L-ISKOP TAL-PARABBOLI.

Minn Dun Paul Sciberras

Il-parabboli vvintahom Ġesù?

L-ewwelnett irridu ngħidu li l-parabboli bħala forma letterarja ma vvintahomx Ġesù. Bħala forma letterarja mhix tal-evanġelji biss imma nsibu xi parabboli fit-Testment il-Qadim:

Natan u David ta’ 2Sam 12,1-4; “…. dak ir-raġel huwa int!” Id-dettalji tal-istorja wasslu lil David jara kemm ħaqqu kastig kbir dak is-sinjur li kellu mrieħel sħaħ ta’ ngħaġ, biex imbagħad l-għeluq tagħha jġiegħlu jgħaraf il-ħażen li għamel hu stess u ma jkunx jista’ jaħrab mir-responsabiltà!

 

Siġar jaħtru siġra fuqhom ta’ Imħ 9,8-15; “... jekk tridu tagħżlu lil min ġie ġie bħala sultan fuqkom, tridu wkoll taċċettaw il-konsegwenzi tal-għażla tagħkom !

 

Żwieġ politiku ma jirnexxix ta’ 2 Slaten 14,9-12

bejn ulied Ġeħowas, is-sultan ta’ Iżrael, u Amasija, sultan ta’ Ġuda f’forma ta’ parabbola dwar l-għollieq tal-Libanu li jibgħat jgħid liċ-ċedru li hemm fil-Libanu u qallu biex jagħtih ’il bintek bħala mart ibni. Imma jgħaddu l-bhejjem selvaġġi li hemm fil-Libanu u jgħaffġu l-għollieq.

 

L-Għalqa tad-dwieli ta’ Iż 5,1-7 (bħal f’Mk 12,1-12)

Parabbola hi

• storja finta, imma hi aktarx meħuda mill-ħajja ta’ kuljum: biedja (sid ifittex ħaddiema għall-għalqa; bidwi li joħroġ jiżra’), sajd (Saltna tixbah xibka mitfugħa l-baħar), raħħala (100 nagħġa), slaten u sudditi (talenti), familja (l-iben il-ħali u l-wirt), nisa tad-dar (munita mitlufa), dejn (żewġ qaddejja midjuna)

• hi storja li għandha l-għan li twassal messaġġ wieħed; l-iktar l-iktar tnejn, biex bl-għajnuna ta’ tixbihat jagħtu tagħlim reliġjuż aktar għoli; mhux biex iżejjen it-tagħlim, mhux biex iżomm in-nies attenti

• mill-mod kif tintiseġ, għandha l-iskop ġenerali li tfarfar it-trab mill-kuxjenza jew mill-mod ta’ ħsieb ta’ min jismagħha: is-Samaritan it-tajjeb - “min hu l-proxxmu tiegħi?” – il-Lhud l-oħra bħali º kulħadd, saħansitra l-għadu; l-Iben il-Ħali – Alla hu Sid jew Missier?; Ħaddiema fl-Għalqa: lil Alla jgħodd kemm naħdimlu?

• imbagħad, parabbola għandha l-iskop li quddiemha, min jismagħha jrid jieħu deċiżjoni skont il-messaġġ tagħha.

Ikun fiha 4 elementi:

1. ir-rakkont jew storja finta sempliċi (mara li kellha 10 drakmiet; titlef waħda; tixgħel il-musbieħ; tfittex u tfittex sa ma ssibha; tistieden lill-ġirien jifirħu magħha meta ssibha; x’tagħmel il-mara)

2. it-tagħlima għolja moħbija fiha (Alla jfittex bi premura kbira imqar midneb wieħed biss, għax għalih il-pubblikani u l-midinbin importanti daqs il-Fariżej u l-Kittieba)

3. il-kliem ta’ forma figurattiva (mara, drakma, musbieħ, tifraħ, tifraħ mal-ġirien)

4. ir-relazzjoni fil-paragun bejn il-figura u t-tagħlima ("liema hi dik il-mara li jkollha 10 drakmiet u titlef waħda" … "hekk ukoll jiġri fis-sema għal midneb wieħed li jindem").

Fl-interpretazzjoni tal-parabbola ma għandniex nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq id-dettalji li jsebbħu l-parabbola biex jiżviluppawha fi storja sħiħa, iżda nfittxu t-tagħlima li jkun fehem jagħti l-awtur bl-istorja sħiħa.