LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Dagħwa

Kitba ta’ Dun Pawl Sciberras

 

1. Fl-ilsien Malti bil-kelma dagħwa nifhmu ġeneralment kull xorta ta’ kliem ta’ tkasbir lill-Isem imqaddes ta’ Alla. Fil-Bibbja l-kelma tfisser dan ukoll, skont l-ordni tat-tieni Kmadament (Eż 20,7; Lev 24,16). Imma għandha wkoll sens aktar wiesa’ minn hekk.

Midgħi hu wkoll min imaqdar jew iżeblaħ lil Jaħwèh, Alla ta’ Iżrael, min jeħodha kontra tiegħu jew jitkellem kontrih; bħal Sanħerib (2 Slat 19,4; 16,22) u Antjoku Epifani (2 Mak 8,4; 9,28; Dan 11,36). Dagħa wkoll hu l-kliem ta’ dawk li jkasbru l-poplu ta’ Alla (Eżek 35,12-13) jew iżebilħu s-sultan ta’ Iżrael (Salm 89,51-52).

Hekk ukoll, skont il-Lhud, Ġesu kien qal dagħwa għax kien qed jagħmel lilu nnifsu Alla (Ġw 10,31-36; Mk 14,64). Meta kien qed imut fuq is-salib, bdew “jgħajruh”, letteralment, “jidgħulu” (Mk 15,29). U d-dagħwa tagħhom bl-Ispirtu s-Santu hu kliemhom kontra tiegħu u kontra l-ħidma salvifika tiegħu (Mt 12,31-23; Mk 3,28-30; Lq 12,10); dan id-dnub jew din id-dagħwa ma tinħafirx, mhux għax Alla ma jaħfirx, iżda għax “id-dagħwa” f’dan il-każ tfisser li wieħed ikun għalaq għajnejh għax ried għad-dawl tal-Ispirtu s-Santu u waqaf lill-qawwa tal-grazzja tiegħu.

 

2. Din l-espressjoni nibqgħu nsibuha f’każijiet oħra fil-kotba tat-Testment il-Ġdid fis-sens aktar wiesa’ tagħha. Għalih innifsu Pawlu jgħid li, qabel ikkonverta, kien “dagħaj”, jiġifieri kien iżeblaħ u jippersegwita lil Ġesù Kristu (1 Tim 1,13). Lill-insara li kien jippersegwita, “kien iġegħelhom jidgħu”, jiġifieri, kien iġegħelhom jeħduha kontra Ġesù Kristu (Atti 26, 11). Dan hu wkoll is-sens tad-dagħa tal-Bhima u tal-Babilonja l-ġdida fl-Apokalissi (Apok 13,1-6; 17,3).

Għalhekk id-dixxipli ta’ Ġesu Kristu għandhom joqogħdu attenti li ma jagħmlu xejn li jista’ jġiegħel lill-pagani jkasbru lil Ġesù Kristu u l-Knisja tiegħu (1 Tim 6, l; Tit 2, 5). Fl-imġiba tajba tagħhom għandhom iħajru l-bnedmin biex jagħtu glorja lil Missierhom li hu fis-smewwiet” (Mt 5, 16).