LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Bniedem

Minn Dun Pawl Sciberras

 

I. “X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem, biex taħseb fih?” (Salm 8,5). L-awtur ta’ dan is-Salm iwieġeb għall-din il-mistoqsija: il-bniedem hu maħluq minn Alla u mqiegħed minnu fuq il-ħlejjaq l-oħra kollha li għamel hu. Hu taħt Alla u lil Alla biss għandu fuqu; u hu fuq il-ħolqien kollu, il-ħlejjaq kollha huma taħtu (Ġen 1,26; 2,19-20). Dan hu l-kunċett bażiku tal-bniedem skont il-Bibbja: il-bniedem fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Alla. Minn Alla ġej, minnu jiddependi, lilu għandu jaqdi.

 

2. Il-kelma biblika għall-bniedem fit-Testment il-Qadim hi ‘adàm. Skont Ġen 2,7, din il-kelma ġejja mill-kelma l-oħra ‘adamàh, li tfisser ħamrija jew trab tal-art, li minnu Alla għamel l-ewwel bniedem. Mela, skont din l-interpretazzjoni folkloristika, din il-kelma tafferma l-element materjali tal-bniedem. Madankollu, għalkemm meħud mit-trab tal-art, il-bniedem għandu fih innifsu n-nifs ta’ Alla li ħalqu. “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem (ħa adàm) mit-trab tal-art (min ħa adamàh) u nefaħlu f’imnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ruħ ħajja (néfex ħajjàh).” Din in-nota ma tingħadx fir-rakkonti tal-ħolqien tal-ħlejjaq l-oħra. Tingħad biss fir-rakkont tal-ħolqien tal-bniedem u tafferma li l-ħajja tal-bniedem ġejja direttament minn Alla. Il-bniedem ġej mill-art bil-ħidma ta’ Alla u jgħix bl-azzjoni diretta ta’ Alla, l-awtur tal-ħajja.

 

Iż-żewġ kelmiet, ’adamàh u néfex ma jfissrux li l-bniedem hu kompost minn element materjali u minn element spiritwali jew, kif nifhmu aħna, mill-ġisem u mir-ruħ. Ifissru biss it-totalità tal-bniedem, li kollu kemm hu ġej minn Alla u minnu jiddependi.

 

3. Il-bniedem hu soċjevoli, hu maħluq biex jgħix fis-soċjetà tal-bnedmin. Dan hu mfisser fir-rakkont tal-ħolqien tal-bniedem bħala raġel u mara jew bħala familja (Ġen 1,27; 2,20-24). L-annimali l-oħra huma wkoll maħluqin fiż-żewġ sessi, iżda mhux biex jgħixu flimkien u jkunu ta’ għajnuna għal xulxin. Lill-mara Alla ħalaqha, u ħalaqha mir-raġel biex tkun ta’ għajnuna għalih u s-sieħba tiegħu (Ġen 2,18.24). Din hi l-ewwel nota tal-karattru soċjali tal-bniedem.

 

4. Il-bniedem hu fuq kollox xbieha ta’ Alla li ħalqu (Ġen 1,26-27). Dan it-titlu kbir ma jingħata lill-ebda ħlejqa oħra. Il-bniedem hu x-xbieha ta’ Alla minħabba l-kobor u d-dinjità tiegħu, li bihom hu ʼl fuq mill-ħlejjaq l-oħra kollha u taħt Alla biss (Ġen 2,19-20). Il-bniedem hu s-sultan tal-ħolqien, hu r-rappreżentant ta’ Alla fuq l-art. Dan hu l-pjan ta’ Alla għall-bniedem, skont id-deskrizzjoni li jagħtuna l-ewwel paġni tal-Ġenesi. Dawn l-ewwel paġni juruna wkoll li l-bniedem bil-waqgħa fid-dnub meta kiser l-ordni tal-Mulej Alla, waqa’ mill-għoli tad-dinjità tiegħu u ħassar ix-xbieha ta’ Alla.

 

5. Imbagħad tidħol ir-rivelazzjoni tat-Testment il-Ġdid li tgħarrafna li l-pjan tal-bidu ta’ Alla għall-bniedem ġie rrestawrat bl-opra ta’ Ibnu Ġesu Kristu. Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat ʼl Ibnu fid-dinja biex jerfa’ l-bniedem mill-waqgħa kerha tiegħu u jagħtih id-dinjità ta’ iben ta’ Alla (Gal 4,4). Ġesù hu “x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx” (Kol 1,15).

 

Hekk Alla ried li l-bniedem jerġa’ jilbes ix-xbieha tieghu fuq “ix-xbieha ta’ Ibnu” (Rum 8, 29).

Ġesu hu t-tieni Adam, Adam il-ġdid, il-bniedem il-ġdid (Rum 5,14; l Kor 15,21-22.45). Il-bniedem li f’kull żmien jiltaqa’ miegħu u jemmen fih jinża’ l-bniedem il-qadim, Adam tad-dnub, u jilbes il-bniedem il-ġdid, li hu Ġesù Kristu (Ef 5,22-24; Kol 3,9). Dan hu n-nisrani tassew: “il-bniedem fi Kristu” (2 Kor 4,17).