LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Dawl

Minn Dun Pawl Sciberras

 

 

1. Fil-Bibbja d-dawl jiddi mill-bidu sal-aħħar, mill-ewwel sal-aħħar paġna. L-istorja biblika tibda bid-dawl, bħala l-ewwel opra tal-ħolqien ta’ Alla (Ġen 1,3-5), u tagħlaq bid-don tad- dawl, li hu Alla nnifsu fil-ħolqien il-ġdid (Apok 21,5.23).

Id-dawl materjali hu simbolu tad-dawl spiritwali jew tal-ħajja tal-bniedem fl-għaqda ma’ Alla; hekk ukoll, f’sens oppost, id-dlam materjali hu simbolu tal-istat tal-bniedem fid-dnub, li bih jinfired minn Alla. B’dawn iż-żewġ simboli l-Bibbja turi l-ħin kollu l-passaġġ tal-bniedem mid-dlam għad-dawl jew mill-mewt għall-ħajja - mill-mewt tad-dnub għall-ħajja ma’ Alla.

 

2. Id-dawl hu Alla nnifsu. “Alla hu dawl u ebda dlam ma hemm fih” (1 Ġw 1,5). Hu “jgħammar f’dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh” (1 Tim 6,16). Hu “l-Missier, il-għajn tad-dawl” (Ġak 1,17). Mela d-dawl, kull xorta ta’ dawl, sew naturali u fiżiku u sew sopranaturali u spiritwali ġej minnu.

Fit-Testment il-Qadim Alla hu ppreżentat bħala d-dawl tal-poplu tiegħu. It-teofaniji, ir- rakkonti tad-dehriet tiegħu, juruh imdawwar bid-dawl u bid-dija tal-glorja tiegħu (Iż 6,l-3; Ħab 3,3-4). Hu dejjem imlibbes bid-dawl (Eż 19,18; Salm 18,9; 50,3).

Is-simboliżmu tad-dawl bl-applikazzjoni għal Alla ta’ lżrael kien ifisser ħafna għall-poplu tiegħu. Kien ifisser li l-Mulej kien għalihom bħad-dawl fid-dlam, bħall-kolonna tan-nar fil-

lejl tad-deżert (Eż 13,22; Dt 1,33). Għalhekk lejh kellhom iħarsu u fih jittamaw, għax hu d-dawl u s-salvazzjoni (Salm 27,1). Dan hu jagħmlu bil-kelma tiegħu lilna, li hi dawl għal għajnejna u faraġ għal riġlejna (Salm 13,4; 18,29; 119,105).

Ma setax jonqos li s-simboliżmu tad-dawl ma jsibx postu wkoll fi kliem dawk il-profeti, li b’ottimiżmu qawwi ħarsu ʼl quddiem lejn jum il-Mulej u għarfuh bħala jum ta’ dawl. Jum il-ħelsien għall-poplu ċkejken u msejken kellu jkun bħal jum ta’ dawl jiddi fid-dlam (Is 9,l; 42,

7; 49,9; Mik 7,8-9). Dawl ġdid jitla’ fuq Ġerusalemm il-ġdida (Is 60,1-3); il-Mulej Alla nnifsu jkun id-dawl tagħha għal dejjem (Is 60,19-20). Il-Qaddej tiegħu, li joħroġ minnha, ikun “dawl għall-ġnus” (Is 42,6; 49,6).

 

3. It-Testment il-Ġdid juri li l-viżjoni sabiħa tad-dawl seħħet f’Ġesu Kristu u fil-Knisja tiegħu. L-Evanġelji jintroduċuh bħala dawl li jdawwal il-ġnus li huma fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt (Lq 1,79; 2,32; Mt 4,16; Atti 24,23).

Hu l-aktar fir-raba’ Evanġelju li Ġesù hu ppreżentat bħala dawl. Hu d-dawl jiddi fid-dlam; li jdawwal kull bniedem; hu d-dawl tad-dinja (Ġw l,5.9;9,5); min jimxi warajh ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja (Ġw 8,12). Kif Alla l-Missier hu dawl, hekk ukoll hu Ibnu Ġesù Kristu; u hu wkoll dawl bħalu fl-istess sens; għax bid-dawl tal-kelma tiegħu jkeċċi d-dlamijiet tal-ħażen u juri t-triq it-tajba lill-bnedmin.

 

4. Il-missjoni ta’ Ġesù Kristu bħala “Dawl il-ġnus” titkompla mill-Knisja tiegħu u mill-membri tagħha fid-dinja. Bħall-kolonna tan-nar fid-deżert, hekk hi l-Knisja fid-dinja għall-bnedmin ta’ kull żmien: hi “kolonna u pedament tal-verita” (1 Tim 3,15). Hi twassal id-dawl tal-verità ta’ Ġesù Kristu lill-bnedmin kollha. Dan tagħmlu bix-xandir tal-Evanġelju tiegħu, iżda wkoll bil-ħajja tal-insara, il-membri tagħha.

Dawn ukoll - bħal Ġesù Kristu u fl-għaqda tagħhom miegħu - huma “d-dawl tad-dinja” (Mt 5,14). Huma “wlied id-dawl” (Ġw 12,36; Lq 16,8). Ta’ bnedmin midinbin kienu darba dlam, imma issa huma dawl fil-Mulej (Ef 5,8); Alla sejħilhom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb (1 Pt 2,9; Kol 1,12-13).

Għalhekk għandhom jgħixu ta’ wlied id-dawl billi jagħmlu dejjem l-opri tad-dawl, li huma l-għemejjel tajba skont l-ispirtu ta’ Ġesù Kristu (Ef 5,8; 1 Tess 5,5-8; 1 Ġw 2,8-11).

Hekk jiddi d-dawl tagħhom quddiem il-bnedmin (Mt 5,16). Hekk ikomplu fid-dinja l-missjoni ta’ Ġesù Kristu: miegħu u bħalu jkunu d-dawl tad-dinja.