Miraklu

Minn Dun Paul Sciberras

 

Huwa forma letterarja oħra fil-Bibbja.

Aħna, bil-kelma ‘miraklu’, nifhmu ġrajja straordinarja, mhijiex tas-soltu, mhijiex skont il-kors ordinarju tal-ħajja jew tan-natura. Għalina l-miraklu hu fatt soprannaturali, ʼil fuq mill-forzi ordinarji tan-natura. Għalhekk jiġbed aktar attenzjoni bħala ħaġa tal-għaġeb (miraklu > Latin mirum, ħaġa tal-istagħġib).

Imma dan ma hux il-kunċett tal-miraklu skont il-Bibbja u l-protagonisti tagħha, għax lanqas il-kunċett ta’ “natura” mhu dak li hu tagħna. Għalihom natura hu l-ħolqien stabbilit minn Alla u mmexxi minnu skont il-pjan tiegħu. Għalhekk lanqas ma kellhom kelma li tfisser sewwa sew dak li aħna nifhmu bil-kelma ‘miraklu’.

Fil-Lhudi tal-Bibbja fit-Testment il-Qadim, hemm tliet kelmiet li jistgħu jfissru dak li aħna nsejħulu “miraklu”: ʼôt, môpèt, palâ’.

- L-ewwel kelma, ʼôt,  tfisser “sinjal”, xi ħaġa li tiġbed l-attenzjoni (Mħ 6:17; Is 38:3-9, mqar il-qawsalla fis-sema bħala sinjal tal-patt, Ġen 9:13).

- Môpèt hi xi fatt tal-għaġeb, li jiġbed ukoll l-attenzjoni tal-bnedmin (Dt 13:2-3; Eżek 24:24-27).

- Palâ’, xi ħaġa li mhijiex tas-soltu; speċjalment fil-partiċipju plural niplaòt, “għeġubijiet” (Ġoż 3:5; Is 29:14).

Dan ifisser li fil-ħsieb tal-awturi tat-Testment il-Qadim kull ma għamel jew jagħmel il-Mulej – ħolqien, Storja ta’ Iżrael, Storja biex isalva lill-bnedmin – hu dejjem tal-għaġeb għalina l-bnedmin; kull għemil tal-Mulej hu dejjem tal-għaġeb u juri l-kobor tas-setgħa tiegħu, għax hu Sid il-ħolqien kollu.

It-Testment il-Ġdid juri li l-awturi tal-kotba tiegħu kellhom l-istess ħsieb tat-Testment il-Qadim dwar il-“miraklu”. Fil-Grieg tat-Testment il-Ġdid għandna wkoll tliet kelmiet li jikkorrispondu għal dawk tat-Testment il-Qadim. Huma dúnamis, “għemil ta’ setgħa”, sēmeίon, “sinjal”, u téras, “għemil tal-għaġeb”.

F’San Ġwann, il-mirakli huma sēmeίa, sinjali; waqt li fl-evanġelji l-oħra huma dunámeis, opri ta’ setgħa u qawwa. L-evanġelisti jridu juru li Ġesù kellu fih innifsu l-qawwa ta’ Alla (Mk 5:30; Lq 8:46). Il-mirakli ta’ Ġesù jfissru li l-missjoni tiegħu hija missjoni salvifika bħala Messija-Salvatur. Huma wkoll “sinjali” tal-preżenza ta’ Alla fid-dinja fil-persuna ta’ Ġesù Kristu.

 

Ta’ min jgħid mill-ewwel li l-mirakli ta’ Ġesù ma sarux bħala mirakli fihom infushom. Ma tiftiehemx kieku r-raġuni għaliex Ġesù ma għamilx iżjed mirakli milli għamel. Lanqas tiftiehem għaliex Ġesù ġieli għamel mirakli meta ma kienx mitlub: ir-raġel b’idu niexfa (Mk 3:1-6), il-fejqan tal-mara milwija (Lq 13:10-17), il-qawmien ta’ bin l-armla ta’ Najm (Lq 7:11-15). Ma tiftiehemx għaliex l-Evanġelju ta’ San Ġwann qatt ma jsejjaħ il-mirakli ta’ Ġesù mirakli imma dejjem sinjali. Sinjali jiġifieri jippuntaw lejn xi ħaġa oħra. Wara r-rakkont tat-Tieġ ta’ Kana, l-evanġelista jikteb: “2,11 Dan li għamel Ġesù f’Kana  tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.” Mela skont San Ġwann, Ġesù kien jagħmel il-mirakli biex juri l-glorja tiegħu u biex id-dixxipli tiegħu jemmnu fih.

Il-mirakli kienu mod ta’ evanġlizzazzjoni min-naħa ta’ Ġesù. Darba oħra, fil-miraklu tal-magħtub li niżżluh mis-saqaf, għandna dettall importanti ħafna: “8 Malli Ġesù ntebaħ fih innifsu x’kienu qegħdin jgħidu bejnhom u bejn ruħhom qalilhom: ‘Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom? 9 X’inhu l-eħfef, tgħid lill-mifluġ, ‘Dnubietek maħfura’, jew tgħidlu, ‘Qum u aqbad friexek u imxi’? 10 Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art,” qal lill-mifluġ, 11 “Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek.” 12 Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ ’il barra quddiem kulħadd. U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom” (Mk 2, 8-12). Il-miraklu tal-fejqan fiżiku kien sinjal tal-awtorità ta’ Ġesù li jfejjaq anke spiritwalment, għax il-fejqan fiżiku issa sar sinjal tal-fejqan spiritwali. Jew aħjar il-fejqan fiżiku u spiritwali flimkien saru s-sinjal tas-salvazzjoni sħiħa.

Il-mirakli huma tassew sinjali, sign-posts, li jwasslu lil min jesperjenzahom lejn Alla, lejn Ġesù.