LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Sultan (Saltna ta' Alla)

Minn Dun Pawl Sciberras

 

“Is-Saltna ta’ Alla waslet’’ (Mark 1:15; Mt 4:17 ). Dan hu l-messaġġ ċentrali tal-Bxara t-tajba ta’ Ġesù, skont l-evanġelji Sinottiċi. Mattew jgħidilna li Ġwanni l-Battista b’din l-aħbar ukoll beda jxandar il-wasla tal-Messija (Mattew 3:2). It-tliet Sinottiċi mbagħad ma’ tul l-Evanġelju jkomplu juru li Ġesù kien jitkellem ħafna fuq is-Saltna ta’ Alla u l-wasla tagħha fuq l-art. Mattew aktar mit-tnejn l-oħra. Dan nifhmuh fid-dawl tal-karattru Semitiku tal-evanġelju tiegħu, miktub għal xi komunita ta’ tradizzjoni Lhudija. Hu għalhekk li Mattew jgħid “is-Saltna tas-Smewwiet’’ flok “is-Saltna ta’ Alla”, biex jadatta ruħu għall-espressjoni li kienu mdorrijin jisimgħu minn fomm ir-rabbini tagħhom. Dawn, biex ma jsemmux l-isem ta’ Alla, kienu jgħidu “Saltna tas-Smewwiet”.

Jiswielna ħafna nifhmu xi tfisser din l-espressjoni, biex nifhmu sewwa l-messaġġ tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Mill-banda l-oħra, biex nifhmuha sewwa, irridu nqegħduha fuq l-isfond storiku u dottrinali tagħha fit-Testment il-Qadim.

It-Testment il-Qadim jippreżenta lil Jaħwèh, Alla ta’ Iżrael, bħala Sultan. Hu s-Sultan tal-ħolqien kollu, tas-sema u tal-art (Salmi 11:4; 47:3; 103:19). Biżżejjed niftakru fis-Salmi tas-Saltna - ħafna minnhom jibdew bl-għajta ferrieħa “Il-Mulej isaltan!” (Salmi 93; 96; 97; 99 u oħrajn) - li juru lill-Mulej rebbieħ fuq it -tron tiegħu (Salm 47). Il-Mulej hu Sultan tal-popli kollha (Ġeremija 10:7.10). Imma b’mod u b’titlu speċjali hu Sultan ta’ Iżrael, il-poplu magħżul tiegħu. Iżrael hu s-Saltna tiegħu - “Intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi. Intom tkunu għalija saltna ta’ qassisin u ġens qaddis” (Eżodu 19:5-6). Dan hu l-bidu tal-ħsieb ta’ Iżrael bħala Saltna ta’ Alla. Iżrael hu nazzjon teokratiku, li għandu lil Jaħwèh Sultan tiegħu. Il-ħsieb beda dieħel ’il ġewwa u jiżviluppa wara li l-Iżraelin daħlu fl-art ta’ Kangħan (Mħallfin 8:32; 1 Samwel 8:7 ). Ħafna minnhom, għalkemm kienu jemmnu li Jaħwèh hu s-Sultan ta’ Iżrael, riedu sultan bniedem ukoll li jgħaqqadhom flimkien u jmexxihom, kif kellhom il-popli ġirien tagħhom. Dan il-moviment favur il-monarkija beda fi żmien l-Imħallfin u kien fl-aqwa tiegħu fl-ewwel żmien ta’ Samwel (Mħallfin 9:lss; 21:25; 1 Samwel 8:lss). Samwel u oħrajn miegħu kienu kontra t-twaqqif tal-monarkija, għax dan kienu jqisuh bħala ċaħda tas-setgħa ta’ Alla (1 Samwel 8:6-9; 10:17-19). Madankollu l-awtur sagru juri li l-monarkija f’lżrael kienet ġejja minn Alla wkoll, u għalhekk Samwel qagħad għax-xewqa tal-poplu (1 Samwel 8:7.22). F’isem il-Mulej l-ewwel ikkonsagra lil Sawl bħala sultan (1 Samwel 10:1), imbagħad lil David (1 Samwel 16:12-13); hekk ta l-bidu għad-dinastija tad-dar ta’ David (2 Samwel 7:12-16). B’daqshekk l-Iżraelin ma ċaħdux id-dritt tas-saltna ta’ Alla fuq il-poplu tiegħu, iżda għamlu biss sultan f’isem il-Mulej Alla. Kienu jemmnu li s-setgħa tas-sultan kienet ġejja minn Alla u li hu kien qaddej ta’ Alla għall-ġid tal-poplu (1 Kronaki 28:5; 2 Kronaki 13:8). Is-sultan ta’ Iżrael kien meqjus b’titlu speċjali bħala bin Alla (2 Samwel 5:14; Salm 2:7). Madankollu l-istorja tas-slaten turi li dawn fil-biċċa l-kbira tagħhom, minn Salamun sal-aħħar, ma mxewx skont ir-rieda ta’Alla; ċaħdu b’għemilhom lis-Sultan li tahom is-saltna. Hekk wasslu s-saltna ta’ David għall-waqgħa u l-qerda finali tagħha (2 Slaten 25:lss; 2 Kronaki 36:11-31).

Dan kien iż-żmien tal-profeti. Il-Mulej bagħat f’Iżrael dawn in-nies qaddisin biex iwissu u jċanfru lis-slaten ħżiena ta’ Iżrael u ta’ Ġuda u jhedduhom bil-kastig, jekk ma jindmux. Bix- xewqa tajba li kellhom il-profeti kienu jħarsu ’l quddiem lejn iż-żmien tal-qawmien tas-saltna ta’ Alla fuq il-poplu tiegħu u tas-sultan tagħha li jkun bħal David ildid (Mikea 2:13; Ezekjel 34:11-12; 23-24; Isaija 40:9-11). Dan hu ‘l-evanġelju’, il-bxara t-tajba li ħabbru l-profeti, il-qawmien tas-saltna ta’ Alla fost il-poplu tiegħu: “Alla tiegħek isaltan” (Isaija 52:7-8; Sofonija 3:14-15). U mhux fuq Iżrael biss iżda fuq il-popli kollha, għax il-Mulej hu Sid l-art kollha u l-popli kollha tagħha huma tiegħu (Żakkarija 14:9; Isaija 2:1-5). Dan hu l-ħsieb ewlieni mfisser dejjem bi kliem sabiħ fis-‘Salmi tas-Saltna, li ġeneralment jibdew bl-għajta ferrieħa: “Il-Mulej isaltan’’ (Salmi 93; 96; 97; 99). Dawn u Salmi oħra ta’ din ix-xorta juru l-Mulej fuq it-tron glorjuż tiegħu bħala Sultan tal-popli kollha (Salmi 47; 148; eċċ.). L-awturi tagħhom fehmu jfissru li s-saltna ta’ Alla ma tintrebaħ qatt, imma tibqa’ għal dejjem. Din it-tħabbira mbagħad fl-aħħar żmien ifissirha l-awtur tal-Ktieb ta’ Danjel bil-profezija tat-twaqqif tas-saltna ta’ Alla fuq il-fdalijiet tal-imperi l-kbar tal-bnedmin (Danjel 2:44ss). Is-saltna tingħata lil “Bin il-bniedem” u “lill-poplu tal-qaddisin ta’ Alla l-Għoli” (Danjel 7:13-14:27). Din hi l-viżjoni eskatoloġika u messjanika tas-saltna ta’ Alla. Ħadet iż-żmien u għaddew mijiet ta’ snin biex inħadem dan l-aspett fl-istorja reliġjuża ta’ Iżrael - mit-twaqqif tas-saltna mmexxija mis-slaten bnedmin għas-saltna assoluta ta’ Alla mingħajr il-bnedmin. Kien għalhekk li fl-aħħar taż-żmien kienet ħajja u qawwija ħafna fost il-poplu ta’ Iżrael ix-xewqa għall-miġja tas-saltna ta’ Alla. Għal x’uħud din kienet it-tama tal-qawmien tas-saltna politika ta’ David permezz tal-Messija, ibnu. Oħrajn, mimlijin bl-ispirtu ta’ Alla, kienu jistennew il-qawmien reliġjuż u spiritwali tas-saltna ta’ Alla f’Iżrael. Hekk nafu mill-kitbiet apokrifi u sa mill-istess evanġelji (Luqa 1:68ss; 2:25ss; 3:15). Dan kien l-ambjent reliġjuż u psikoloġiku tal-poplu li fih twieled l-Evanġelju tas-saltna ta’ Alla.

“ Is-Saltna ta’ Alla” jew “tas-Smewwiet” (skont Mattew) hi t-tema ewlenija fil-predikazzjoni ta’ Ġesù fl-ewwel tliet evanġelji. Mhijiex hekk fir-raba’ evanġelju, fejn tissemma darba biss fil-kliem ta’ Ġesù lil Nikodemu (Ġwanni 3:3.5). Tissemma wkoll xi ftit fl-Ittri ta’ San Pawl. Jiswielna ħafna nifhmu xi tfisser din l-espressjoni important l-aktar fuq il-fomm ta’ Ġesù, biex jirnexxilna nifhmu aħjar il-messaġġ tal-Evanġelju. It-Testment il-Qadim ħabbar is-Saltna ta’ Alla, li kellha tiġi; it-Testment il-Ġdid bir-rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu, juri li s-Saltna ta’ Alla waslet jew aħjar, li s-Saltna li ħabbru l-profeti seħħet bil-wasla ta’ Ġesù Kristu u bil-missjoni tiegħu fid-dinja. Imma mhux dejjem u kullimkien kull fejn tissemma fit-Testment il-Ġdid is-Saltna ta’ Alla għandha l-istess sens u tifsira. Ġeneralment nistgħu niġbru t-testi li fihom tissemma taħt żewġ titli u nifhmu din l-espressjoni skont il-kuntest tagħhom: il-preżent u l-futur; is-Saltna ta’ Alla bħala realtà preżenti fostna fuq din l-art, u s-Saltna ta’ Alla eskatoloġika, li għad trid tiġi u tidher ’il quddiem.

M’għandniex dubju li Ġesù tkellem mis-Saltna ta’ Alla preżenti f’din l-art, bħal meta qal: “Is-Saltna ta’ Alla waslet” (Mark 1:15 par) u “s-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda” (Luqa 17:21). Ġesù hu s-Sultan li ġie fid-dinja (Ġwanni 18:36-37). Ladarba kien hawn is-Sultan, kien hawn is-saltna wkoll. Ma kienx Sultan bla saltna. Imma s-saltna tiegħu “m’hijiex ta’ din id-dinja”. M’hijiex ta’ din id-dinja għax m’hijiex materjali bħas-saltniet tal-art; hi spiritwali u sopranaturali. Imma hi f’din id-dinja, magħmula mill-bnedmin fuq din l-art li jagħrfu lil Ġesù bħala Sultan tagħhom, jemmnu fih u jilqgħu kliemu. Min jilqa’ lil Ġesù bħala s-Sultan tiegħu jidħol fis-saltna tiegħu. F’xi każijiet jidher li Ġesù u s-saltna huma ħaġa waħda (Mattew 19:21; Mark 11:10; Luqa 18:29; Atti 8:11; 28:31).

Minn ħafna testi jidher ċar li s-Saltna ta’ Alla fl-art hi l-ġemgħa tal-bnedmin li Ġesù ġabar flimkien fil-familja ta’ Alla (ara Ġwanni 11:52). F’kelma oħra, hi l-Knisja. Li l-Knisja hi “s-Saltna tas-Smewwiet” fl-art nafu sewwa mill-kliem ta’ Ġesù lil Pietru: tah “l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet” u fuqu bena l-Knisja tiegħu (Mattew 16:18-19). Hekk għandna nifhmu wkoll f’każijiet oħra biex nifhmuhom sewwa, ukoll jekk ma jkunux ċari daqshekk. Eżempji: l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minn Ġwanni l-Battista (Mattew 11:11; Luqa 7:28); il-pubblikani u l-prostituti jidħlu qabel il-Lhud fis-Saltna ta’ Alla (Mattew 21:31); il-kittieb li fehem sewwa kliem Ġesù ma kienx ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla (Mark 12:34). Hekk ukoll fil-Parobboli tas-Saltna, l-aktar fl-evanġelju ta’ San Mattew (13:lss) u f’ħafna każijiet oħra mhux biss fl-evanġelji, iżda wkoll f’kotba oħra tat-Testment il-Ġdid (Kolossin 1:13; 4:11; Lhud 12:28).

Ġesù ġie jsejjaħ lil kulħadd għas-Saltna ta’ Alla, li hu ġie jwaqqaf fuq l-art. Imma wera wkoll il-kundizzjonijiet meħtieġa biex wieħed jidħol fiha u jkun jixraqlu jgħix fiha. L-ewwelnett, l-indiema jew il-konverżjoni u l-fidi fl-Evanġelju (Mark 1:15 par); imbagħad, il-magħmudija (Ġwanni 3:3. 5; ara Atti 2:38). U kundizzjonijiet morali u spiritwali skont l-ispirtu ta’ Ġesù Kristu, is-Sultan ġwejjed u umli (Mattew 11:29; 21:5). Dawk li jridu jidħlu fis-Saltna tas-Smewwiet għandhom ikunu sempliċi u umli bħat-tfal iż-żgħar (Mattew 18:3 par), ikunu fqar fl-ispirtu (Mattew 5:3ss), jiċċaħħdu mill-ġid tal-art (Mattew 19:23 par), iħobbu l-ġustizzja ta’ Alla (Mattew 5:20) u jagħmlu r-rieda tal-Missier (Mattew 7:21). Dan ifisser tkun membru ħaj u veru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu, li hi s-Saltna tiegħu fuq l-art.

Is-Saltna ta’ Alla hi wkoll eskatoloġika, jiġifieri, tfisser ir-rebħa tal-aħħar ta’ Ġesù Kristu u ta’ dawk kollha li huma tiegħu fil-glorja ta’ Alla l-Missier. F’dan is-sens għandna nifhmu l-kliem ta’ Ġesù fuq “it-tieni miġja” tiegħu, il-parousίa: Bin il-Bniedem jiġi fis-Saltna tiegħu (Mattew 16:28) jew “il-wasla tas-Saltna ta’ Alla” (Mark 9:1; Luqa 9:27). Is-Saltna ta’ Ġesù Kristu hi saltna ta’ dejjem, saltna bla tmiem (2 Pietru 1:11; Luqa 1:33); hi “saltna tas-sema” (2 Timotju 4:18). Hi wkoll din is-saltna tas-sema li Ġesù jwiegħed lid-dixxipli tiegħu. II-ġusti jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom (Mattew 13:43); is-saltna hi l-premju tad-dixxipli (Luqa 12:32); hi l-wirt tagħhom (Mattew 25:34), imma ma jirtuhiex dawk li jagħmlu l-ħazen (1 Korintin 6:9-10; Galatin 5:21; Efesin 5:5). Mela f’kull każ fejn fit-Testment il-Ġdid tissemma s-Saltna ta’ Alla għandna naraw sewwa jekk hijiex fis-sens tal-preżenza tagħha fuq l-art, jiġifieri, jekk hijiex il-Knisja, jew jekk tirreferix għas-saltna li għad trid tidher u li Alla jwiegħed lil dawk li jkunu għexu skont ir-rieda tiegħu fuq l-art. Is-Saltna ta’ Alla hi waħda, fl-art u fis-sema hi l-istess waħda. Tibda minn din l-art u timxi ’l quddiem sa ma tasal fil-perfezzjoni sħiħa tagħha fil-glorja tas-sema. “Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom” (Mattew 13:43)