|
LISTA TA' KLIEM | IL-BIBBJA BIL-MALTI |
Pellegrinaġġ/Pellegrini
Minn Dun Pawl Sciberras
Il-kunċett ta’ pellegrinaġġ
Ibda bit-tkeċċija taʼ Adam u Eva mill-Għeden, il-kunċetti taʼ eżilju, ta’ vjaġġi, u “mogħdija” huma referenzi ta’ fatti ma jaqtgħu xejn fil-Bibbja.
Il-Ktieb tal-Ġenesi, l-ewwel ktieb ta’ dan it-“Testment il-Qadim,” jinkludi storja li hija ċentrali għall-ideat Kristjani ta’ pellegrinaġġ: dik tat-tkeċċija ta’ Adam u Eva mill-Għeden, kif jingħad f’Ġenesi 3. Fit-test, insibu Alla “jkeċċi” (ara Ġen 3:22.24) lill-ewwel koppja ta’ bnedmin – Adam u Eva - mill-Ġnien wara li jieklu mis-Siġra tal-Għarfien tat-Tajjeb u l-Ħażin. It-tradizzjonijiet Insara qraw dawn it-testi billi fehmu li l-bnedmin (id-dixxendenti ta’ Adam u Eva) huma biss eżiljati f’dinja ħarxa u ħafna drabi li ma tilqgħekx, imbiegħda kemm minn Alla u kemm mil-bnedmin l-oħra bid-dnub. Ir-rakkonti ta’ wara fl-istess ktieb tal-Ġenesi jenfasizzaw dan l-eżilju bħala kwalità kontinwa tal-eżistenza tal-bniedem: meta l-iben il-kbir ta’ Adam u Eva, Kajjin, joqtol lil ħuh Abel f’mument ta’ rabja u għira (ara Ġen 4:1-16), hu jintbagħat f’eżilju ieħor, ‘l bogħod minn daru u mill-familja tiegħu.
It-triq lura mill-imsemmi eżilju ġiet mifhuma bħala t-triq tar-ritorn f’pellegrinaġġ.
Eżiljati u pellegrini, sa minn Abraham
L-eżilju huwa fatt li jterraq matul it-Testment il-Qadim kollu. Il-Lhud huma aktarx iva milli le barranin f'artijiet barranin - l-Eġittu, id-deżert, il-Babilonja. Fil-fatt, kemm l-eżilju kif ukoll il-pellegrinaġġ għandhom karatteristiċi komuni bejniethom. Aktarx li l-ħafna vjaġġi differenti minn u lejn l-eżilju li nsibu fl-Iskrittura huma nfushom “pellegrinaġġ” b’tifsira spiritwali għanja. Kemm il-vjaġġ ta’ Abraham minn Ur għal Kangħan kif ukoll l-istorja tal-eżodu mill-Eġittu jippreżentaw lil Alla fi vjaġġ ma jaqtax mal-poplu tiegħu.
Fil-mument li Abraham iħalli artu fil-Mesopotamja (ara Ġen 12:1-9) biex imur ifittex art li Alla jwiegħed li jurih, isir “pellegrin” li minn jeddu jmur fl-eżilju. Hija din id-disponibbiltà li jobdi lil Alla u jidħol f’dak li mhux magħruf għalih dak li jagħmel lill-bniedem bniedem ta’ fidi sħiħa. Xi ħaġa simili sseħħ meta, fl-eżodu mill-Eġittu, l-Iżraelin jivvjaġġaw mid-deżert lejn l-istess art ta’ Abraham, lejn Kangħan. Permezz tal-vjaġġ tagħhom, huma jesperjenzaw kemm tbatija li jippermettilhom jgħaddu minnha, kif ukoll il-kura u l-gwida t’Alla.
Dan il-motiv ta’ “eżodu” tant għandu rwol ewlieni fil-ħsieb Nisrani li l-Evanġelju ta’ Luqa (ara Lq 9:28-36) juża eżatt l-istess kelma (“eżodu”) biex jirreferi għall-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù: il-ħruġ tiegħu minn din id-dinja u l-missjoni li ġie mogħni biha mill-Missier u mmexxi fih mill-Ispirtu. Fit-Trasfigurazzjoni, insibu lil Ġesù, Mosè, u Elija jitkellmu dwar it-tluq taʼ Ġesù, “li kien se jwettaq f’Ġerusalemm.” Il-kelma Griega li Luqa juża għal “tluq” fl-oriġinal hija (éksodos) eżodu, f’allużjoni ovvja għall-eżodu ta’ Mosè mill-Eġittu, u għat-“tluq” ta’ Elija minn din id-dinja, li daħal fis-sema ħaj “f’riefnu”. Hawnhekk, l-awtur tal-Evanġelju qed joffri qari ċar tal-istorja tas-salvazzjoni li tibda mill-ħelsien ta’ żmien Mosè sa dik offruta minn Ġesù, u prefigurazzjoni tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesù ħaj innifsu, mal-qawmien mill-mewt. Jiġifieri, il-vjaġġ twil tal-eżodu tal-Lhud, mid-deżert, lejn l-Art Imwiegħda, aktar tard ġie interpretat bħala mudell tal-vjaġġ Nisrani minn dinja “mwaqqgħa,” imbiegħda, lejn il-komunjoni ma’ Alla u l-oħrajn.
L-Iskrittura tispjega wkoll kif Ġerusalemm malajr żviluppat f’ċentru ta’ pellegrinaġġ — it-Tempju kien il-post fejn Alla jista’ jiltaqa’ mal-Poplu tiegħu b’mod uniku ħafna. Il-pellegrinaġġ għal Ġerusalemm fit-tliet festi ewlenin tas-sena (Pésaħ, Shavuòt, u Sukkòt) sar obbligatorju għall-Iżraelin irġiel kollha, li spiss kienu jingħaqdu mal-familji tagħhom. Iktar minn hekk, matul il-perjodi tal-eżilju, il-pellegrinaġġ lejn Ġerusalemm żied fit-tifsira emozzjonali, nazzjonali, u spiritwali tiegħu.
Il-Pellegrinaġġ fit-Testment il-Ġdid
L-Evanġelji jiġbru ħafna minn dawn it-temi partikulari Lhud. Iżda jintroduċu wkoll diversi bidliet importanti fil-mod kif dawn il-motivi għandhom jiġu interpretati. It-tkeċċija mill-Ġenna u l-istejjer kollha li jiġu wara ta' eżilju u kunflitt jikkostitwixxu l-ambjent ta' dak li t-Testment il-Ġdid jirrikonoxxi bħala d-drama twil tal-fidwa — bil-fokus jinbidel milli qabel kienu jfittxu lil Alla f'Ġerusalemm biex imbagħad inbidel biex isibuh fi Kristu. B’hekk il-kummentaturi tal-Bibbja bikrija żviluppaw xibka kumplessa ta’ konnessjonijiet tipoloġiċi u interpretazzjonijiet allegoriċi li jagħtu lill-karattri (bħal Adam, Mosè), oġġetti (il-ħaruf tal-Għid, il-manna, l-ilma mill-blata) u ġrajjiet (l-eżodu) mill-Bibbja Ebrajka sinifikat radikalment ġdid skont it-tagħlim tat-Testment il-Ġdid.
B’mod ġenerali, il-kittieba tat-Testment il-Ġdid jenfasizzaw il-fatt li din id-dinja għad tgħaddi u tintemm (ara Ġw 2:17; 1 Kor 7:31; jew Ġak 1:11) u għalhekk iħeġġu lil dawk li jemmnu biex iqisu lilhom infushom bħala “pellegrini u barranin fuq l-art” jew “residenti biss għal żmien” li l-vera dar tagħhom tinsab fis-sema (1 Pietru 2:11; Lhud 11:13). Barra minn hekk, il-ħajja Nisranija nfisha hija maħsuba bħala vjaġġ lejn dik il-patrija tas-sema.
Pellegrinaġġi Kristjani bdew l-ewwel f’siti assoċjati mat-twelid, il-ħajja, it-tislib u l-qawmien ta’ Ġesù. Ix-xhieda jmorru lura sa mill-bidu tas-seklu 3 — huwa magħruf li Oriġene vvjaġġa mill-Eġittu għall-Palestina, u mbagħad mill-Palestina għal Ateni, u żar siti tradizzjonali diġà miżmuma bħala “qaddisa.” Għadhom jeżistu wkoll ħafna deskrizzjonijiet ta’ pellegrinaġġi Kristjani lejn l-Art Imqaddsa, sa mis-seklu 4, meta din il-prattika kienet imħeġġa minn missirijiet il-Knisja.
Forsi l-aqwa sommarju tal-pellegrinaġġ Kristjan ingħata mill-Papa Benedittu XVI meta hu stess żar Santiago de Compostela fl-2010:“Li tmur pellegrinaġġ mhux sempliċiment iżżur post biex tammira t-teżori tiegħu ta’ natura, arti jew storja.
Li mmorru f’pellegrinaġġ ifisser li noħorġu minna nfusna biex niltaqgħu ma’ Alla fejn irrivela lilu nnifsu, fejn il-grazzja tiegħu tiddi b’qawwa partikolari u tagħmel frott għani ta’ konverżjoni u qdusija fost dawk li jemmnu. Fuq kollox, l-insara jmorru pellegrinaġġ lejn l-Art Imqaddsa, lejn il-postijiet marbuta mal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tal-Mulej. Huma jmorru Ruma, il-belt tal-martirju ta’ Pietru u Pawlu, kif ukoll Compostela, li, marbuta mal-memorja ta’ San Ġakbu, dejjem laqgħet pellegrini minn madwar id-dinja kollha li jixtiequ jsaħħu l-ispirtu tagħhom bix-xhieda tal-fidi u tal-imħabba tal-Appostlu Ġakbu.”