LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

(3) L-ilsna oriġinali tal-Bibbja. Il-Grieg tat-Testment il-Ġdid.

Minn Dun Pawl Sciberras.

 

Il-Grieg

Huwa l-lingwa oriġinali li biha nkitbu l-kotba kollha tat-Testment il-Ġdid, u biha wkoll kien tradott it-Testment il-Qadim fis-seklu 3/2 Q.K. Sostanzjalment hija l-lingwa msejħa Koinč (komuni) jew Ellenistika li, wara r-rebħiet ta’ Alessandru l-Kbir (sek. 4 Q.K.) bdiet u ssuktat tissawwar fid-dinja Griega mill-fużjoni ta’ diversi djaletti (fosthom id-Doriku, il-Joniku u l-Attiku), iżda bi prevalenza tal-Attiku, il-lingwa letterarja ta’ Ateni. Il-Koinč tat-Testment il-Ġdid huwa l-istess imma miżgħuda b’Ebraiżmi.

Tissejjaħ komuni għax tipproġetta mhux djalett wieħed imma fużjoni ta’ ħafna, u l-Attiku, għad li baqa’ jippredomina, ħa forom aktar semplifikati u adatta wkoll lessiku minn lingwi oħra; b’hekk jintagħżel sewwa mill-Grieg klassiku.

Il-koinč kienet ukoll lingwa universali għax fost il-varjetŕ ta’ ġnus li kienu joqogħdu fiċ-ċentri l-kbar (Lixandra, Antijokja u Pergamu) jew li lilhom kienu jiktbu, waħda kienet il-lingwa popolari. Żid ukoll li l-leġjuni Rumani mhux biss ma qerduhiex anzi adottawha huma wkoll. Hekk fl-Imperu Ruman kollu, l-koinč kienet il-mezz li bih San Pawl u l-evanġelizzaturi nsara setgħu bla tbatija jikkomunikaw il-messaġġi ta’ Ġesů fit-tul u l-wisa’ tad-dinja mediterranja.

Inżidu wkoll li l-karatteristika propja tal-Grieg tat-Testment il-Ġdid hi li hu miżgħud b’Ebraiżmi; din tagħżlu mill-koinč sekulari. Dan faċilment wieħed jammettih meta jqis in-natura, l-edukazzjoni, id-drawwiet u s-sorsi ta’ dawk li kienu jiktbu jew li lilhom kienu jiktbu. Ħafna mill-ewwel insara kienu jew Lhud Palestiniżi jew Lhud tad-Djaspora u Ellenisti. Il-Lhud Palestiniżi kienu jiktbu Grieg maħsub bosta drabi bl-Aramajk (“beda jibgħathom tnejn tnejn” [Mk 6:7]; Lq 10:1, li jikteb Grieg aħjar mill-oħrajn għax jikteb għall-Ġentili u l-Lhud tad-Djaspora wkoll għandu din il-frażi). L-Ellenisti kienu jaħsbu bil-Grieg imma kienu nfluwenzati wkoll mit-tkellim reliġjuż tat-traduzzjoni Griega tal-Bibbja Lhudija tas-Sebgħin, il-Bibbja tal-Insara. L-element semitiku tal-Grieg Bibliku jinħass l-aktar fl-Evanġelji; fihom tidwi l-idjoma tat-tradizzjoni orali li mexxiet il-predikazzjoni ta’ Ġesů li kienet bl-Aramajk. Id-differenzi jidhru skont l-awturi: hekk ngħidu aħna id-differenza notevoli fil-lessiku u l-grammatika bejn Luqa, Pawlu u l-Ittra lil-Lhud min-naħa, u l-bqija tat-Testment il-Ġdid min-naħa l-oħra.