|
LISTA TA' KLIEM | IL-BIBBJA BIL-MALTI |
Ermenewtika
Minn Dun Pawl Sciberras
Fil-fatt mhix xi fenomenu straordinarju. Fl-evanġelji nsibu l-kelma użata diversi drabi, naturalment fl-oriġinal tagħhom bil-Grieg. Ngħidu aħna, meta Ġesù kien miexi maż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, u huma jlumuh li qisu hu waħdu l-barrani li ma jafx x’ġara f’Ġerusalemm, hu jgħidilhom kemm huma tqal biex jifhmu kif l-Iskrittura Lhudija, dik li għalina huwa t-Testment il-Qadim, kienet diġà titkellem fuq kif il-Messija kellu jbati u jmut biex jidħol fil-glorja. San Luqa, li jagħtina dak ir-rakkont tant sabiħ u mimli messaġġi importanti għalina Kristjani, imbagħad jikteb: “U beda minn Mosè u mill-Profeti – naturalment dak li kitbu fit-Testment il-Qadim - U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu (24:27). Il-kelma ‘ifissrilhom’ bil-Grieg hija diermēneusen. Eżempji oħra huma meta l-evanġelisti jużaw kliem mil-Lhudi jew mill-Aramajk u mbagħad jgħidu xi tfisser il-kelma bil-Grieg. Ngħidu aħna, meta Ġesù jaqbad lit-tifla ta’ Ġajru biex iqajjimha mill-mewt, jgħidilha Talità qum. L-evanġelista Mark 5:41 iżid: “li tfisser: ‘Tfajla, qiegħed ngħidlek qum’”. Il-verb ‘tfisser’ bil-Grieg huwa metermēneuómenon.
X’inhi mela l-ermenewtika?
L-ermenewtika tal-Bibbja (għax hemm ermenewtika ta’ dak kollu li hu miktub jew anke dak li jingħad bil-fomm) hija l-istudju tal-prinċipji u l-metodi tal-interpretazzjoni, tat-tfissir tat-test tal-Bibbja. Fit-2 Timotju 2:15, San Pawl jgħid lill-ħabib u kollaboratur tiegħu Timotju: “Agħmel mill-aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verità.” Jiġifieri, kull min jemmen għandu jagħmel b’mod jew b’ieħor ix-xogħol ta’ interpretazzjoni. Kull nisrani huwa ermenewta! L-iskop tal-ermenewtika Biblika huwa li jgħinna kif ninterpretaw, infissru b’mod korrett, u nifhmu u mbagħad napplikaw il-Bibbja għalina u għall-oħrajn.
Ir-regola ewlenija fl-ewmenewtika Biblika hija li l-Bibbja għandha
l-ewwelnett tkun imfissra mil-lat letterarju, li ma tfissirx interpretazzjoni
letterali (literary interpretation mhux literal). L-ewwelnett
għandna nifhmu l-Bibbja fis-sens normali u fit-tifsira naturali tagħha, jekk
għall-inqas ma jkunx ovvju li t-test huwa intenzjonat biex ikun test simboliku,
jew jekk it-test ma jkunx juża figuri ta’ taħdit (bħall-esaġerazzjoni, qwiel,
parabboli, tixbihat, eċċ). Aħna bħala bnedmin naħsbu fi kliem, u l-Bibbja -
miktuba mill-bnedmin għall-bnedmin (għalkemm imnebbħa mill-Ispirtu ta’ Alla)
tgħid dak li trid tfisser u tfisser dak li tgħid. Ma rridux bħala l-ewwel pass
infissru n-numru 5,000 fil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż f’Mk 8:19 b’mod
simboliku. Ir-regoli tal-ermenewtika jreġuna biex nifhmu n-numru b’mod litterali
– folla kbira ta’ nies bil-ġuħ li kien fiha iktar minn 5,000 ruħ li kienu
mxebbgħin bil-ħobż u l-ħut veri b’mod mirakuluż minn Ġesù salvatur tal-bnedmin.
Tentattivi biex nispiritwalizzaw in-numru tan-nies fil-folla jew biex niċħdu li
kien hemm xi miraklu jkunu jagħmlu inġustizzja mat-test u jinjoraw l-iskop
tal-lingwa, li hu dak li tikkomunika. Xi wħud jagħmlu l-iżball li jippruvaw
jaqraw bejn il-linji l-ħin kollu, bħallikieku f’kull test bilfors irid ikun hemm
verità spiritwali moħbija li rridu nikxfu b’interpretazzjonijiet fantasjużi u
mġebbda li mhumiex ankrati fit-test letterarju nnifsu. L-ermenewtika Biblika
żżommna f’postna, mixjin fuq il-binarji ta’ interpretazzjoni u tfissir f’postu,
imsejjes l-ewwelnett fuq it-test letterarju.
Jgħidu li test (letterarju) mingħajr kuntest huwa biss pretest. Għalhekk, it-tieni
regola fundamentali tal-ermenewtika hija li t-testi tal-Bibbja għandhom
jiġu mfissra fil-kwadru storiku, grammatikali, u kuntestwali tagħhom. Li nfissru
passaġġ mill-Bibbja fil-kuntest storiku tiegħu ifisser li rridu nifhmu
l-kultura, il-background, u s-sitwazzjoni ta’ dawk li huma indirizzati
b’dak it-test. X’kienu r-raġunijiet li għalihom l-awtur kiteb dak li
kiteb u kif kitbu? Ngħidu aħna, biex nifhmu l-ħarba ta’ Ġona f’1:1-3, għandna
bżonn nifhmu l-istorja tal-Assirja kif għandha x’taqsam ma’ dik ta’ Iżrael. Ma
nistgħux nifhmu s-simbolu tat-tunika ta’ Ġesù li ma nqasmitx mis-suldati bħala
l-libsa tal-Qassis il-Kbir (kif jifhimha Ġużeppi Flavju) għax f’San Ġwann Ġesù
qatt ma huwa ppreżentat bħala l-Qassis il-Kbir, imma fil-kuntest
storiku-reliġjuż tal-firdiet, tiċrit fi ħdan l-ewwel komunitajiet insara minn
dawk Lhud. Li ninterpretaw passaġġ fil-Bibbja fil-bażi grammatikali tiegħu
ifisser li rridu nirrispettaw ir-regoli grammatikali u nintebħu bix-xejriet
partikulari fil-Lhudi u l-Grieg. Ngħidu aħna: San Pawl jikteb: “nistennew
it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u
Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Ir-regoli tal-grammatika Griega jgħidu li
f’dal-każ it-termini ‘Alla’ u ‘Salvatur’ huma termini paralleli għal xulxin u
jirreferu t-tnejn f’daqqa għal ‘Ġesù Kristu’. Dan ifisser li San Pawl qiegħed
isejjaħ lil Ġesù Kristu Alla u Salvatur fl-istess ħin, u mhux qiegħed jirreferi
għall-kbir Alla u għas-Salvatur Ġesù separatament. Li ninterpretaw test
kuntestwalment ifisser li nikkunsidraw il-kuntest tal-vers jew tal-passaġġ meta
rridu noħorġu t-tifsira tiegħu. Il-kuntest jinkludi l-vers/i li jiġu qabel u
wara l-vers, il-kapitlu u saħansitra l-ktieb studjat. Fl-aħħar mill-aħħar,
irridu nieħdu kull vers fil-kuntest wiesa’ tal-Bibbja sħiħa. Ngħidu aħna, xi
versi fil-Ktieb tal-Ekkleżjasti jew Qóħelet, isiru iżjed jiftiehmu meta
jittieħdu fil-kuntest tal-ktieb sħiħ innifsu – Qóħelet inkiteb mill-perspettiva
jew mil-lenti terrestri “taħt ix-xemx” (1:3). Infatti l-frażi “taħt ix-xemx”
hija użata xi 30 darba fi 12-il kapitlu li fih il-ktieb. B’hekk l-awtur
jistabbilixxi l-kuntest li fih kollox għandu jinqara: kollox huwa “vanità,
frugħa” taħt il-kappa tax-xemx, allura f’din id-dinja.
It-tielet regola fundamentali tal-ermenewtika hija li l-Iskrittura
nnifisha hija l-aħjar interpretu tal-Iskrittura, tagħha nnifisha. Għal din
ir-raġuni, dejjem inqabblu dak li nfissru fit-testi tal-Iskrittura ma’ testi
oħrajn fl-Iskrittura stess, meta rridu ninterpretaw sewwa t-tifsira ta’ test
mill-Bibbja. Ngħidu aħna, l-kundanna ta’ Iżaija lis-Saltna ta’ Ġuda meta fittxet
l-għajnuna tal-Eġittu u s-serħan il-moħħ fuq kavallerija b’saħħitha (31:1) trid
tiftiehem fuq dak li ordna Alla nnifsu f’Dewt 17:17 biex il-Poplu ma jagħżilx
sultan tiegħu li jmur l-Eġittu jfittex is-saħħa tiegħu fiż-żwiemel (u karrijiet
u eżerċtu b’saħħtu) u mhux f’Alla nnifsu.
F’Luqa 14:26, Ġesù jgħid: “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ʼl ommu u lil martu u lil uliedu, ʼl ħutu subjien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu.” Dan ma jmurx kontra r-raba’ kmandament innifsu: “Weġġaħ lil missierek u ʼl ommok (Eżod 20:12) u “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Lev 19:18)? Jista’ Ġesù jikkmandana li niksru l-kmandamenti biex inkunu dixxipli tiegħu? Jekk inħarsu lejn l-istess test f’San Mattew, naraw li Luqa kien qed juża l-iperboli, l-esaġerazzjoni, biex iwassal messaġġ qawwi. “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi” (Mt 10:37 ).
Hemm regola oħra għalina l-Kattoliċi: li kulma hemm fil-Bibbja ma jistax imur kontra dak li tgħallem il-Knisja, it-Tradizzjoni tal-Komunità li temmen. Jekk tifsira tal-Bibbja tmur kontra dak li tgħallem il-Knisja, hemm xi ħaġa ħażina f’dik l-interpretazzjoni.
Xi wħud jevitaw li jimxu mar-regoli tal-ermenewtika għax jibżgħu (b’mod żbaljat)
li se tillimitalhom il-kapaċità tagħhom biex jiskopru veritajiet oħra mill-Kelma
ta’ Alla nnifisha jew li se xxekkel u toħnoq l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu
fil-Bibbja. Dan hu kollu biża’ bla bażi. L-ermenewtika Biblika hija kollha dwar
li wieħed isib l-interpretazzjoni tajba tat-test ispirat mill-Ispirtu s-Santu.
L-għan tal-ermenewtika Biblika huwa li tipproteġi lilna stess milli napplikaw
b’mod żbaljat il-Kelma ta’ Alla għalina u li nħallu xi influwenzi (bias)
jinfluwenzaw it-tifsira tagħna tal-Iskrittura. Il-Kelma ta’ Alla hija verità,
jgħidilna San Ġwann 17:17. Aħna rridu naraw dik il-verità, nagħrfu l-verità, u
ngħixu l-verità bl-aħjar mod possibbli, u għalhekk l-ermenewtika Biblika hija
vitali, ma nistgħux ngħaddu mingħajrha.