LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Bin Alla

Minn Dun Pawl Sciberras

Dan it-titlu sabiħ insibuh ħafna fil-Bibbja. Fit-Testment il-Qadim jissejħu bih: a) l-anġli jew il-ħlejjaq tas-sema li qegħdin ma’ Alla fil-glorja tiegħu (Ġenesi 6:2; Ġob 1:6; 2:1; Salm 29:1; 89:7);

b) Iżrael bħala l-poplu ta’ Alla, maħbub minnu bħal ibnu (Eżodu 4:22; Dewteronomjut 14:1; Isaija 1:2; Hosegħa 2:1; 11:1);

ċ) l-Iżraeli li jgħix skont ir-rieda ta’ Alla (Salm 73:15; Għerf 2:13; 5:5);

d) is-sultan ta’ Iżrael bħala rappreżentant ta’ Alla, taħt il-ħarsien specjali tiegħu (2 Sam 7:14; Salm 2:7; 89:28).

Fit-Testment il-Ġdid “Bin Alla” jew l-Iben ta’ Alla” hu t-titlu speċjali ta’ Ġesù. Insibuh 31 darba fis-Sinottiċi; 28 darba fir-raba’ evanġelju, 42 darba fl-Ittri, tliet darbiet fl-Atti u darba fl-Apokalissi. F’xi każijiet fejn jissemma dan it-titlu mogħti lil Ġesù seta’ jkollu biss sens messjaniku fuq il-fomm ta’ min qalu: ix- xjaten (Mattew 8:29; Mark 3:11; Luqa 4:4), id-dixxipli (Mattew 14:33), Pietru (Mattew 16:16), Natanael (Ġwanni 1:49), Marta (Ġwanni 11 :27). F’każijiet oħra juri r-relazzjonijiet intimi ta’ Ġesù bħala Iben ma’ Alla l-Missier: fil-magħmudija (Mattew 3:17; par.), fit-trasfigurazzjoni (Mattew 17:5; par.), fl-istqarrija ta’ Ġesù (Mattew 11:27ss. u Luqa 10:22ss.), fid-dikjarazzjoni tiegħu quddiem il-qassis il-kbir (Mattew 26:63 u Mark 14:61).

Fl-Ittri ta’ San Pawl, u wkoll fl-Ittra lil-Lhud, Ġesù jissejjaħ l-Iben ta’ Alla fis-sens għoli tal-ħajja intima tiegħu ma’ Alla. Hu li kien ma’ Alla qabel iż-żmien (Kolossin 1:15-17), ħaġa waħda miegħu fin-natura ta’ Alla (Filippin 2:6), sar bniedem u daħal fid-dinja fil-milja taż-żmien (Galatin 4:4). Hu l-Missier li minn ħdejh bagħat fid-dinja ʼl Ibnu, li hu Ġesù Kristu. II-Missier hu ħo theòs (Alla, ġeneralment bl-artiklu) u Ġesù hu ħo ħuiòs (l-Iben, bl-artiklu wkoll). Hu l-Iben mhux bi speċi ta’ adozzjoni, iżda għax għandu hu wkoll l-istess “natura ta’ Alla” u hu “daqs Alla” (Filippin 2:6).

Dan is-sens għoli tal-filjazzjoni divina ta’ Ġesù Kristu hu mbagħad żviluppat fl-ogħla grad fl-evanġelju ta’ San Ġwann. Sa mill-ewwel versi l-awtur juri li Ġesù hu l-Iben il-waħdieni ta’ Alla (Ġwanni 1:1-18). Hekk ukoll matul l-evanġelju kollu. Minħabba l-għaqda tiegħu mal-Missier, għaqda intima fl-istess natura, Ġesù, l-Iben, għandu l-istess glorja tal-Missier u bħalu u miegħu hu gglorifikat (Ġwanni 5:19-26; 11:4; 17:1-5). Fl-evanġelju u fl-Ittri wkoll Ġwanni juri l-ħin kollu u b’ħafna eżempji li l-Iben u l-Missier huma ħaġa waħda mhux f’għaqda morali; iżda naturali, intima u sopranaturali (Ġwanni 3:35-36; 1 Ġwanni 1:3; 2:22-24; 5-13). Il-fatt li fil-kotba tat-Testment il-Ġdid li ġew aktar tard it-titlu ta’ Bin Alla u s-sens għoli tiegħu b’riferenza għal Ġesù Kristu huma aktar numerużi u ċari minn dawk ta’ qabilhom jixhed għall-iżvilupp tal-fidi tal-insara tal-ewwel żmien fid-divinità ta’ Ġesù Kristu.

Fl-għaqda tagħhom ma’ Ġesù Kristu, bil-fidi u l-magħmudija, l-insara jsiru wlied Alla. “Lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu” (Ġwanni 1:12). Mhux ulied naturali ta’ Alla; dan hu biss “l‑Iben waħdieni ta’ Alla li hu fi ħdan il-Missier” (Ġwanni 1:18). Dawk li jemmnu fih, bih u miegħu jsiru wlied bil-grazzja ta’ Alla, jew, kif ifissirha San Pawl, bl-adozzjoni tal-ulied (Rumani 8:14-17; Galatin 4:5-7). Dan seħħ bil-magħmudija u bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. II-Magħmudija hi s-sagrament tar-riġenerazzjoni, “il-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu” (Titu 3:5). San Ġwann ikompli fuq dan il-ħsieb. Il-magħmudija hi twelid ġdid mill-ilma u mill-Ispirtu s-Santu (Ġwanni 3:3-5). Wara t- twelid skont il-ġisem, li bih insiru wlied il-bnedmin, nerġgħu nitwieldu mill-Ispirtu u nsiru wlied Alla (Ġwanni 1:12-13). U wlied Alla tassew! “Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew” (1 Ġwanni 3:1). Mhijiex kwistjoni ta’ titlu jew isem biss. Hi realtà fina, hi don veru li jagħmilna tassew ulied Alla, u bih “nissieħbu fin-natura ta’ Alla” (2 Pietru 1:4).