LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Bin il-Bniedem

Minn Dun Pawl Sciberras

Skont l-evanġelji, Ġesù kien isejjaħ lilu nnifsu b’dan it-titlu ta’ “Bin il-bniedem” (70 darba fis-Sinottiċi u 12-il darba fir-raba’ evanġelju; barra mill-evanġelji darbtejn oħra biss: Atti 7:56 u Apokalissi 1:13, it-tnejn b’riferenza għal Danjel 7:13). Mela prattikament it-titlu ta’ Bin il-bniedem insibuh fl-evanġelji biss u fuq il-fomm ta’ Ġesù biss. Bl-eċċezzjoni ċkejkna ta’ Atti 7:56 u Apokalissi 1:13 ħadd u qatt mill-awturi sagri ma jsejjaħlu hekk. Din l-espressjoni fiha nfisha tfisser “bniedem”; kull bniedem hu bin il-bniedem (ara Salm 8:3). Imma Ġesù applika dan it-titlu għalih innifsu f’sens messjaniku, skont Danjel 7:13, il-figura ta’ wieħed “bħal iben ta’ bniedem.”

Il-kliem ta’ Ġesù fuqu nnifsu bħala Bin il-bniedem juri aspetti diversi ta’ dan it-titlu. Ġesù hu Bin il-bniedem għax hu bniedem bħalna tassew (Mattew 11:19; Luqa 7:34); imma hu mogħni b’setgħat ’il fuq minn tal-bnedmin (Mark 2:10.28); b’riferenza għall-missjoni tiegħu bħala Messija u Salvatur (Luqa 19:10; Mattew 16:13); hu Bin il-bniedem li jbati u li jagħti ħajtu għall-fidwa tal-kotra; dawn huma s-sentenzi l-aktar numeruzi fl-evanġelji (Mattew 12:40; Mark 8:31; Luqa 9:22; eċċ); għalhekk hu Bin il-bniedem rebbieħ bil-qawmien tiegħu mill-imwiet (Mattew 10:23; 17:19, eċċ.); id-dehra trijonfali tiegħu ta’ Bin il-bniedem ġej fuq is-sħab hi meħuda minn Danjel 7:13 (Mattew 26:64; Mark 14:62; Luqa 22:69).

Fl-evanġelju ta’ San Ġwann Ġesù hu wkoll Bin il-bniedem li jbati, imma fl-istess ħin hu dejjem igglorifikat u jistenna l-glorja sħiħa tiegħu fil-glorja ta’ Alla l- Missier (Ġwanni 3:14; 8:28; 13:31; eċċ).

Ġesù hu Bin Alla li sar Bin il-bniedem. Hu bħala Bin il-bniedem li bata u miet u qam mill-imwiet; hekk bħala bniedem ukoll kiseb il-glorja li kellu minn dejjem qabel ma saret id-dinja (Ġwanni 6:67; 17:5).