LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Profeta

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-kelma profeta, mill-Grieg prophétes, tfisser wieħed li jitkellem għal ħaddieħor jew f’isem  ħaddieħor (pro - phémi). Dan hu s-sens ġenerali ta’ din il-kelma fil-Grieg profan, fejn ħafna drabi tfisser dawk li kienu jfissru l-orakli tal-allat. F’dan is-sens, nistgħu ngħidu, li Aron jissejjaħ il-profeta ta’ Mosè (bil-Lhudi, nabì), għax kellu jitkellem għalih hu, billi Mosè kien tqil biex jitkellem (Eżodu 4:15-16; 7:1). Hu wkoll f’dan is-sens li għandna nifhmu l-ħidma tal-profeti ta’ Iżrael. Kienu nies magħżulin u mnebbħin minn Alla biex iwasslu l-messaġġ u l-ordnijiet tiegħu lill-bnedmin ta’ żmienhom. Kienu ambaxxaturi u messaġġiera ta’ Alla. Ma kinux ixandru l-kelma tagħhom, iżda l-kelma tal-Mulej. Għalhekk is-sejħa tal-profeta xi drabi hi mfissra bl-espressjoni: “Ġiet il-kelma tal-Mulej fuq...” (Ħos 1:1; Ġoel 1:1; Eżekjel 16:1; eċċ.). L-istess ifissru l-azzjonjiet simboliċi bħat-tisfija ta’ xofftejn Isaija (Isaija 6:6-7), it-tqegħid tal-kelma tal-Mulej fuq fomm Ġeremija (Ġeremija 1:1-9), il-ktieb fil-fomm ta’ Eżekjel (Eżekjel 3:1-3). Dan kollu juri li l-profeta mhux minn rajh jitkellem, iżda għax mibgħut minn Alla; u mhux il-kelma tiegħu jxandar, iżda l-kelma tal-Mulej. L-awtur tat-tieni Ittra ta’ Pietru jfissrilna dan bi kliem ċar: “Qatt ma kien li xi profezija ġiet mir-rieda tal-bnedmin; imma meta l-bnedmin tkellmu fl-isem ta’ Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu” (2 Pietru 1:21), kienu jafu li mhux il-kelma tagħhom kienu jxandru, iżda l-kelma ta’ Alla. Hekk kienu jaffermaw: “Dan jgħid il-Mulej...”; jew “oraklu tal-Mulej’’. Huma kienu biss qaddejja tal-kelma tiegħu. Alla kien jitkellem bil-fomm tagħhom.

Kelma oħra antika u rari, li biha kienu jsejħu lill-profeta kienet ‘Veġġent’ (bil-Lhudi, ro’èh jew ħożèh - 1 Samwel 9:9.11.18.19 u 2 Samwel 24:11; ara Saydon: rajj, bl-Ingliż: seer). Din tfisser wieħed li jara ħwejjeġ moħbija ta’ issa jew talli ġej u jgħarrafhom lil oħrajn. It-test iżid din il-glossa jew kumment: “Dari f’lżrael hekk kien jgħid xi ħadd meta kien imur jistaqsi lil Alla: “Ejja mmorru għand il-veġġent, dak li jara, għax dak li llum insejħulu profeta, dari kienu jsejħulu veġġent” (1 Samwel 9:9). Din il-kelma tfisser ukoll aspett ieħor tal-kariżma tal-profeta, li hu l-bniedem ta’ Alla li jara u jaqra s-sinjali ta’ żmienu u fihom jagħraf ukoll dak li jkun ġej. Hekk f’dan is-sens nistgħu ngħidu li l-profeta jħabbar ukoll il-ġejjieni; kif Natan ħabbar lil David id-dinastija tiegħu (2 Samwel 7:11-17), Gad ħabbarlu l-kastig (2 Samwel 24:11-13), Isaija ħabbar lil Aħaz it-twelid ta’ tarbija (Isaija 7:14-15 ), u ħafna oħrajn. Il-profeti kienu jagħrfu jew iħossu dak li kien se jsir ’il quddiem ukoll fl-Ispirtu ta’ Alla li bih kienu mimlijin u mdawlin. Bih kienu sensibbli għall-ġrajjiet ta’ żmienhom u kienu jagħrfu jinterpretawhom bl-esperjenza mistika tagħhom. F’dawn il-każijiet nistgħu nxebbħuhom lill-qaddisin mistiċi tagħna, bħal Santa Tereża ta’ Avila, San Ġwann tas-Salib, u oħrajn.

Fil-Bibbja tagħna għandna l-ġabra tal-Kotba tal-Profeti. Kif huma fil-Kanoni tagħna, aħna nagħżluhom bejn il-profeti l-kbar (Isaija, Ġeremija, Eżekjel, Danjel) u l-profeti ż-żgħar (12). Din id-distinzjoni ġejja biss mill-fatt li l-kotba li jġibu l-isem tal-ewwel erbgħa huma itwal fil-kontenut tagħhom minn dawk tat-tnax l-oħra. Imma fil-Bibbja Lhudija l-kotba kollha huma ‘Profeti’ (Nebi’ìm), barra l-ewwel ħamsa (il-Liġi, Toràh) u l-kotba l-oħra li ġew wara fiż-żmien (Ketubìm). Fl-aħħar mill-aħħar il-Kotba Mqaddsa kollha huma profetiċi fis-sens li kollha fihom ir-rivelazzjoni tal-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tagħna. Barra l-profeti li tagħhom jew aħjar, f’isimhom għandna l-kotba jissemmew oħrajn li fi żmienhom tkellmu f’isem il-Mulej, iżda kliemhom ma nkitibx fil-Bibbja. Naqraw biss rakkonti tal-ħidma profetika tagħhom. L-ewwel wieħed, Samwel, fl-istorja ta’ Sawl u ta’ David (1 Samwel); u Natan u Gad fl-istorja ta’ David (1 Samwel 22:5; 2 Samwel 7; 24;), Elija u Eliżew (1 Slaten 17:1-19:l ss; 2 Slaten l:3 ss; 2:l ss), Aħija (l Slaten 19:2 ss), u oħrajn; nisa profetissi wkoll, Debora (Mħallfin 4:4; 5:31), Ħulda (2 Slaten 22:14-20). Dawn kienu nies, irġiel u nisa, li kellhom il-kariżma tal-profezija jew li kellhom fuqhom l-Ispirtu tal-Mulej u fid-dawl tiegħu setgħu jagħrfu u jifhmu s-sinjali taż-żminijiet. Jissejħu wkoll profeti Abraham (Ġenesi 7), Aron (Eżodu 7:1), Mirjam (Eżodu 15:20) u l-aktar Mosè (Numri 12:6-8; Dewteronomju 34:10; 18:15-19). Jissejħu hekk għax huma wkoll kellhom l-ispirtu tal-profeti li ġew warajhom.

Żmien il-profeti kien l-aktar fi żmien is-slaten, mit-twaqqif tal-monarkija bl-ewwel sultan, Sawl, sal-waqgħa tagħha bl-eżilju tal-Babilonja; u fi żmien l-eżilju u ftit wara wkoll. Milli jidher, dan kien iż-żmien li fih kien hemm bżonnhom l-aktar. Is-slaten, ta’ Iżrael u ta’ Ġuda, kienu kważi kollha ħżiena. Mexxew il-poplu ħażin kontra l-liġi tiegħu u l-wegħdiet tal-patt tas-Sinaj. Il-missjoni tal-profeti kienet li jċanfru lilhom u lill-poplu li kienu mexjin ħażin, jhedduhom bil-kastig ta’ Alla, jekk ma jikkonvertux, u jwegħduhom f’ismu l-ħelsien mill-għedewwa tagħhom, jekk joqogħdu għal-liġi ta’ Alla.

Il-ħidma tal-profeti kienet l-aktar fil-kamp reliġjuż. Kienu dejjem ifakkru lis-slaten, lill-mexxejja u lill-poplu fir-rabtiet li kellhom mal-Mulej Alla bħala l-poplu tiegħu, iwissuhom biex ma jibdluhx ma’ allat oħra u biex iħarsu l-liġijiet tiegħu. Imma x’uħud minnhom kienu jindaħlu, biex ngħidu hekk, fil-kamp politiku wkoll. Samwel kien kontra l-monarkija u żamm il-kontroll fuq Sawl; Elija u Eliżew waqfu bis-sħiħ lil Omri; Isaija li wera lil Aħaż l-iżball tiegħu; Ġeremija, li kien iwissi u jagħti l-pariri lis-slaten ta’ żmienu; u oħrajn. Kien hemm ukoll profeti midħla tas-slaten u ta’ djarhom; kif jidhru kellhom xi setgħa fuqhom u kienu jmexxuhom huma – bħal Gad u Natan fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ David. Il-profeti kienu jħossuh dmirhom li jindaħlu wkoll fit-tmexxija tal-pajjiż li kien taħt idejn is-slaten. Huma kienu jemmnu li Iżrael kien il-poplu ta’ Alla u li s-slaten kienu qegħdin hemm biex imexxuh f’isem Alla u, għalhekk, kellhom id-dmir li jmexxuh skont il-liġi tiegħu u mhux kontrieha. Meta kien hemm slaten li mxew tajjeb, bħal Ħeżekija u Ġosija, il-profeti ferħu bihom u kkoperaw magħhom. Imma lis-slaten ħziena, kif kienu fil-biċċa l-kbira, waqfulhom u ħaduha kontrihom. Imma dan hu l-profeta veru, dak li fejn jara l-ħażin iqum fuq tiegħu u jċanfar lil min jagħmlu, ikun min ikun. Għalhekk batew il-profeti, għax kienu jxandru l-kelma tal-Mulej kif inhi, bla biża’ ta’ xejn u bla ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

Il-kariżma tal-profezija baqgħet ħajja wkoll fost il-Lhud li kienu fl-eżilju tal-Babilonja, kif tixhed il-ħidma ta’ Eżekjel li kien ukoll wieħed mill-ewwel eżiljati (fis-sena 597 QK). Wara li l-Lhud reġgħu lura f’arthom dehru wkoll il-profeti Malakija, Ħaggaj u Żakkarija. Il-ħidma tagħhom kienet kwieta ħafna, għax imbagħad kienu tbiddlu ċ-ċirkustanzi reliġjużi u politiċi li fihom kellhom jaħdmu l-profeti ta’ qabel. Imbagħad il-profezija waqfet għal kollox (1 Makkabej 4:46; 9:27). Kien żmien meta diġà kienet saret il-ġabra tal-Kotba Mqaddsa ta’ ‘il-Liġi u l-Profeti’. Hekk il-kelma miktuba daħlet flok il-kelma mxandra bil-fomm tal-profeti, u kienet hi li kienet tmexxi lill-poplu (Neħemija 8:1-2).

It-Testment il-Ġdid jibda bil-figura ta’ Ġwanni l-Battista u jippreżentah bħala profeta, u profeta kbir, il-profeta prekursur tal-Messija (Mattew 11:7-11; Luqa 7:24-28).

Ġesù wkoll hu ppreżentat bħala profeta mhux bi kliemu, iżda bi kliem in-nies ta’ żmienu (Mattew 16:24; Mark 6:15; Luqa 7:16; Ġwanni 6:14; 7:40; eċċ.). L-evanġelji qatt ma jsemmu li Ġesù qatt qal li hu profeta, imma juru li aċċetta dan it-titlu li kienu jagħtuh in-nies u qatt ma ċaħdu. Ġesù hu aqwa mill-profeti kollha li qatt dehru qablu fl-istorja ta’ Iżrael (Lhud 1:1-2).

Kien hemm ukoll profeti fl-ewwel komunitajiet insara (Atti 11:27; 21:10; 1 Korintin 13:2; 14:3-5; Efesin 3:5; eċċ.). F’xi każijiet jidhru li kienu nies ta’ tip kariżmatiku li fid-dawl tad-don tal-Ispirtu s-Santu, li kien ikun fihom, kienu jagħrfu u jfissru l-ġrajjiet ta’ żmienhom (Atti 21:10-11). Oħrajn, li jissemmew mal-mexxejja fil-listi tal-kariżmi, kellhom xi ħidma speċjali fil-komunità, bħal dik tat-tagħlim għall-bini tal-Knisja (1 Korintin 14:3). Għalhekk, skont San Pawl, id-don tal-profezija jiswa iżjed mid-don tal-ilsna (1 Korintin 14:1-5). Fil-listi tal-kariżmi jissemmew fit-tieni post wara l-appostli u mal-evanġelisti u l-għalliema (1 Korintin 12:28; Efesin 4:11). Dan ifisser li l-profeti kellhom xi uffiċċju important ħafna fil-komunitajiet insara.

Wara ż-żmien tat-Testment il-Ġdid il-profeti ma jissemmewx iżjed fil-ħidmiet uffiċċjali tal-Knisja. Mal-iżvilupp tal-uffiċċji fil-ġerarkija l-profezija, kif jidher, ġiet assorbita minnhom u tinħadem fihom għall-edifikazzjoni tal-Knisja. Il-Knisja għandha dejjem il-kariżma tal-profezija u l-missjoni profetika fid-dinja, għax hi “dawl il-ġnus” bid-dawl tat-tagħlim tal-Evanġelju li twassal lill-bnedmin kollha.