LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Is-Salmi (4) – Klassifikazzjoni

Is-Salmi ma tqiegħdux wara xulxin la skont kif inkitbu u lanqas skont il-forma letterarja tagħhom. Għalhekk jaqbel li niġbruhom fi gruppi differenti u nistudjawhom skont il-grupp. Meta naqrawhom wieħed wieħed, tajjeb li nżommu f’moħħna ma’ liema grupp jew forma letterarja jagħmlu ħalli jkunu jistgħu jinftehmu iktar.

Il-150 salm jitqassmu skont il-forma letterarja tagħhom. Fl-imgħoddi, l-istudjużi kienu jikklassifikaw is-Salmi skont l-argument jew il-kontenut tagħhom. Imma llum, wara l-istudju ta’ Hermann Gunkel mis-sena 1926 ʼl hawn, kulħadd jaqbel li, biex wieħed jista’ jifhem iżjed is-Salmi u s-sens tagħhom, ikun aħjar jekk din il-klassifikazzjoni ssir skont il-forma jew tip letterarju tagħhom. Ebda Salm ma sar kif ġie ġie, jew mingħajr raġuni u ħsieb. Kull wieħed minnhom hu frott ta’ ċirkustanzi partikulari jew “sitwazzjoni fil-ħajja” personali ta’ xi ħadd, jew tal-poplu kollu ta’ Iżrael. Ħafna mis-Salmi jfissru l-qima tal-poplu lejn Alla, u saru għall-użu liturġiku tat-Tempju, bħall-innijiet ta’ tifħir lil JĦWH. Oħrajn saru fl-okkażjoni ta’ ħbit mill-għadu, jew f’għawġ ieħor, u għalhekk huma talbiet għall-ħelisen minn dan jew minn dak il-hemm. Oħrajn imbagħad huma radd ta’ ħajr wara r-rebħa jew il-grazzja maqlugħa.

Bħala regola ġenerali, għalhekk, nistgħu nagħżlu s-Salmi f’ħames klassijiet jew gruppi ta’ forom letterarji differenti:

1) Salmi ta’ tifħir

2) Salmi ta’ talb

3) Salmi ta’ radd il-ħajr

4) Salmi ta’ tagħlim, jew didattiċi, jew sapjenzjali

5) Salmi eskatoloġiċi, jew profetiċi.

 

1) Is-Salmi ta’ tifħir

Dawn is-Salmi huma għanjiet ta’ tifħir, jew innijiet. Is-Salmista idur ikellem lill-anġli, lin-nies twajba, lill-ġnus u ʼl-popli, lill-ħolqien kollu, u lilu nnifsu wkoll, u jistieden u jħeġġeġ lil kulħadd biex ifaħħru lil Alla, filwaqt li jurihom għaliex għandhom ifaħħruh.

Dawn is-Salmi għandhom nisġa sempliċi ħafna: i) Dħul, jew stedina għat-tifħir ta’ JĦWH; ii) imbagħad tingħata r-raġuni li minħabba fiha JĦWH jistħoqqlu t-tifħir; iii) għeluq, li fih terġa’ ssir l-istedina għat-tifħir, jew jingħad kliem ta’ barka, jew talba qasira.

Ir-raġunijiet ewlenin tat-tifħir, skont is-Salmista, huma l-għemejjel kbar li bihom JĦWH wera l-qawwa u l-ħniena tiegħu, sew fil-ħolqien (bħas-Salmi 8; 19:2-7; 29; 104), u sew fl-Istorja ta’ Iżrael (bħal f’Salmi 113; 136). Xi Salmi oħra huma stedina waħda għat-tifħir, mill-bidu sal-aħħar (bħas-Salmi 149; 150). Aktar Salmi ta’ tifħir huma: 33; 65; 75; 100; 103; 114; 117; 134; 136; 139; 145; 146; 147; 148.

 

2) Is-Salmi ta’ talb

Is-Salmi li għandhom forma ta’ talba huma l-aktar numerużi. Jissejħu Lamentazzjonijiet, jew Suppliki, għax huma talbiet l-aktar ħerqana fi żmien ta’ xi għawġ kbir, jew tal-istess Salmista jew tal-poplu tiegħu. F’dawn is-Salmi, is-sens ta’ fiduċja f’Alla jinħass hekk qawwi li xi wħud minnhom jieħdu forma partikulari li minħabba fiha jissejħu “Salmi ta’ fiduċja”.

Għalhekk is-Salmi ta’ Talb jistgħu jinqasmu fi tlieta: i) Talb ta’ lment individwali (bħal Salmi 22; 51; 54); ii) Talb ta’ lment kollettiv, jew nazzjonali (bħal Salmi 83; 137); iii) Salmi ta’ fiduċja (bħas-Salmi 3; 4; 11; 16; 23; 27; 125; 131).

 

3) Is-Salmi ta’ radd il-ħajr

Is-Salmisti juru r-rikonoxxenza tagħhom lejn Alla, li jkun sema’ t-talba tagħhom għall-ħelsien jew għar-rebħa. Għalhekk is-Salmi ta’ radd il-ħajr huma kontinwazzjoni tat-talbiet fi żmien il-għawġ. U bħas-Salmi ta’ lmenti, huma ta’ karattru kemm individwali (bħal Salmi 30; 34; 107; 116) u kemm kollettiv (bħal Salmi 67; 124; 129).

Dawn is-Salmi kienu jissawru biex jingħadu fis-“sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr” (imsejjaħ todàh bil-Lhudi, ara Lev 7:12), għalkemm jista’ jkun li xi wħud minnhom inkitbu mis-Salmista għalih innifsu, biex irodd ħajr lil JĦWH għal xi grazzja personali li jkun qala’.

 

4) Salmi ta’ tagħlim, jew didattiċi, jew sapjenzjali

Dawn is-Salmi għandhom mill-Kotba tal-Għerf, mhux għax huma magħmulin minn sentenzi jew proverbji qosra, imma għax huma l-frott ta’ riflessjonijiet fuq il-ħajja reliġjuża tal-poplu ta’ Alla. Il-ħajja tal-poplu kienet kollha kemm hi mibnija fuq l-esperjenza reliġjuża tal-patt tas-Sinaj. Il-Liġi ta’ Alla hi kollox: għaref tassew min iħarisha, u jiret il-barka, u iblah hu min iwarrabha, għax jiret is-saħta. Din hi l-mentalità li taħkem fis-Salmi didattiċi, jiġifieri it-tagħlim dwar l-għerf veru fuq il-Liġi, fuq il-ħajja morali, fuq l-istorja tal-poplu, fuq il-ħlas tat-tajbin u tal-ħżiena. Eżempji ta’ Salmi didattiċi huma Salmi 1; 37; 53; 78; 119; 127; 133.

 

5) Salmi eskatoloġiċi, jew profetiċi

Taħt dan it-titlu niġbru dawk is-Salmi li, bħall-Kotba tal-Profeti, iħarsu ʼl quddiem lejn “Jum il-Mulej”, jew lejn iż-żminijiet hienja tal-aħħar, meta JĦWH jwaqqaf is-saltna tiegħu fuq il-popli kollha tal-art. Fost dawn is-Salmi, li għandhom l-istess forma letterarja tal-Kotba tal-Profeti, insibu:

i) Salmi b’sura ta’ oraklu profetiku, li bi kliem is-Salmista-profeta, iwasslilna l-kelma ta’ JĦWH, kelma ta’ wegħda, tehdid, ċanfira, twissija (bħal f’Salmi 2:6-9; 60:8-10; 82; 110). Insibu fihom diskors u tixbihat li bihom huma mimlija l-Kotba tal-Profeti, bħal nar, silġ u duħħan, dlam u dawl, ragħad u beraq (ara Salmi 50:3-4; 18:8-16), kif ukoll kliem li jħabbar is-salvazzjoni (ara s-Salmi 50; 85; 91).

ii) Salmi tas-Saltna, li huma s-Salmi eskatoloġiċi, li jgħollu b’kull xorta ta’ tifħir is-saltna ta’ JĦWH, jgħannu lis-setgħa tiegħu li taħkem fuq kollox u fuq kulħadd, jilmħu l-glorja ta’ Sijon il-ġdida, u jħabbru żmien ta’ sliem għas-saltna ta’ David fil-persuna tal-Messija. Hekk jitkellmu wkoll il-profeti (ara Is 2:1; 10:24-27; Żak 14:1-21).

Sikwit f’dawn is-Salmi niltaqgħu mal-kelmiet: “Il-Mulej isaltan!” (bħal f’Salmi 93; 96; 97; 99) u ma’ deskrizzjonijiet ta’ JĦWH rebbieħ, fuq it-tron u fil-palazz tiegħu (bħal f’Salm 47). Bis-Salmi tas-Saltna, il-poplu kien ifisser it-twemmin tiegħu li l-veru Sultan tal-poplu ta’ Alla u tal-popli l-oħra kollha hu JĦWH, u li s-sultan f’din l-art – David u s-slaten ta’ warajh – mhuwiex ħlief ir-rappreżentant ta’ JĦWH hawnhekk. Eżempji ta’ Salmi tas-Saltna huma: 19; 20; 45; 101; 110; 132; 144.

iv) Salmi Messjaniċi, direttament jew indirettament jirreferu għall-Messija u l-ħidma tiegħu. Il-karattru messjaniku nsibuh l-iżjed fis-Salmi eskatoloġiċi: ara Salmi 2; 8; 16; 22; 45; 68; 69; 72; 89; 109; 110; 118; 132.