LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Spirtu - It-Testment il-Qadim

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-kelma “spirtu” niltaqgħu magħha ħafna drabi fil-Bibbja, sew fit-Testment il-Qadim u sew fit-Testment il-Ġdid. Imma din hi kelma li fiha tifsiriet u aspetti diversi. Għalhekk irridu nifhmuha kull darba skont il-kontest li fih tkun. Għalhekk ukoll it-traduzzjoni tagħha ma tkunx dejjem l-istess.

Il-kelma Lhudija tat-TQ hi rύaħ (bħall-kelma Maltija ruħ u riħ). Is-sens ewlieni tal-kelma hu dak ta’ ‘riħ’ (Ġen 3: 8; 8:1; Es 14:21; Num 11:31; eċċ.). L-erbat itruf, li minnhom jonfoħ ir-riħ, jissejħu ‘erbat irjieħ’ (1 Kron 9:24 Eżek 37:9; Dan 7:2). Ir-riħ hu simbolu tas-setgħa ta’ Alla li toħloq. Għalhekk jissejjaħ “riħ ta’ Alla” (rύaħ ħa' eloħìm - Ġen 1:2). U jissieħeb mal-kelma li biha Alla joħloq (Ġen 1:3-30). “Ir-riħ ta’ Alla” hu, biex ngħidu hekk, bħal mezz li bih Alla jwassal il-kelma setgħana tiegħu (Eżek 37:9). Hu “n-nifs ta’ Alla”, li joħroġ minn imnifsejh b’qawwa tal-għaġeb bħal dik tar-riħ (Es 15:8.10 = Es 14:21; 2 Sam 22:16 = Salm 18:15; Is 11:15; Ġob 4:9; eċċ.). Hekk jingħad: “Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet , u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom” (Salm 33:6; ara Għerf 1:7).

Rύaħ (riħ) hi wkoll ir-ruħ jew aħjar, in-nifs ta’ kull ma jgħix. Kull ma jieħu n-nifs, bnedmin u bhejjem, għandu l-ħajja. In-nifs hu s-sinjal tal-ħajja. II-ħajja fil-bniedem bdiet “b’nifs il-ħajja” ta’ Alla (Ġen 2:7). Kulma jgħix għandu fih “nifs il-ħajja” - rύaħ ħajjìm, (Ġen 6:17; 7:15.22). Sakemm fil-bniedem u wkoll fil-bhejjem hemm nifs il-ħajja, dawn jgħixu. Malli l-Mulej “jeħdilhom nifishom, imutu” (Salm 104:29-30; 146:4; Ġob 27:3-4). Il-Mulej waħdu hu s-Sid ta’ nifs il-ħajja (Num 16:22; 27:16; 2 Mak 14:46). Hu biss jagħti l-ħajja, u l-ħajja hi don tiegħu (Ġob 10:12). Il-ħajja hi ‘mislufa’ lill-bniedem, bħallikieku mhijiex tiegħu; għalhekk għandu jibża’ għaliha (Għerf 15:8.16).

L-espressjoni biblika l-aktar magħrufa b’konnessjoni mal-kelma rύaħ hi dik ta’ “l-ispirtu tal-Mulej” (“ruħ il-Mulej”). Biha l-awturi sagri fehmu jfissru l-qawwa tal-Mulej Alla fl-għemejjel tal-għageb tiegħu fl-istorja tal-poplu tiegħu mill-ħrug tal-Eġittu saż-żmien il-ġdid imħabbar mill-profeti. Il-mexxejja ta’ Iżrael kellhom il-ħila, l-għaqal u l-qawwa għax il-Mulej, għażilhom, għaniehom bl-ispirtu tiegħu. Hekk Mosè u s-sebgħin anzjan (Num 11:17.25.29), u Ġożwè (Num 27:18) u l-Imħallfin (Mk 3:10; 6:34; 13:24; 14:6; eċċ). Hekk ukoll is-slaten li mexxew sewwa, bħal David (1 Sam 16:13; 2 Sam 23:2). U l-aktar fuq il-profeti, li kienu mqanqlin u mħeggin mill-ispirtu tal-Mulej (Mik 3:8; Eżek 2:2; 3:24; 11:5). Kien bis-saħħa tal-ispirtu tal-Mulej li l-profeti kienu jafu x’kellhom jgħidu u kisbu l-qawwa biex tkellmu (Is 30:1; Żak 7:12; Mik 3:8; ara 2 Pt 1:21). Il-profeti ħarsu wkoll ’il quddiem lejn iż-żmien hieni li kellu jiġi u li kellu jkun tassew iż-żmien tal-ispirtu tal-Mulej. Proto-Isaija ħabbar li fuq il-Messija li kellu jiġi kien se “jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej” (rύaħ Jaħwèh) u jimlieh bl-għerf u d-dehen, bl-għaqal u l-qawwa (Is 11:2). Hekk ukoll Dewtero-Isaija juri “l-Qaddej tal-Mulej” mogħni “bir-ruħ” ta’ Alla (Is 42:1). Eżekjel ħabbar iż-żmien tal-ispirtu (“ir-ruħ”) li jagħti l-ħajja l-ġdida (Eżek 37:1-14). Hu ż-żmien li fih il-Mulej jibgħat l-ispirtu tiegħu biex iġedded il-qlub tal-bnedmin, jagħtihom “qalb ġdida” u “spirtu ġdid” (Eżek 11:19; 36:26). Mbagħad Ġoel ħabbar iż-żmien tal-ispirtu bi kliem il-Mulej: “Jiena nsawwab l-ispirtu tiegħi f’dawk il-jiem” (Ġoel 3:1-2).

Fid-dawl tar-rivelazzjoni tat-TĠ nagħrfu li ż-żmien tal-ispirtu mħabbar mill-profeti seħħ bil-missjoni ta’ Ġesù Kristu (Atti 2:7-21). Ir-rivelazzjoni tal-ispirtu tal-Mulej” (rύaħ ħa' eloħìm), li jissejjaħ ukoll “spirtu qaddis” (rύaħ qόdex) “Ruħ il-Qdusija, il-Qodos” (Is 63:10-11) ħadet iż-żmien sakemm waslet għall-perfezzjoni mill-bidu tagħha fl-ewwel paġni tat-TQ sar-rivelazzjoni tal-Ispirtu s-Santu fit-TĠ. Mill-figura tar-riħ (rύaħ), simbolu tal-qawwa ta’ Alla (Ġen 1:2) u tan-nifs ta’ Alla”, għall-ispirtu tal-Mulej fuq il-profeti; u mit-tħabbir tal-profeti bil-wegħda taż-żmien il-ġdid tal-ispirtu sar-rivelazzjoni tat-TĠ, li turi li dan hu ż-żmien li fih seħħ għal kollox it-tħabbir tal-profeti. It-TQ, li jsemmi ħafna drabi l-ispirtu tal-Mulej, ma jasalx biex jgħid li dan l-ispirtu hu persuna f’Alla. L-ispirtu tal-Mulej tat-TQ hu Alla nnifsu; din hi espressjoni li tfisser l-istess Alla inkwantu hu spirtu u mhux ġisem, rύaħ, mhux baxàr (Is 31:3); tfisser ukoll is-setgħa u l-qawwa ta’ Alla, mxebbha lil dik tar-riħ. Imma t-TQ ma jasalx biex jirrivela li “l-Ispirtu s-Santu” hu persuna oħra f’Alla. Din ir-rivelazzjoni, skont il-pjan ta’ Alla, kellha tingħata bil-kelma ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla fir-rivelazzjoni tal-misteru tat-Trinita Qaddisa jew tat-tliet Persuni f’Alla wieħed. Imma t-TQ bil-mod il-mod ħejja t-triq għal din ir-rivelazzjoni sħiħa.