Parabbola – tixbiha – metafora – allegorija

Minn Dun Paul Sciberras.

 

Parabbola hija forma letterarja; mhix rakkont storiku fih innifsu.

Il-Forom letterarji. Dei Verbum, 12. “Billi Alla fl-Iskrittura Mqaddsa tkellem permezz ta’ bnedmin u bi kliem il-bnedmin, min ifisser l-Iskrittura Mqaddsa, biex jifhem sewwa dak li Alla ried jgħarrafna, għandu jfittex b’attenzjoni x’fehmu jfissru l-kittieba sagri u x’għoġbu Alla jgħarrafna bi kliemhom.

Biex insibu l-intenzjoni tal-kittieba sagri għandna nagħtu kas ukoll, fost ħwejjeġ oħra, tal-forom letterarji. Għaliex il-verità titqiegħed quddiemna u titfissrilna b’modi differenti, skont jekk it-test ikunx ta’ storja jew ta’ profezija jew xi forma poetika jew forom oħra ta’ espressjoni. Jeħtieġ mela li l-interpretu jfittex is-sens li l-kittieb sagru ried ifisser f’ċirkustanzi determinati, skont il-kondizzjoni ta’ żmienu u tal-kultura tiegħu permezz tal-forom letterarji użati dak iż-żmien. Għaliex biex tifhem sewwa dak li l-kittieb sagru jgħid bil-kitba, għandna noqogħdu attenti sew għall-manjieri kif kienu soltu jifhmu jew ifissru rwieħhom jew jirrakkontaw in-nies fiż-żmien tal-kittieb sagru sew għall-mod kif kienu jġibu ruħhom bejniethom il-bnedmin dak iż-żmien.

 

1) Parabbola, metafora, tixbiha ... kollha xorta? – Il-forma letterarja

Il-kelma parabbola ġejja mill-verb Grieg parà-bàllo = “tqiegħed ħdejn”, tqiegħed żewġ oġġetti jew ideat maġenb xulxin biex tqabbilhom jew ixxebbahhom flimkien. L-aktar li noqorbu fil-Malti huwa bil-kelma "tixbiha".

Diġà allura għandna forma letterarja –mod kif nitkellmu u niktbu– li fil-qofol tagħha għandha l-iskop li tqabbel żewġ affarijiet ma’ xulxin. Parabbola mhux biex tittieħed fiha nnifisha imma biex tqabbel.

Għax hi forma letterarja, mhux bilfors li storikament il-ġrajja tal-parabbola tkun ġrat, ngħidu aħna, wieħed Samaritan li għen lil wieħed Lhudi li waqa’ f’idejn il-ħellelin; mhux se nsibu l-fdal arkeoloġiku tal-lukanda; jew li kieku kellek tistaqsi min kien il-missier u ż-żewġ ulied tal-parabbola tal-iben il-ħali, kienu jgħidulek "it-tali u t-tali", għax veru eżista storikament.

Imma fid-dinja tar-rakkonti, tal-komunikazzjoni, tat-tagħlim, għandu sehem u influss qawwi ħafna l-kuntest li fih issir il-komunikazzjoni jew ir-rakkont. Għalhekk irridu nagħmlu differenza bejn:

 

tixbiha, għax iż-żewġ elementi tal-paragun, dak li qiegħed tqabbel,

ma jkunux imqabblin flimkien biss bħala eżempju,

u l-paragun ta’ bejniethom hu mfisser bil-kliem "bħal"

“qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup” [Lq 10,3]; xi tkun il-ħajja ta’ min hu mibgħut jekk tkun bħal ta’ ħrief qalb l-ilpup

“bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem” [Mt 24,37]; x’hemm jixbah il-ħajja fi żmien Noè ma’ dak li jiġri fl-aħħar tad-dinja

 

Metafora, ħaġa hi mqabbla ma’ oħra biex biha titfisser xi kwalità

“Intom il-melħ tal-art”, “intom id-dawl tad-dinja” [Mt 5,13.14]

id-dixxipli għandhom il-kwalità li jdawlu lill-oħrajn;

“Oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u ta’ Erodi” [Mk 8,15]

        il-kwalità li jinfluenzaw … ħażin;

f’San Pawl insibu l-metafora tal-“ġisem ta’ Kristu” [1Kor 12,12-27]

        membri differenti jikkontribwixxu għall-funzjoni tajba tal-ġisem sħiħ;

“il-ġisem bħala tempju” [1Kor 6,19]) ... fih jgħammar Alla.

 

Allegorija, kompożizzjoni letterarja oħra li fiha l-elementi kollha tagħha, barra s-sens ordinarju tagħhom, ifissru xi realtà oħra barra dak li hu normalment aċċettat, skont il-fehma tal-awtur

“Jiena jien ir-Ragħaj it-Tajjeb” [Ġw 10,1-18]

dak li biex jieħu ħsieb lil dawk afdati f’idejh lest li jħalli ħajtu għalihom;

“jiena d-dielja u intom il-friegħi” [Ġw 15,1-6])

il-friegħi jieħdu mid-dielja dak kollu li jagħtihom il-ħajja u jagħmlu l-frott skont dak li huma.

 

Fl-interpretazzjoni tal-parabbola, għalhekk, bħala regola, ma għandniex nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq dettalji li jsebbħu l-parabbola biex jiżviluppawha fi storja, iżda nfittxu t-tagħlima li jkun fehem jagħti l-awtur bl-istorja sħiħa rrakkuntata minn Ġesù. Element wieħed hu l-importanti jew li jiddomina dak li bih l-awtur irid iwassal it-tagħlima tiegħu. Elementi oħra li jidħlu fl-istorja tal-parabbola huma importanti biss biex l-istorja tiftiehem.

 

Fl-evanġelji, l-parabbola hi

• storja finta, imma hi aktarx meħuda mill-ħajja ta’ kuljum (biedja, sajd, raħħala, slaten u sudditi, familja, nisa tad-dar, dejn …);

• hi storja li għandha l-għan li twassal messaġġ wieħed; l-iktar l-iktar tnejn, biex bl-għajnuna ta’ tixbihat jagħtu tagħlim reliġjuż aktar għoli;

• mill-mod kif tintiseġ, għandha l-iskop ġenerali li tfarfar it-trab mill-kuxjenza jew mill-mod ta’ ħsieb ta’ min jismagħha: is-Samaritan it-tajjeb - “min hu l-proxxmu tiegħi?” – il-Lhud l-oħra bħali (skont Lev 19,18 + Dt 6,5) º kulħadd, saħansitra l-għadu.