Aktar riżorsi relatati ...

ISTRUZZJONI TAL-KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI

Ad resurgendum cum Christo

BIEX INQUMU MA KRISTU

dwar id-dfin tal-mejtin u l-konservazzjoni tar-rmied f’każ ta’ kremazzjoni

 

1. Biex inqumu ma’ Kristu, jeħtieġ immutu ma’ Kristu, jeħtieġ “noħorġu minn dan il-ġisem u mmorru noqogħdu għand il-Mulej” (2 Kor 5:8). Bl-Istruzzjoni Piam et constantem tal-5 ta’ Lulju 1963, dak li dari kien is-Sant’Uffizzju stabbilixxa li “tinżamm fedelment id-drawwa li l-katavri tal-fidili jiġu midfuna”, imma żied ukoll li l-kremazzjoni “minnha nfisha mhix kuntrarja għar-reliġjon Nisranija” u li m’għandhomx jiġu mċaħħda mis-sagramenti u mir-riti funerarji dawk li jkunu talbu li jiġu kkremati, sakemm din l-għażla ma tkunx saret “bħala ċaħda tad-dommi Nsara, jew bil-ħsieb ta’ firda, jew b’mibegħda kontra r-reliġjon Kattolika u l-Knisja”.[1] Din il-bidla fid-dixxiplina ekkleżjastika mbagħad ġiet milqugħa fil-Kodiċi tal-Liġi Kanonika (1983) u fil-Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali (1990).

 

Sadanittant, il-prassi tal-kremazzjoni xterdet qatigħ f’kemm-il pajjiż, imma fl-istess waqt xterdu wkoll ideat ġodda li ma jaqblux mal-fidi tal-Knisja. Wara li semgħet kif imiss lill-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, lill-Kunsill Pontifiċju għat-Testi Leġislattivi u lil bosta Konferenzi Episkopali u Sinodi tal-Isqfijiet tal-Knejjes Orjentali, il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi ħasset li jixraq tippubblika Istruzzjoni ġdida, bl-għan li ttenni r-raġunijiet duttrinali u pastorali għall-preferenza tad-difna tal-ġisem u li toħroġ normi għal dak li għandu x’jaqsam mal-konservazzjoni tar-rmied fil-każ ta’ kremazzjoni.

 

2. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet hu l-ogħla verità tal-fidi Nisranija, imxandra sa mill-bidu tal-Kristjaneżmu bħala parti essenzjali mill-Misteru tal-Għid: “Jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax” (1 Kor 15:3-5).

 

Bil-mewt u l-qawmien tiegħu, Kristu ħelisna mid-dnub u fetħilna l-bieb għal ħajja ġdida: “Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-Magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida” (Rum 6:4). Barra minn hekk, Kristu Rxoxt hu l-bidu u l-għajn tal-qawmien tagħna fil-futur: “Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu…; għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu” (1 Kor 15:20-22).

 

Jekk hu minnu li Kristu se jqajjimna lkoll fl-aħħar jum, hu minnu wkoll li, minn banda, aħna diġà mqajmin ma’ Kristu. Fil-fatt, bil-Magħmudija aħna ġejna mgħaddsa fil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu u sagramentalment imwaħħdin miegħu: “Indfintu miegħu bil-magħmudija u rxuxtajtu miegħu permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta’ Alla li qajmu mill-imwiet” (Kol 2:12). Imxerkin ma’ Kristu bil-Magħmudija, minn issa għandna sehem veru fil-ħajja ta’ Kristu Rxoxt (ara Efes 2:6).

 

Bis-saħħa ta’ Kristu, il-mewt tan-Nisrani għandha tifsira pożittiva. Il-liturġija tal-Knisja titlob hekk: “Għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx, imma tinbidel, u, mal-mewt tal-ġisem fuq din l-art, titħejja għalina għamara għal dejjem fis-Sema”.[2] Bil-mewt, ir-ruħ tinfired mill-ġisem, imma fil-qawmien Alla jerġa’ jiġi biex jagħti ħajja li ma tintemmx lill-ġisem mibdul tagħna, u jerġa’ jxierku mar-ruħ tagħna. Anki fi żmienna l-Knisja hi msejħa xxandar din il-fidi fil-qawmien: “Il-qawmien tal-mejtin hu l-fidi tal-Insara: bil-fidi tagħna fih ngħixu”.[3]

 

3. F’linja mat-tradizzjoni antikissma Nisranija, il-Knisja b’insistenza tirrikkmanda li l-ġisem tal-mejtin jindifen fiċ-ċimiterju jew f’xi post qaddis ieħor.[4]

 

Fit-tifkira tal-mewt, id-difna u l-qawmien tal-Mulej, misteru li fid-dawl tiegħu tidher it-tifsira Nisranija tal-mewt,[5] id-dfin hu qabelxejn l-aktar forma idonja biex nesprimu l-fidi u t-tama tagħna fil-qawmien tal-ġisem mill-mewt.[6]

 

Il-Knisja, bħala Omm li sieħbet lin-Nisrani matul il-pellegrinaġġ tiegħu fuq din l-art, toffri lill-Missier, fi Kristu, l-iben jew bint li hi wildet għall-ħajja tal-grazzja u trodd lill-art il-fdalijiet li jintemmu fit-tama li għad iqumu għall-glorja.[7]

 

Meta tidfen il-ġisem tal-fidili mejtin, il-Knisja tikkonferma l-fidi fil-qawmien tal-ġisem,[8] u tifhem tixħet dawl fuq id-dinjità għolja tal-ġisem uman bħala parti integrali mill-persuna li l-ġisem għandu sehem fl-istorja tagħha.[9] Għalhekk, ma tistax tippermetti mġibiet u riti li jinvolvu kunċetti żbaljati tal-mewt, meqjusa kemm bħala t-tmiem defenittiv tal-persuna, kemm bħala l-mument tat-taħlit sħiħ man-Natura Omm jew mal-univers, kemm bħala tappa fil-proċess tar-ri-inkarnazzjoni, kemm bħala ħelsien defenittiv mill-“ħabs” tal-ġisem.

 

Barra minn hekk, id-difna fiċ-ċimiterji jew f’postijiet qaddisa oħra twieġeb b’mod xieraq għall-qima u għar-rispett lejn il-ġisem tal-fidili mejtin, li permezz tal-Magħmudija saru tempju tal-Ispirtu s-Santu u li bihom, “bħal strumenti u ġarar, inqeda b’mod qaddis l-Ispirtu biex iwettaq tant ħidmiet tajba”.[10]

 

It-twajjeb Tobija hu mweġġaħ għall-merti li kiseb quddiem Alla talli ħa ħsieb jidfen il-mejtin,[11] u l-Knisja tqis id-dfin tal-mejtin bħala opra tal-ħniena li tmiss il-ġisem.[12]

 

Fl-aħħar nett, id-difna tal-ġisem tal-fidili mejtin fiċ-ċimiterji jew f’postijiet qaddisa oħra tiffaċilita t-tifkira u t-talba għall-mejtin min-naħa tal-familjari u tal-komunità Nisranija kollha, kif ukoll il-qima tal-martri u tal-qaddisin.

 

Permezz tad-difna tal-ġisem fiċ-ċimiterji, fil-knejjes jew fl-imkejjen lilhom assenjati, it-tradizzjoni Nisranija ħarset ix-xirka bejn il-ħajjin u l-mejtin u ħaditha kontra t-tendenza li jiġu moħbija jew ipprivatizzati l-ġrajja tal-mewt u t-tifsira li din għandha għall-Insara.

 

4. Fil-postijiet fejn minħabba raġunijiet iġeniċi, ekonomiċi jew soċjali tintgħażel il-kremazzjoni, għażla li m’għandhiex tkun kontra r-rieda espliċita jew ix-xewqa raġunata tal-fidil li jkun miet, il-Knisja ma tarax raġunijiet duttrinali biex tipprojbixxi prassi bħal din, għax il-kremazzjoni tal-katavru ma tmissx ir-ruħ u ma żżommx lil Alla milli fis-setgħa bla tarf tiegħu jqajjem mill-mewt lill-ġisem, u għalhekk ma tiċħadx oġġettivament it-tagħlim Nisrani fuq l-immortalità tar-ruħ u l-qawmien tal-ġisem mill-imwiet.[13]

 

Il-Knisja tkompli tippreferi d-difna tal-ġisem għax biha tintwera stima ikbar lejn il-mejtin; madankollu l-kremazzjoni mhix ipprojbita, “sakemm din ma tkunx ġiet magħżula għal raġunijiet li jmorru kontra t-tagħlim Nisrani”.[14]

 

Fin-nuqqas ta’ motivazzjonijiet kuntrarji għat-tagħlim Nisrani, il-Knisja, wara ċ-ċelebrazzjoni tal-funeral, issieħeb l-għażla tal-kremazzjoni b’indikazzjonijiet liturġiċi u pastorali speċifiċi, b’attenzjoni partikulari li tevita kull għamla ta’ skandlu jew ta’ indifferentiżmu reliġjuż.

 

5. F’każ li għal motivazzjonijiet leġittimi ssir l-għażla tal-kremazzjoni tal-katavru, bħala regola l-irmied tal-mejjet għandu jiġi kkonservat f’post qaddis, jiġifieri fiċ-ċimiterju jew, jekk ikun il-każ, fi knisja jew f’post maħsub apposta għal dan l-għan mill-awtorità ekkleżjastika kompetenti.

 

Sa mill-bidu l-Insara wrew ix-xewqa li l-mejtin tagħhom ikunu oġġett tat-talb u tat-tifkira tal-komunità Nisranija. L-oqbra tagħhom kienu jagħmluhom imkejjen ta’ talb, tal-memorja u tar-riflessjoni. Il-fidili li mietu jagħmlu parti mill-Knisja, li temmen fix-xirka “ta’ dawk li għadhom mexjin f’din id-dinja lejn is-Sema, tal-mejtin li qegħdin jissaffew mit-tinġis tad-dinja, tal-qaddisin tas-Sema: kollha flimkien jagħmlu Knisja waħda”.[15]

 

Il-konservazzjoni tar-rmied f’post qaddis taf tgħin biex jitnaqqas ir-riskju li l-mejtin jisfaw imċaħħda mit-talb u mit-tifkira tal-qraba u tal-komunità Nisranija. Barra minn hekk, hekk tiġi evitata l-possibbiltà li jintesew jew jonqsuhom mir-rispett, ħwejjeġ li jistgħu jseħħu fuq kollox ladarba tkun għaddiet l-ewwel ġenerazzjoni, kif ukoll prattiċi mhux xierqa jew superstizzjużi.

 

6. Għar-raġunijiet imniżżla hawn fuq, il-konservazzjoni tar-rmied fid-dar mhix permessa. F’każ biss ta’ ċirkustanzi gravi u eċċezzjonali, li jiddipendu minn kundizzjonijiet kulturali ta’ karattru lokali, l-Ordinarju, fi qbil mal-Konferenza Episkopali jew is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-Knejjes Orjentali, jista’ jagħti l-permess għall-konservazzjoni tar-rmied f’dar. Madankollu, ir-rmied ma jistax jinqasam bejn il-bosta partijiet tal-familja u għandu jingħata dejjem ir-rispett u l-kundizzjonijiet xierqa ta’ konservazzjoni.

 

7. Biex jiġi evitat kull tip ta’ ekwivoku panteista, naturalista jew niħilista, mhux permess it-tixrid tar-rmied fl-arja, fl-art jew fl-ilma, jew b’xi mod ieħor, u lanqas il-bidla tar-rmied kremat f’tifkiriet kommemorattivi, f’biċċiet ta’ ġojjellerija jew f’oġġetti oħra, għax hawn ma jistgħux jiġu applikati l-istess raġunijiet iġeniċi, soċjali jew ekonomiċi li setgħu mmotivaw l-għażla tal-kremazzjoni.

 

8. Fil-każ li l-mejjet notorjament ikun ried il-kremazzjoni u t-tixrid tar-rmied tiegħu għal raġunijiet li jmorru kontra l-fidi Nisranija, m’għandux jingħata jedd għal funeral skont in-normi tal-liġi.[16]

 

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, fl-Udjenza mogħtija lill-Kardinal Prefett hawn taħt iffirmat, fid-data tat-18 ta’ Marzu 2016, approva din l-Istruzzjoni, maqbula fis-Sessjoni Ordinarja ta’ din il-Kongregazzjoni fid-data tat-2 ta’ Marzu 2016, u ordna li tiġi mxandra.

 

Ruma, mis-Sede tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, 15 ta’ Awwissu 2016, Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Mqaddsa Marija.

 

Kardinal Gerhard Müller

Prefett

 

Luis F. Ladaria, S.I.

Arċisqof titulari ta’ Thibica

Segretarju

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] AAS 56 (1964), 822-823.

[2] Missal Ruman, Prefazju tal-mejtin, I.

[3] Tertulljani, De resurrectione carnis, 1,1: CCL 2, 921.

[4] Ara CIC, kan. 1176, § 3; kan. 1205; CCEO, kan. 876, § 3; kan. 868.

[5] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1681.

[6] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2300.

[7] Ara 1 Kor 15:42-44; Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1683.

[8] Ara Santu Wistin, De cura pro mortuis gerenda, 3, 5: CSEL 41, 628.

[9] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pasrtorali Gaudium et spes, n. 14.

[10] Ara Santu Wistin, De cura pro mortuis gerenda, 3, 5: CSEL 41, 627.

[11] Ara Tob 2:9; 12:12.

[12] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2300.

[13] Ara Kongregazzjoni Suprema u Mqaddsa tas-Sant’Uffizzju, Istruzzjoni Piam et constantem, 5 ta’ Lulju 1963: AAS 56 (1964), 822.

[14] CIC, kan. 1176, § 3; ara CCEO, kan. 876, § 3.

[15] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 962.

[16] CIC, kan. 1184; CCEO, kan. 876, § 3.