LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Salmi ta’ vendetta (5)

Minn Dun Paul Sciberras

 

Diffikultà kbira, kultant anke spiritwali, tqum meta nippruvaw nitolbu bis-salmi bħal Salm 58, speċjalment il-vv.7-11; 69; Salm 139, fil-vv.19-22; Salm 140, bil-vv.9-11, u salmi oħra b’sentimenti u attitudni ta’ vendetta bħalhom. Kif jista’ s-Salmista jsejjaħ u jitlob lil Alla biex iħaddem il-qawwa tiegħu biex jikkastiga, jeqred, ixxerred l-għedewwa, il-midinbin, l-inġusti? Kif nistgħu nuru sentimenti bħal dawn fil-preżenza ta’ Alla, fil-qari tas-Salmi, u anke fit-talb tagħna?

Wieħed irid iqis sewwa l-kuntest ta’ dawn is-Salmi, u jrid jeħodhom fil-qafas tal-kunċett ta’ retribuzzjoni, jiġifieri dak it-twemmin Lhudi li kull bniedem jirċievi mingħand Alla l-ħlas skont l-azzjonijiet tiegħu: premju għall-ġusti u l-kastig għal dawk inġusti; skont ma int fl-imġieba tiegħek, tieħu barka jew kastig/saħta mingħand Alla. Hija diskussjoni li tqis invokazzjonijiet u xewqat daqstant imqanqla u appassjonati għal vendetta divina kontra l-għedewwa ta’ Alla min-naħa tas-Salmista jew in-nies tajbin kontra l-persekuturi tas-sewwa li wieħed irid iqis dawn is-Salmi.

Nindunaw mill-ewwel li l-ispirazzjoni ta’ dawn it-tamiet u t-talbiet hija l-indikazzjoni li r-rivelazzjoni divina għamlet triq ta’ progress biex tasal għall-perfezzjoni etika ta’ mġieba mixtieqa b’mod divin mill-bniedem. Ġesù nnifsu għamel dan il-progress espliċitu: “Smajtu x’intqal: “ħobb lill-proxxmu tiegħek u obgħod lill-għadu tiegħek”; imma jien ngħidilkom: “ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom...”” (Mt 5:43-48).

It-Testment il-Qadim kien fih liġijiet immirati biex jipproteġu lil min kien jirċievi xi inġustizzja jew tort. Imma r-retribuzzjoni għal dawn l-inġustizzji u tort li ġarrbu kellha l-limiti tagħha wkoll: “La tbejjitx lil ħuk f’qalbek, imma lil għajrek wissih u erġa’ wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu. La titħallasx b’idejk, u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek: Jiena l-Mulej” (Lev 19:17-18). Il-liġi ta’ ritaljazzjoni (Lev 21:23-25) hija prinċipju ġuridiku li jafferma li l-piena għandha tkun proporzjonata mar-reat.

Nistgħu naraw diġà progress fir-relazzjoni ma’ min hu aktar b’saħħtu espress fir-rakkont ta’ Lamek f’Ġen 4:23-24, biex imbagħad naslu għal Mt 5:38-42, fejn Ġesù jappella biex id-dixxipli jegħelbu il-kunsiderazzjonijiet legali fir-relazzjonijiet umani tagħhom.

Dan l-ispirtu ta’ vendetta jidher f’partijiet oħra tal-Bibbja: Ġeremija, per eżempju, “Ħa jitħawdu dawk li jsusu warajja, u ma nitħawwadx jien! Ħa jitbeżżgħu huma, u ma nitbeżżax jien!” (17:18; ara wkoll 18:23). Min-naħa l-oħra, hemm ukoll referenzi biex il-vendetta titħalla dejjem biss għal Alla: Prov 20:22 (“Tgħidx: ‘Ħa rrodd id-deni b’deni’, imma stenna li l-Mulej jeħilsek hu”); Prov 25:21 (“Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk inhu bil-għatx, isqih”); Ġob 31:29-30 (“Ħadt xi gost bid-deni tal-għadu tiegħi, inkella fraħt meta laqtitu l-ħsara?”). Dan kollu jsib raġuni fil-prinċipju: “Għalija l-ħlas u l-vendetta” (Dewt 32:35).

 

Liema soluzzjonijiet għandna biex insolvu dawn id-dilemmi? Kif tista’ tqiegħed flimkien il-liġi tal-imħabba fil-Bibbja ma’ sentimenti vjolenti bħal dawn fil-Kelma ta’ Alla nnifisha? Kif jista’ Alla tal-imħabba u l-ħniena jħalli lilu nnifsu jiġi invokat b’sentimenti ta’ vendetta u vjolenza bħal dawn?
Il-progress fir-rivelazzjoni tal-valuri etiċi diġà ġie indikat bħala soluzzjoni: Alla jdaħħal lilu nnifsu fl-istorja tal-bniedem u jħalli lilu nnifsu jiġi żvelat skont il-limiti tal-kapaċità tal-bniedem li jaċċetta r-rivelazzjoni tiegħu. Alla bil-mod il-mod jgħallem lill-bniedem kif iġib ruħu b’mod denju ta’ Alla nnifsu, sal-punt li jibgħat lil ibnu Ġesù li jgħallimna nħobbu anke l-għedewwa bħalna nfusna (ara Mt 5:44; il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb f’Luqa 10:25-37). Fit-Testment il-Qadim kienet għadha fis-seħħ il-liġi tar-retribuzzjoni f’din il-ħajja. Għalhekk, imġieba bħal dik tas-salmista li jitlob vendetta mill-għedewwa, sempliċement turi l-għatx għall-ġustizzja min-naħa tal-bniedem imweġġa’. Il-bniedem ġust isejjaħ lil Alla biex jikkastiga hu lill-għedewwa ħżiena, skont l-imġieba tagħhom lejn Alla nnifsu u lejn il-qaddejja tiegħu.
Spjegazzjoni oħra għal din id-diffikultà hija li l-midinbin, l-inġusti, l-għedewwa ta’ dawk li jaqdu u jħobbu lil Alla għandhom jiġu mibgħuda u meqruda minħabba l-ħtija u d-dnub tagħhom. Din l-ispjegazzjoni tmur kontra l-mod kif inħarsu lejn il-midneb wara r-rivelazzjoni sħiħa f’Ġesù: min jemmen għandu jogħbod id-dnub, mhux lill-midneb. San Tumas ta’ Akwinu jgħid: “fil-midneb għandna nħobbu lill-bniedem li jista’ jasal li jindem (S.Th. 2a2ae, 25, 6).


Anki l-mentalità Semitika, il-karattru Orjentali ġie meqjus bħala spjegazzjoni għall-espressjonijiet imqanqla bħal dawn, li nsibu fis-Salmi u fi bnadi oħra fil-Bibbja: il-lingwa tas-Salmisti hija eċċessiva, minħabba l-karattru spontanju mimli passjoni, u b’xi mod anke għan-natura poetika ta’ espressjonijiet bħal dawn.


Imma forsi rridu nikkunsidraw ukoll il-mod kif inħarsu lejn Alla, lejn il-poplu tiegħu, u lejn l-art imwiegħda u mogħtija lil dan il-poplu ta’ Iżrael. L-Iżraelin iqisu l-għedewwa tagħhom, l-aduraturi tal-allat foloz, bħala theddida kontinwa għall-art tagħhom, u bħala għedewwa ta’ Alla Wieħed u li jista’ kollox. L-għadu tal-poplu ta’ Iżrael, ta’ Alla u tar-reliġjon u tal-art tagħhom kien l-għadu dirett ta’ Alla Wieħed. Minħabba f’hekk – kienu jemmnu l-Lhud – dan l-għadu għandu jkun meqjus b’mibgħeda, jekk jista’ jkun, meqrud minn wiċċ l-art. B’hekk kienet tkun iġġustifikata wkoll il-wegħda ta’ Alla lil Iżrael fil-Ktieb tal-Eżodu: “Jekk tisma’ sewwa minn kliemu, u tagħmel kulma ngħidlek, jien inkun l-għadu tal-għedewwa tiegħek, u neħodha ma’ min jeħodha miegħek” (23:22). Iżrael kellu jobgħod lill-għedewwa t’Alla biex jevita li jimita l-imġieba idolatrika tagħhom. Għalhekk hija ġġustifikata wkoll l-hekk imsejħa “Liġi tal-ħérem,’ il-liġi tal-gwerra mqaddsa: li joqtlu kull raġel, imma n-nisa, it-tfal, il-bhejjem u kull ma jkun fil-belt assedjata jittieħdu bħala priża u mogħtija lis-santwarju. Imbagħad dak kollu li jibqa’ f’dik il-belt kellu jinqered bin-nar (ara Dewt 20:10-15; u r-rakkont tat-teħid tal-belt ta’ Ġeriko minn Ġożwè fil-Ktieb ta’ Ġożwè 6:17-27).


Lil Alla tistħoqq kull ubbidjenza u qima. Għalhekk kull min ma jġibx ruħu b’dan il-mod miegħu jew ma’ xi ħadd li hu tiegħu, jistħoqqlu kull kastig, kif ukoll li ma jgawdix il-ħajja li ġejja minn Alla nnifsu. Ġesù ġab progress fil-ħsieb ta’ dan kollu, saħansitra li jwassalna naħfru u nitolbu għall-għedewwa tagħna.