tal-Ispirtu ta’ Alla fik? Tħallihiex toħroġ minn qalbek, minn fommok jekk taf li mhux se tagħmel ħlief ġid!

Il-Kelma ta’ Alla – bħal kull kelma oħra – toħroġ mill-intimità, mill-ġewwieni u mill-interjorità ta’ Alla fl-Ispirtu tiegħu għal fommu għal qalbna, għax hi dak li hemm f’moħħ u f’qalb Alla għalina. U hija kelma li toħloq dak li tesprimi: “Alla qal ... u hekk sar!” (Ġen 1:9). Dan ifisser li aħna nistgħu nieħdu n-nifs ta’ Alla fl-Ispirtu s-Santu.

Imma ma ninsewx lanqas li quddiem il-ħolqien li ħareġ minn idejh, bil-bniedem bħala l-kuruna tiegħu, Alla wera li hu tant hieni, meta ħares lejn kulma kien għamel u ra li kollox hu tajjeb ħafna. Meta nkunu quddiemu aħna jew inkunu nitkellmu fuqu, bħalma għamel hu fuqna, ma nħossux l-istess hena u ferħ, li jiġi propju mill-Ispirtu tiegħu?! Ma tħossx, meta tesperjenza s-salvazzjoni, l-Aħbar it-tajba tal-Evanġelju, li trid tgħajjat: Ġesù huwa ħaj; Ġesù ġej fil-glorja; Ġesù huwa s-Salvatur tiegħi; hu l-Mulej tiegħi!?

Jaqbadha tajjeb Isaija din l-idea tal-qawwa ħallieqa ta’ kelmet Alla, meta jgħid: “10 Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet, u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art, imma jġegħluha tnissel u tnibbet, u tagħti ż-żerriegħa ’l min jiżra’ u l-ħobż ’il min jiekol, 11 hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel” (55:10-11).

Mhux ta’ b’xejn li l-Profeti huma daqstant marbuta mal-qawwa tal-Ispirtu u li l-irwol tagħhom kien l-aktar il-qari tal-istorja tal-Poplu fis-sinjali taż-żminijiet fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla!

 

Ir-rieda ta’ Alla għalija mill-intimità tiegħu

X’inhi r-rieda/il-Kelma ħallieqa li Alla jrid jibgħat għalina mill-intimità tiegħu għalija/ għalina? X’irid Alla għalina?

“Nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna” (Ġen 1:28).

15 Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Imqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt! 16 Ara! Naqqaxtek fuq il-pali ta’ jdejja” (Isa 49:15-16)

“Bi mħabba ta’ dejjem ħabbejtek, għalhekk il-ħlewwa tiegħi rfajt għalik” (Ġer 31:3).

17 Imma t-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem ma’ dawk li għandhom il-biża’ tiegħu, u s-sewwa tiegħu ma’ wlied uliedhom; 18 ma’ dawk li jħarsu l-patt tiegħu, u jiftakru fil-preċetti tiegħu u jħarsuhom” (Salm 103:17-18).

U l-qofol: “Alla hekk ħabb id-dinja, li ta lil Ibnu l-Waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16).

 

L-imħabba: mixtla tat-tama

X’inhi din l-imħabba, dak li jrid Alla għalina, jekk mhux il-mixtla tat-tama?

Rum 15:13 – “U Alla tat-tama jimliekom ilkoll bil-ferħ u s-sliem permezz tal-fidi tagħkom, sabiex it-tama tagħkom toktor bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.”

Fit-tkellim tagħna, ngħidu: ‘nittama li ma tagħmilx xita.’ Għax għandi d-dubji, nittama. It-tama tiegħi toqgħod propju fuq id-dubju.

Imma t-tama f’Alla toqgħod fuq il-passat ċert mimli mħabba ta’ Alla għalija u għalina... li ħareġ mill-interjorità tiegħu bin-Nifs tal-Ispirtu tiegħu, minn qalbu għal qalbna.

Salm 143:8: “Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, għax fik jien nittama. Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, għax lejk jien nerfa’ ruħi”, għax it-tjieba, l-imħabba tal-Mulej lejn kull wieħed u waħda minna hija l-mixtla tat-tama tagħna f’Alla.

Ħafna aktar tard, fl-ittra tiegħu lill-knisja f’Efesu, Pawlu jitlob lill-qarrejja tiegħu jesperjenzaw u jifhmu l-imħabba ta’ Alla, unika fil-wisa’, fit-tul, fl-għoli u fil-fond tagħha: “17 Kristu jgħammar f’qalbkom permezz tal-fidi, biex tniżżlu l-għeruq tagħkom fl-imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom. 18 B’hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha, x’inhu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond’ tal-imħabba ta’ Kristu; 19 tagħrfu kemm din l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla” (Ef 3:18).

 

Talba

Spirtu Qaddis u Ħallieq tal-Missier, fawwar il-ħafna tajjeb li hemm fina, id-doni li poġġejt b’tant delikatezza fina, l-imħabba tiegħek lejna personali li tagħtihom il-ħajja. Ħa jkunu t-trepied li fuqhom toqgħod it-tama tagħna fik u fl-umanità.

Spirtu Qaddis, f’isem Ġesù l-Mulej, qaċċat il-biżgħat, il-qtigħ il-qalb, l-inċertezzi, sallabhom mas-salib ta’ Kristu l-Mulej, u aħsilna b’demmu, li minn ġenbu ħareġ u miegħu ħriġt inti, ix-xmara ta’ Ilma Ħaj. Ħa tkun l-għanja tas-salmista, “ Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu” (Salm 40:5) l-istess għanja li toħroġ minn qalbna u tagħmilna rsala, appostli u messaġġiera tiegħek, Nifs ta’ Alla Qaddis, u ħabbara tat-tama!

Spirtu tal-Għerf u l-Qawwa ta’ Alla: imla lil Charles u Joseph u Anton, Ragħajja u Isqfijiet tagħna, missirijiet għalina fil-Knisja ta’ Ibnek Ġesù bid-doni tal-għerf, il-qawwa, u l-qalb pastorali. Agħtihom inti l-boxxla tal-viżjoni pastorali għall-Knisja li hi f’Malta u f’Għawdex.

Imma llum irridu nitolbuk don speċjalissimu għalihom u għas-saċerdoti tagħna: l-għarfien aktar konvint tal-ġgant rieqed tal-lajċi nsara li huma jirgħu, li lilu tajt is-sejħa nisranija sa mill-magħmudija tiegħu.

Mulej, Spirtu ta’ Pentekoste, il-knisja f’Malta qed tistenna b’ħerqa profeti li jqajmu lil dan il-ġgant f’forza pentekostali biex minnha joħorġu ragħajja oħra, xhieda kredibbli u konvinċenti fid-dinja tal-lum f’Malta u madwar id-dinja.

Spirtu Qaddis, qajjem fil-familji tagħna vokazzjonijiet għal familji miżżewġin konvinti mill-imħabba esklussiva tiegħek għalihom. Nafu li tista’; nemmnu li tista’; nistennew mingħandek dan id-don li inti żgur trid tagħtina. Ammen.

 

Ħajr lill-UTV tal-filmat