LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Il-Bibbja: ktieb wieħed, żewġ Testmenti

Relazzjoni bejn it-Testment il-Qadim u l-Ġdid

Minn Dun Paul Sciberras

 

û Mhijiex relazzjoni ta’ korrispondenza materjali biss:

• bħallikieku fit-Testment il-Qadim (TQ) hemm profezija, jew tixbiha li sseħħ perfettament fil-Ġdid, daqslikieku tbassir li ġejja x-xita u dlonk tiġi x-xita!

• jew inkella li Alla għamel wegħda lil David li huwa Hu, Alla, li se jibni dar lil David li ma tispiċċax, u dan seħħ perfettament fit-Testment il-Ġdid (TĠ) (kif imfissra minn Gabrijel fit-tħabbira tat-twelid lil Marija [ara Lq 1,26-38]).

ü It-twettiq hu twettiq ta’ perfezzjonament.

Il-wegħda jew il-profezija sseħħ billi tiġi pperfezzjonata! Il-profezija li ssir lil David ta’ razza, familja li ma tispiċċa qatt ma sseħħx biss għax se jkollu nisel materjali li ma jispiċċax imma li dak in-nisel f’Ġesù jilħaq il-perfezzjoni għax ikun Iben David, ikun sultan tal-ħolqien kollu, ikun Iben Alla, ikun sultan tal-ġnus kollha, is-saltna tiegħu ma jkollha qatt it-tmiem, u fl-istess ħin ikun ukoll il-Qassis il-Kbir tal-Poplu (ma ninsewx li s-sultan ma setax ikun il-Qassis – Sawl jaqlagħha bil-kbir meta joffri s-sagrifiċċju hu mingħajr ma jistenna lil Samwel - ħlief fi żmien ta’ korruzzjoni kbira fi żmien il-Ħażmonej).

¶ Eżempju ieħor kien fl-interpretazzjoni tal-Liġi minn Ġesù: dejjem biex tkun aktar perfetta - «smajtu x’intqal [u dan fil-Liġi li Alla nnifsu kien ta lill-Poplu] imma jien ngħidilkom!» fid-Diskors tal-Muntanja (Mosè l-Ġdid jagħti l-Liġi l-ġdida lill-poplu l-ġdid)

¶ Eżempju mill-aktar ċar huma l-mirakli li Ġesù kien jagħmel nhar ta’ Sibt. • Jekk nieħdu l-mirakli tal-fejqan tal-mara milwija (Lq 13,11-17) u tar-raġel b’idu niexfa (Mk 3,1-5) jkollna eżempji ċari ħafna. Tnejn min-nies li ma kinux fil-periklu tal-mewt u setgħu jistennew sal-għada (fejn stajt tagħti kura lill-marid moribond), ħadd ma talbu jfejjaqhom, imma Ġesù donnu jisfida l-Liġi u lil min kellu l-missjoni li jara li titħares għax dik kienet il-Liġi ta’ Alla, u jfejjaqhom propju nhar ta’ Sibt. Ma kinitx sfida assurda imma perfezzjonament tal-mod kif kellha tiġi mfissra l-Liġi. Il-Liġi kienet l-espressjoni tar-rieda ta’ Alla għall-Poplu tiegħu. U r-rieda ta’ Alla għall-poplu tiegħu kienet li l-poplu jagħti qima lil Alla bl-aktar mod sħiħ għax Alla lill-bniedem ħalqu xbieha tiegħu, u ma hemm ħadd li hu aktar sħiħ minn Alla nnifsu. Is-Sibt kien il-jum-simbolu per eċċellenza taż-żmien eskatoloġiku, fejn kollox u kulħadd isib il-perfezzjoni f’Alla. U allura Ġesù kien ifejjaq lill-morda fil-jum li Alla nnifsu għażel biex il-bniedem jagħtih qima biex jagħmilhom aktar sħaħ ħalli jkunu jistgħu jagħtuh qima aktar sħiħa bħala bnedmin aktar sħaħ!

? Insibu kontinwament kif Ġesù jinterpreta b’mod ġdid il-preċetti tal-purità Lhudija (Mk 7,1-23 – fejn l-interpretazzjoni tagħti aktar importanza lill-ittra tal-Liġi minimalista milli l-ispirtu massimalista tagħha; tagħti aktar importanza lill-ħasil tal-platti u l-borom u l-ktieli milli l-imħabba u l-ġieħ lejn ommok u missierek!).

? Insibu kontinwament, min-naħa l-oħra, kif Ġesù jitlob li d-dixxipli jkunu aktar radikali fis-sejħa tagħhom (Mt 10,2-12 – fil-missjoni tat-Tnax; 10,17-27 – id-dixxipli). Mhix kwistjoni ta’ laxkezza min-naħa ta’ Ġesù imma ta’ interpretazzjoni aktar sħiħa u perfetta.

 

Ir-relazzjoni bejn it-TQ u t-TĠ hija relazzjoni ta’ re-reading tat-TQ fit-Tġ.

 

Dan jieħu forma ta’:

? żvilupp ta’ aspetti oħra fit-tifsira (anke differenti mill-oriġinal). E.g. Tema tal-Ħaruf (cf. infra) [ara DV 16 – “It-TQ jikseb it-tifsira sħiħa tiegħu u juriha fit-TĠ”];

approfondiment tas-sens tat-test jew kelma. E.g. Dar bħala bini/tempju u dar bħala nisel/razza regali fil-profezija ta’ Natan lil David;

? juri kif jitwettqu l-profeziji tat-TQ, l-aktar meta hemm ċitazzjonijiet mit-TQ. E.g. F’Mt 4,13-16 hemm kif kienet qegħda titwettaq il-profezija ta’ Iżaija 8,23-9,1: Art ta’ Żabulun , u art ta’ Naftali ...

Din ir-re-reading fit-TĠ tat-TQ, l-aktar fl-allużjonijiet u iktar u iktar fiċ-ċitazzjonijiet espliċiti, saret dejjem fid-dawl tal-ġrajja tal-Għid. L-awturi neo-testamentarji ħarsu lejn il-ġrajja tal-Għid u interpretaw it-TQ f’dawl ġdid. Mhux biss l-għaġeb tal-ġrajja nnifisha, imma iktar u iktar il-fatt li fehmu li ma setax ikun hemm ġrajja aktar qawwija li tiggarantixxi li kulma ntqal fit-TQ huwa veru, seħħ, u wera lil Alla bħala fidil għal kollox lejn il-patt u l-wegħdiet tiegħu. Jekk hu hekk: x’iżommhom milli jfandu dak li donnhom bi trepidazzjoni qalu u jserrħu rashom li m’humiex jesaġeraw jew imorru kontra l-intenzjoni tal-Ispirtu li dellilhom fil-ktib ta’ xogħolhom, meta juru f’kitbiethom li t-TQ kollu isib it-twettiq tiegħu fil-Ġdid?!

DV 16 tikkwota lil S. Wistin ta’ Canterbury: “Il-Ġdid kien moħbi fil-Qadim, u l-Qadim isir magħruf fil-Ġdid.”

Dan l-Ispirtu niżżilhom u għaddashom fis-sens spiritwali tal-kitbiet tat-TQ. Imma wkoll: għalkemm saħħu fihom u f’min jaqra kitbiethom il-fehma dwar il-karattru profetiku tat-TQ, saħħu l-fehma li fit-TQ is-salvazzjoni hija biss parzjali .... tilħaq il-quċċata biss fit-TĠ, fi Kristu mqajjem mill-mewt għal dejjem.

Dan jidher ċar f’San Pawl u l-argumenti tiegħu, l-aktar f’Rumani u Galatin, illi l-Liġi ta’ Mosè, wara l-ġrajja tal-Għid, għandha valur ta’ salvazzjoni parzjali għal poplu partikolari, il-Lhud. Il-Liġi ta’ Mosè hija tajba imma impotenti li ssalva bħalma jsalva Kristu Ġesù. Din l-intuwizzjoni nsibuha tieħu ta’ sanzjoni fl-Ittra li ntbagħtet lid-dixxipli tal-Knisja f’Antijokja ma’ Pawlu u Barnaba wara s-Sinodu ta’ Ġerusalemm kif rakkuntat minn Luqa f’Atti 15.