LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

(1) Verżjonijiet u Traduzzjonijiet tal-Bibbja

Is-Settanta u l-Vulgata

Minn Fr Paul Sciberras

 

Il-verżjoni tas-Septwaġinta / Settwaġinta / Sebgħin / LXX

Din hi l-iktar traduzzjoni Griega tat-test Lhudi tat-Testment il-Qadim importanti li saret daqs 200 jekk mhux 300 sena Q.K. għal-Lhud li kienu mxerrdin f’artijiet fejn kienu jaħkmu l-kultura u l-ilsien Grieg. Skont it-tradizzjoni Lhudija kienet kummissjunata mill-Fargħun Ptolomew Philadelphus (285-246 Q.K) għal-librerija famuża tiegħu f’Lixandra tal-Eġittu. Tant kellha importanza  li nsibu xi leġġendi dwar kif setgħet issawret din il-verżjoni. Tissejjaħ ‘Septwaġinta/Settwaġinta’ jew il-Bibbja Griega ‘tas-Sebgħin’ u normalment niktbuha bl-ittri Rumani LXX, għaliex skont it-tradizzjoni daqshekk kienu dawk li taw sehemhom fil-proċess ta’ formazzjoni tagħha. Jingħad li kien hemm xi rappreżentanti mit-tribujiet kollha ta’ Iżrael; kulħadd għamel ħiltu imma r-riżulat aħħari mhux kollu l-istess u dan jidher mill-ewwel mill-istess traduzzjonijiet. Fil-fatt intemmet qrib is-sena 132 Q.K.

Ġara li din il-verżjoni sabet l-aħjar użu tagħha f’Lixandra fl-Eġittu, speċjalment għal raġunijiet liturġiċi u ta’ difiża tal-istess twemmin tal-poplu Lhudi. Billi l-Grieg kien l-ilsien mitkellem mil-Lhud f’tant postijiet, l-ewwel insara nqdew b’din il-verżjoni matul il-ħidma appostolika tagħhom. Kien għalhekk li xi wħud qiesu din il-verżjoni bħala ispirata minħabba l-użu tagħha kontinwu f’ambjenti nsara.

Bħala differenzi mit-test Lhudi nsibu li ċerti kotba li ma kinux fil-Bibbja Lhudija (Tobit, Ġuditta, Għerf, Bin Sira, Báruk) ġew inseriti fis-LXX; oħrajn (Ester) jidhru fis-LXX f’forma itwal. Dawn il-kotba huma magħrufa bħala ‘apokrifa’ mill-Protestanti, u ‘dewtero-kanoniċi’ mill-Kattoliċi u l-Ortodossi.

Nafu li ċerti differenzi bejn it-test Lhudi u s-LXX għenu l-istess żvilupp tad-duttrina nisranija. Ta’ min isemmi d-differenza bejn il-kelma Lhudija ʽalmà u l-Grieg parthénos fit-test ta’ Isaija 7:14; Mt 1:23. Filwaqt li t-test Lhudi jitkellem minn ʽalmà, li hija ‘tfajla’ (f’età meta tista’ tiżżewweġ), mingħajr ma jżid xejn aktar, il-Grieg tas-LXX titkellem minn ‘verġni’ (għad ma kellha l-ebda relazzjoni ma’ raġel; aktarx li l-Lhudi kien ikun betûlà). It-test Grieg deher jaqdi aħjar il-ħtiġijiet tal-komunità nisranija x’ħin ġew biex jitkellmu fuq it-twelid verġinali ta’ Ġesù. Mattew fil-fatt, meta jikkwota din il-profezija, juża l-kelma parthénos u mhux ngħidu aħna neanìs. Il-fatt li l-insara tkellmu fuq Ġesù Kristu billi għarfu jinqdew tajjeb bis-LXX, juri kemm din il-verżjoni kienet fl-idejn fost il-Lhud li kienu jgħixu fid-djaspora fejn xterdu mad-dinja ta’ dak iż-żmien, f’ambjenti fejn il-Grieg kien l-ilsien mitkellem.

 

Vulgata Latina

L-isem ‘vulgata’ ġej mill-frażi vulgata editio (Latin, edizzjoni popolari) u tirreferi għat-traduzzjoni tal-Bibbja l-aktar użata. Meta f’Ruma nħasset il-ħtieġa għal traduzzjoni komuni, San Ġlormu (minn Stridone fid-Dalmazja – 340-420 W.K.), imqabbad mill-Papa Damasu I, ħa f’idejh ix-xogħol li jirrevedi xi wħud mit-traduzzjonijiet bil-Latin tat-Testment il-Ġdid li kienu diġà jeżistu għal Latin aktar mirqum. Ta’ min jgħid li qabel żmien San Ġlormu kellna diġà verżjonijiet qodma bil-Latin u dawn kienu x’aktarx traduzzjonijiet mill-Grieg tas-LXX. Milli jidher, il-kotba tal-Pentatewku kif ukoll Ġożwè u l-Imħallfin huma lkoll ħidma ta’ traduttur wieħed. Minħabba li kellu jħalli Ruma, Ġlormu tgħallem il-Lhudi u beda jaqleb it-Testment il-Qadim ukoll għal-Latin. Sas-sena 404 kien lesta t-traduzzjoni (jew ir-reviżjoni ta’ traduzzjonijiet diġà eżistenti) tal-Bibbja kollha. Ġlormu kellu għarfien sħiħ kemm tal-Lhudi kif ukoll tal-Latin; it-traduzzjoni tiegħu ħadet madwar tlettax-il sena biex tlestiet b’mod definittiv (392-405). Nafu wkoll li barra li kien midħla tal-lingwi, Ġlormu kien jaf ukoll dak li kellhom xi jgħidu t-Targumim (il-kummentarji bl-Aramajk), u billi kien fil-Palestina kellu wkoll lil dawk li seta’ jikkonsulta.

Fl-1546, il-Konċilju ta’ Trentu ddikjara l-Vulgata bħala t-traduzzjoni ‘awtentika’ tal-Bibbja għal-Latin. Edizzjoni riveduta tat-test kienet publikata bl-awtorità tal-Papa Sistu V (1590), u reviżjoni oħra taħt Klement VIII (1592). Fl-1979 ġiet publikata edizzjoni riveduta u ssejħet in-Nova Vulgata.