LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

(2) Il-Massoreti u t-Test Massoretiku tat-Testment il-Qadim

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-kliem Lhudi li bih inkitbu l-biċċa l-kbira tal-kotba tat-Testment il-Qadim hu magħmul biss mill-konsonanti. Għal żmien twil kien jinqara skont il-pronunzja tradizzjonali. L-għorrief tal-Lhud, imsejħin Soferim jew Skribi, bejn is-snin 400 Q.K. sa 200 W.K., b’reqqa kbira qagħdu attenti biex tinżamm din il-pronunzja minn nisel għal ieħor. Mbagħad bejn is-snin 500 u 590 w.K. ġew il-Massoreti, għorrief Lhud li tawna t-test oriġinali tal-Bibbja fil-forma fissa kif inhi llum fl-idejn, bil-vokali b’kollox. Bħas-Soferim ta’ qabilhom, bnew l-istudji u r-riżultati tagħhom fuq il-Massorah (it-tradizzjoni); għalhekk jissejħu Massoreti.

L-aqwa xogħol tagħhom kien li vvintaw sinjali tal-pronunzja tal-vokali (tikek, linji, eċċ) u daħħluhom fit-test ʼl isfel jew ʼil fuq jew ġol-konsonanti stess. Ma vvintawx pronunzja ġdida, imma stabbilew u wettqu l-pronunzja tradizzjonali b’sinjali vokaliċi li bihom it-tradizzjoni setgħet tibqa’ sħiħa għal dejjem. Hekk baqgħet tassew sa ma waslet għandna. It-test Lhudi li għandna f’idejna llum huwa t-test Masoretiku.

Il-Massoreti qagħdu attenti ħafna li ma jmissux it-test sagru u ma jbiddlu xejn minnu lanqas fejn sabu żbalji ortografiċi. F’każijiet bħal dawn daħħlu sistema tas-sinjali msejħa tal-qerè-ketìv, fil-ġnub tal-ktieb. Ketìv tfisser kif inhi miktuba l-kelma fit-test oriġinali. Qerè turi kif għandha tinqara skont il-Massorah