L-ilsna oriġinali tal-Bibbja (1)

Il-Lhudi u l-Aramajk tat-Testment il-Qadim.

Minn Dun Pawl Sciberras.

 

Tlieta huma l-ilsna oriġinali li bihom inkitbet il-Bibbja: l-Ebrajk (Lhudi), l-Aramajk u l-Grieg. Bl-Ebrajk inkitbu kważi l-kotba kollha tat-Testment il-Qadim. Bl-Aramajk inkitbu xi 268 vers. Bil-Grieg inkitbu Għerf, Ġuditta u 2 Mak, u l-kotba kollha tat-Testment il-Ġdid. Illum huma ilsna mejta imma l-istudju li sar fuqhom bħala letteratura speċjalment mis-16-il seklu ʼl hawn għenna ħafna f’dik li hi interpretazzjoni tal-Bibbja, anke bħala Kelma ta’ Alla. Sejbiet arkeoloġiċi ta’ skrizzjonijiet fuq steli, tavlozzi, ostraki tal-fuħħar u ċaqquf, u papiri għenu ħafna f’dan ir-rigward.

 

L-Ebrajk (Lhudi)

Hu kklassifikat mal-grupp ta’ lingwi semitiċi Nord-Oċċidentali (Sirja u Palestina), li jinkludi l-Aramajk u d-djaletti Kangħanin (il-Feniċju, l-Ebrajk u l-Moabitiku). Mill-fdalijiet arkeoloġiċi saru magħrufa wkoll l-Ugaritiku u l-Ebalita. L-isem “Ebrajk” ġej minn ‘Ebraïstí, użat għall-ewwel darba mit-traduttur Grieg tal-Ktieb ta’ Bin Sira (ċ.130 Q.K.). Fil-Bibbja jissejjaħ “Ilsien Kangħani” jew “Ġudajk”, bl-Ebrajk “Jeħudìt”.

L-Iżraelin tgħallmu l-Ebrajk mingħand il-Kangħanin meta ġew f’kuntatt magħhom u ssudaw il-ħakma tagħhom fuqu fil-Palestina stess. Baqgħu jużawh fil-kitba u fid-diskors sa wara l-Eżilju Babiloniż (sek. 6 Q.K.). Minn dak iż-żmien ʼil quddiem beda jiġi ftit ftit sostitwit bħala lingwaġġ popolari mill-Aramajk. Bħala lingwa letterarja baqa’ jintuża f’forma żviluppata matul il-Medjuevu kollu.

Kienu jużaw alfabett ta’ 22 ittra, ilkoll konsonanti. Wara l-Eżilju l-Lhud bdew kull ma jmur jużaw l-ilsien Aramajk u ttraskrivew il-Kotba Mqaddsa kollha fl-alfabett Aramajk, magħruf bħala ‘kitba kwadrata’, forma żviluppata tal-alfabett Feniċju. Din għadha użata sal-lum; l-edizzjonijiet kollha tal-Bibbja Ebrajka huma kollha stampatii b’dan l-alfabett.

L-Ebrajk jinkiteb mil-lemin għax-xellug u l-ittri użati huma kollha konsonanti. Il-qari korrett tal-kitba kien provdut mill-memorja mħarrġa mill-għalliema. Wara s-seklu 5 W.K. ġiet ivvintata sistema vokalika msejħa massoretika. L-isem ġej minn korp ta’ studjużi Lhud ta’ Tiberija msejħin ‘Massoreti’, jiġifieri ‘tradizzjonisti’. Dawn ħadu ħsieb jiffissaw il-qari korrett tal-Bibbja kif kienu jafuh miit-tradizzjoni. Il-vokalizzazzjoni tat-test konsonantiku saret b’sistema ta’ tikek u singijiet madwar jew ġol-konsonanti. Fil-prattika dan huwa l-Ebrajk li jiġi studjat fil-Grammatika tal-Ebrajk Bibliku.

Bħala lingwa letterarja l-Ebrajk kellu żmien id-deheb tiegħu fiż-żmien li fih kienu jissawru l-kotba storiċi ta’ Samwel u Slaten, u l-kotba profetiċi ta’ qabel l-Eżilju. Bħala lsien mitkellem l-Ebrajk ġie sostitwit mill-Aramajk fil-bidu tal-era Kristjana. L-Ebrajk ġie rxuxtat fil-Lhudi modern, il-lingwa miktuba u mitkellma fl-Istat ta’ Iżrael. Imma din hi kostruzzjoni moderna li tiddifferixxi fil-wisa’ mill-Ebrajk Bibliku.

 

L-Aramajk

Klassifikat ukoll bħall-Ebrajk mal-ilsna semitiċi tal-Majjistral (North-West), l-Aramajk kien il-lingwa tal-Aramin. B’dan l-isem hu magħruf grupp ta’ rgħajja nomadi, ġejjin aktarx mid-deżert tal-Għarabja, li matul it-tieni millenju Q.K. invadew f’mewġiet suċċessivi kemm il-Mesopotamja ta’ Fuq, u kemm, taħt l-isem ta’ Kaldin, parti sew mill-Babilonja. Ir-reġjun ewlieni tagħhom kien il-Mesopotamja ta’ Fuq f’dik il-liwja l-kbira tal-Ewfrat (Fertile Crescent), fejn kienu joqogħdu wkoll Abraham, Labàn, Ġakobb.

Minkejja l-għibien politiku tal-Aramin mill-Assiri, ilsienhom kellu fortuna kbira għal ħafna sekli. Is-suċċess kummerċjali mirfud mill-kitba alfabetika, adottata f’forma semplifikata minn dik tal-feniċi, aktar maniġġabbli minn dik kuneiformi Assiro-Babiloniża u t-tifrix etniku tagħhom għamlu mill-Aramajk strument faċli ta’ taħlit u diffużjoni tal-kulturi.

Adottat għall-ewwel mill-Assiri bħala lingwa tad-diplomazija internazzjonali, mifrux imbagħad mill-Kaldin (625-538 q.K.) u mpost bħala lingwa amministrattiva mill-Persjani (531-331 q.K.) fl-artijiet kollha tal-imperu, l-Aramajk sar il-lingwa l-aktar użata.

Għad li l-Ebrajk kien il-lingwa sagra tal-Bibbja, partijiet minnha nkitbu bl-Aramajk. Hekk huma Esd 4:8–6:18; 7:12-26; Ġer 10:11; 2:4–7:28. Il-qari tal-Bibbja kien isir bl-Ebrajk, imma kien jitfisser bl-Aramajk, għall-ewwel bil-fomm biss, maż-żmien beda jinkiteb, hekk li nibtu minnu t-Targumim, verżjonijiet Aramajċi ftit jew wisq liberi tal-Bibbja. Bl-Aramajk inkitbu wkoll kummentarji li jinsabu miġbura fit-Talmud, li tiegħu għandna żewġ redazzjonijiet: Palestiniża u Babiloniża. Mal-miġja tal-Grieg, l-Aramajk baqa’ biss il-lingwaġġ komuni tal-Galilija, tas-Samarija u l-inħawi tal-Ġordan, sa ma ċeda postu għal kollox lill-Għarbi tal-Iżlam mis-seklu 7 W.K. ʼl quddiem.

L-Aramajk kien il-lingwa li biha tkellem u pprietka Ġesù. Għad li l-Evanġelji nkitbu oriġinarjament bil-Grieg, l-għejjun orali tagħhom u forsi wkoll miktuba, skont il-fehma komuni huma bl-Aramajk. Xi espressjonijiet baqgħu trażmessi fit-Testment il-Ġdid bl-Aramajk, bħal Éffatah, Talithà qum, Elì Elì, lemà sabaktáni, Abbà, rabbounì, Marana thà.