LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Demm

Minn Dun Pawl Sciberras

Fil-kulturi tal-popli tal-qedem id-demm kien meqjus bħala ħaġa l-aktar sagra. Hekk ukoll fir-reliġjon ta’ Iżrael, kif jixhdulna l-kotba tat-Testment il-Qadim. Għalihom id-demm kien il-ħajja, u l-ħajja kienet fid-demm (Ġenesi 9:4; Dewteronomju 12:23). Imma  l-ħajja ġejja minn Alla; hu biss Sid il-ħajja u hu biss għandu s-setgħa fuq il-ħajja tal-bniedem. L-ebda bniedem ma għandu d-dritt ineħħi l-ħajja ta’ bniedem ieħor. Għalhekk il-ħames kmandament: “La toqtolx” (Eżodu 20:13). Madankollu, id-demm imxerred bla ħtija jgħajjat għall-vendetta (Ġenesi 4:10-11) u jitlob it-tpattija (Salm 79:10). Għalhekk kienu jifhmuha li “kull min ixerred demm ta’ bniedem, minn bniedem ieħor jixxerred demmu” (Ġenesi 9:6). Din kienet liġi skont il-kultura tal-popli ta’ dawk iż-żminijiet; daħlet ukoll fil-liġijiet ta’ Iżrael u kienet attribwita lil Alla (Mħallfin 9:23-24; 1 Slaten 2:32). Imma f’lżrael kienet aktar mitigata u kellha l-iskop li tikkontrolla l-eċċessi u l-esaġerazzjoni fil-vendetta (Ġenesi 4:14.23-24; Dewteronomju 19:6-13; Numri 35:9-34).

Kien hemm ukoll il-liġi li ma tistax tiekol id-demm jew il-laħam bid-demm (Dewteronomju 12:16; 15:23; Levitiku 17:12). Din ukoll kienet skont il-kultura u  l-mentalita tal-antiki (Ġenesi 9:4). Fir-reliġjon ta’ Iżrael kienet ukoll u ħadet is-sens reliġjuż, dak li d-demm hu ta’ Alla waħdu u lilu biss għandu jingħata bħala sagrifiċċju (Levitiku 3:2.16-17; 17:11-12). L-insara tal-bidu, li kienu min-naħa tal-Lhud, baqgħu jżommu għal ftit żmien din it-tradizzjoni; il-konċilju ta’ Ġerusalemm ta d-direttiva lill-insara, li kienu ġew min-naħa tal-pagani, biex huma wkoll iħarsu din il-liġi b’rispett lejn ħuthom il-Lhud-insara, biex setgħu jissieħbu magħhom ukoll fl-ikel flimkien (Atti 15:20-29).

Id-demm kien ukoll element ta’ importanza fis-sagrifiċċji li  l-Lhud kienu joffru lil Alla. Il-Patt tas-Sinaj bejn Alla u l-poplu ġie mwettaq bit-traxxix tad-demm tal-vittma (Eżodu 24:3-8), b’sinjal tar-rabta bejn Alla u  l-poplu tiegħu; dan kien “id-demm tal-patt” (Żakkarija 9:11; Lhud 9:16-21). Id-demm tal-vittma kellu tifsira kbira fis-sagrifiċċji tal-ħruq, fis-sagrifiċċji tas-sliem, fis-sagrifiċċji ta’ tpattija għad-dnubiet (Levitiku 1:5.11:4:6.16; 9:12; eċċ). U wkoll fir-riti tal-konsagrazzjoni tas-saċerdoti (Eżodu 29:20-21) u tal-artal (Eżodu 43:20); dan kien ifisser li l-persuni jew l-oġġetti kienu saru ta’ Alla u għas-servizz tiegħu biss.

Fit-Testment il-Ġdid id-demm tilef il-valur li kellu fil-liġijiet tat-Testment il-Qadim; dawn waqgħu jew aħjar, sabu l-milja sħiħa tagħhom fis-sagrifiċċju tad-demm prezzjuż tal-Ħaruf bla tebgħa Ġesù Kristu (1 Pietru 1:19). It-Testment il-Ġdid jirrivela li d-demm ta’ Ġesù Kristu, imxerred bla ħtija fil-passjoni u l-mewt tiegħu, għandu l-valur ta’ sagrifiċċju għall-maħfra tad-dnubiet tal-bnedmin kollha. Għalhekk m’hemmx aktar bżonn ta’ sagrifiċċji oħra bħal dawk tat-Testment il-Qadim. Dawn issa ntemmu u flokhom daħal is-sagrifiċċju waħdieni u perfett imwettaq bid-demm ta’ Ġesù Kristu. Dan hu mfisser fit-tul fl-Ittra lil-Lhud (9:1-28; 10:1-19; 12:24; 13:12.20) bid -demm ta’ Kristu mxerred fuq is-salib għandna s-salvazzjoni, il-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet (Rumani 3:25; 5:9; Kolossin 1:20; Efesin 1:7; eċċ). Imbagħad is-Sinottiċi jgħarrfuna li Ġesù fl-aħħar ikla tiegħu ppreżenta demmu, li kien se jxerred fil-passjoni tiegħu, bħala “d-demm tal-patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet” (Mattew 26:28 par.). Dan hu s-sagriffiċċju tal-Patt il-Ġdid, imwettaq darba għal dejjem bid-demm ta’ Ġesù Kristu. Hu s-sagrifiċċju għall-maħfra ta’ dnubietna, iżda wkoll - kif ifisser l-evanġelista Ġwanni - għall-għaqda sħiħa tagħna ma’ Ġesù Kristu (Ġwanni 6:53-56).