Laikos

 

         

 

ITTRA APPOSTOLIKA

DESIDERIO DESIDERAVI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

LILL-ISQFIJIET, LILL-PRESBITERI U LID-DJAKNI,

LILL-PERSUNI KKONSAGRATI

U LILL-FIDILI LAJĊI

DWAR IL-FORMAZZJONI LITURĠIKA

TAL-POPLU TA’ ALLA

 

Desiderio desideravi

hoc Pascha manducare vobiscum,

antequam patiar (Lq 22:15).

 

1. Għeżież ħuti, b’din l-ittra nixtieq nilħaq lil kulħadd – wara li diġà ktibt lill-isqfijiet waħidhom wara l-pubblikazzjoni tal-Motu Proprju Traditiones custodes – biex naqsam magħkom xi riflessjonijiet fuq il-Liturġija, dimensjoni fundamentali għall-ħajja tal-Knisja. It-tema hi vasta ħafna u jixirqilha kunsiderazzjoni attenta f’kull aspett: madankollu, b’din il-kitba ma għandi ebda ħsieb nittratta l-argument minn tarf sa tarf. Irrid sempliċiment noffri xi spunti ta’ riflessjoni biex nikkontemplaw il-ġmiel u l-verità taċ-ċelebrazzjoni Nisranija.

 

Il-Liturġija: l-illum tal-istorja tas-salvazzjoni

2. “Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom, qabel ma nbati” (Lq 22:15). Il-kliem ta’ Ġesù li bih jiftaħ ir-rakkont tal-Aħħar Ċena huma t-tieqa li minnha tingħatalna l-possibbiltà tal-għaġeb li nilmħu l-profondità tal-imħabba tal-Persuni tat-Trinità Qaddisa lejna.

 

3. Pietru u Ġwanni kienu ġew mibgħutin biex iħejju għall-ikla tal-Għid, imma, jekk niflu iktar mill-qrib, il-ħolqien kollu, l-istorja kollha – li sa fl-aħħar kienet waslet biex tiġi rrivelata bħala storja ta’ salvazzjoni – hija tħejjija kbira għal dik l-Ikla. Pietru u l-oħrajn jinsabu madwar dik il-mejda, bla ma huma konxji imma safrattant daqstant ieħor meħtieġa: kull don, biex ikun tali, għandu jkollu lil xi ħadd lest li jilqgħu. F’dan il-każ l-isproporzjon bejn l-immensità tad-don u ċ-ċkunija ta’ min jirċevih huwa bla tarf u ma jistax ma jissorpendiniex. Madankollu – għall-ħniena tal-Mulej – id-don jiġi fdat lill-Appostli biex jitwassal lil kull bniedem.

 

4. Għal dik l-Ikla ħadd ma ggwadanja post, kollha ġew mistiedna, jew, aħjar, miġbuda mix-xewqa ħerqana li kellu Ġesù biex jiċċelebra dak l-Għid magħhom: hu jaf li hu l-Ħaruf ta’ dak l-Għid, jaf li hu l-Għid. Din hi l-karatteristika assolutament ġdida ta’ dik l-Ikla, l-uniku veru ġdid tal-istorja, li jagħmel minn dik l-Ikla waħda unika u għalhekk l-“aħħar” waħda, irripetibbli. Madankollu, ix-xewqa bla tarf tiegħu li jerġa’ jwaqqaf dik il-komunjoni magħna, li kienet u li tibqa’ l-pjan sa mill-bidu, ma jistax jaqtagħha sakemm kull bniedem, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien (Apok 5:9), ma jkunx kiel il-Ġisem tiegħu u xorob id-Demm tiegħu: għalhekk dik l-istess Ikla, sa ma jerġa’ jiġi, tibqa’ ssir ħajja fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.

 

5. Id-dinja għadha ma tafx, imma kulħadd hu mistieden għall-ikla tat-tieġ tal-Ħaruf (Apok 19:9). Biex tidħol irid biss ikollok il-libsa tat-tieġ tal-fidi li tiġi mis-smigħ tal-Kelma tiegħu (ara Rum 10:17): il-Knisja tinsiġha skont il-qies tal-persuna bil-bjuda ta’ drapp maħsul fid-Demm tal-Ħaruf (ara Apok 7:14). M’għandu jkollna mank waqt wieħed ta’ mistrieħ meta nafu li mhux kulħadd għadu rċieva l-istedina għall-Ikla jew li oħrajn insewha jew intilfu fil-mogħdijiet mgħawġa tal-ħajja tal-bnedmin. Għalhekk jiena għidt li “noħlom li nagħmlu għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum, iktar milli għall-awtopreservazzjoni” (Evangelii gaudium, n. 27): hekk kulħadd jista’ jpoġġi għall-Ikla tas-sagrifiċċju tal-Ħaruf u jgħix bih.

 

6. Qabel it-tweġiba tagħna għall-istedina tiegħu – ħafna qabel – hemm ix-xewqa tiegħu għalina: nistgħu lanqas inkunu nafu, imma kull darba li mmorru għall-quddiesa l-ewwel raġuni hi għax aħna ninġibdu mix-xewqa tiegħu għalina. Min-naħa tagħna, it-tweġiba possibbli, l-axxeżi l-aktar esiġenti, hi, bħal dejjem, dik li nintelqu fl-imħabba tiegħu, li nkunu rridu li nħalluh jiġbidna lejh. Żgur li kull tqarbina tagħna bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu kienet mixtieqa minnu fl-Aħħar Ċena.

 

7. Il-kontenut tal-Ħobż maqsum hu s-salib ta’ Ġesù, is-sagrifiċċju tiegħu f’ubbidjenza ta’ mħabba lejn il-Missier. Kieku ma kellniex l-Aħħar Ċena, jiġifieri l-antiċipazzjoni ritwali tal-mewt tiegħu, ma konniex inkunu nistgħu nifhmu kif it-twettiq tal-kundanna tiegħu għall-mewt seta’ jsir l-att ta’ qima perfetta u mogħġuba mill-Missier, l-uniku veru att ta’ kult. Ftit sigħat wara, l-Appostli setgħu jaraw fis-salib ta’ Ġesù, kieku felħu għall-piż tiegħu, x’ried jgħid b’“ġismi mogħti”, “demmi mxerred”: u dan hu li nagħmlu tifkira tiegħu f’kull Ewkaristija. Meta jerġa’ lura mqajjem mill-mewt biex jaqsam il-ħobż għad-dixxipli ta’ Għemmaws u għad-dixxipli tiegħu xħin reġgħu marru jistadu l-ħut – u mhux il-bnedmin – fuq l-għadira tal-Galilija, dak il-ġest jiftħilhom għajnejhom, ifejjaqhom mill-għama li ħakimhom bil-kruha tas-salib, jagħtihom il-ħila li “jaraw” lill-Irxoxt, li jemmnu fil-Qawmien.

 

8. Kieku kellna mmorru Ġerusalemm wara Għid il-Ħamsin u nħossu x-xewqa mhux biss li jkollna tagħrif dwar Ġesù ta’ Nazaret, imma li nistgħu niltaqgħu miegħu mill-ġdid, ma kienx ikollna possibbiltà oħra jekk mhux dik li nfittxu lid-dixxipli tiegħu biex nisimgħu kliemu u naraw il-ġesti tiegħu, iktar ħajja minn qatt qabel. Ma kienx ikollna possibbiltà oħra ta’ laqgħa vera miegħu jekk mhux dik tal-komunità li tiċċelebra. Għalhekk il-Knisja dejjem ħarset bħala l-aktar teżor prezzjuż tagħha l-mandat tal-Mulej: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

 

9. Sa mill-bidu l-Knisja kienet konxja li din ma kinitx rappreżentazzjoni, imqar jekk sagra, tal-Ikla tal-Mulej: ma kien ikollha l-ebda sens u ħadd ma kien se jimmaġina li “jiddrammatizza” – iżjed u iżjed taħt għajnejn Marija, Omm il-Mulej – dak il-mument l-aktar għoli tal-ħajja tal-Imgħallem. Sa mill-bidu l-Knisja, imdawla mill-Ispirtu s-Santu, fehmet li dak li kien jidher f’Ġesù, dak li stajt tara b’għajnejk u tmiss b’idejk, kliemu u l-ġesti tiegħu, il-konkretezza tal-Verb inkarnat, kull ħaġa tiegħu kienet għaddiet għandna fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti.[1]

 

Il-Liturġija: post il-laqgħa ma’ Kristu

10. Hawn qiegħed il-ġmiel setgħan tal-Liturġija. Kieku l-Qawmien kien għalina kunċett, idea, ħsieb; kieku l-Irxoxt kien għalina t-tifkira tat-tifkira ta’ oħrajn, imqar jekk awtorevoli bħalma kienu l-Appostli, kieku ma ngħatatx lilna wkoll il-possibbiltà ta’ laqgħa vera miegħu, konna nkunu qisna qed niddikjaraw mitmum il-ġdid tal-Verb magħmul laħam. Imma l-Inkarnazzjoni, barra li hi l-ġrajja ġdida waħdanija li taf l-istorja, hija wkoll il-metodu li t-Trinità Qaddisa għażlet biex tiftaħ għalina t-triq tal-komunjoni. Il-fidi Nisranija, jew hi laqgħa miegħu ħaj, jew mhi xejn.

 

11. Il-Liturġija tiggarantilna l-possibbiltà ta’ din il-laqgħa. Aħna ma għandniex bżonn xi tifkira vaga tal-Aħħar Ċena: aħna neħtieġu li nkunu preżenti għal dik l-Ikla, li nistgħu nisimgħu l-leħen tiegħu, nieklu l-Ġisem tiegħu u nixorbu Demmu: għandna bżonn tiegħu. Fl-Ewkaristija u fis-sagramenti kollha għandna garanzija tal-possibbiltà li niltaqgħu mal-Mulej Ġesù u li tilħaqna l-qawwa tal-Għid tiegħu. Il-qawwa salvifika tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù, ta’ kull kelma tiegħu, ta’ kull ġest, ħarsa, sentiment tiegħu tilħaqna fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti. Jiena Nikodemu u s-Samaritana, l-imxajtan ta’ Kafarnahum u l-magħtub fid-dar ta’ Pietru, il-midinba maħfura u l-mara li tbati bit-tnixxija tad-demm, bint Ġajru u l-agħma ta’ Ġeriko, Żakkew u Lazzru, il-ħalliel u Pietru maħfura. Il-Mulej Ġesù li, issagrifikat fuq is-salib, ma jmutx aktar, u jgħix għal dejjem fis-sinjali tal-Passjoni tiegħu,[2] jissokta jaħfrilna, ifejjaqna, isalvana bil-qawwa tas-sagramenti. Dan huwa l-mod konkret, permezz tal-Inkarnazzjoni, li bih huwa jħobbna; huwa l-mod li bih jaqta’ l-għatx għalina li huwa stqarr fuq is-salib (Ġw 19:28).  

 

12. L-ewwel laqgħa tagħna mal-Għid tiegħu hija l-ġrajja li timmarka l-ħajja tagħna kollha li nemmnu fi Kristu: il-magħmudija tagħna. Din mhix it-twaħħid tagħna mal-ħsieb tiegħu jew is-sottoskrizzjoni għal kodiċi ta’ mġiba impost minnu: bil-magħmudija aħna nogħdsu fil-passjoni, il-mewt, il-qawmien u t-tlugħ tiegħu fis-Sema. Mhuwiex xi ġest maġiku: il-maġija hi l-oppost tal-loġika tas-sagramenti, għax tippretendi li għandha setgħa fuq Alla u għal din ir-raġuni hi ġejja mit-tentatur. F’kontinwità perfetta mal-Inkarnazzjoni, niġu mogħtija l-possibbiltà, bil-qawwa tal-preżenza u tal-azzjoni tal-Ispirtu, li mmutu u nqumu fi Kristu.

 

13. Il-mod kif iseħħ dan hu kommoventi. It-talba tat-tberik tal-ilma tal-Magħmudija[3] turina li Alla ħalaq l-ilma proprju fid-dawl tal-Magħmudija. Dan ifisser li waqt li Alla kien qed joħloq l-ilma, kien qed jaħseb fil-magħmudija ta’ kull wieħed u waħda minna, u dan il-ħsieb sieħbu fl-aġir tiegħu tul l-istorja kollha tas-salvazzjoni, ta’ kull darba li, bi pjan preċiż, hu ried jinqeda bl-ilma. Bħallikieku, wara li ħalqu, ried jipperfezzjonah biex jasal li jkun l-ilma tal-Magħmudija. U hekk ried jimlieh biċ-ċaqliq tal-Ispirtu tiegħu li kien jittajjar fuqu (ara Ġen 1:2) għax fih kien hemm iż-żerriegħa tal-qawwa li tqaddes; użah biex jagħti ħajja ġdida lill-umanità fid-dilluvju (ara Ġen 6:1-9,29); ħakem fuqu u ferqu biex jiftaħ triq ta’ ħelsien fil-Baħar l-Aħmar (ara Eż 14); ikkonsagrah fil-Ġordan billi għaddas fih il-ġisem tal-Verb mimli bl-Ispirtu (ara Mt 3:13-17; Mk 1:9-11; Lq 2:21-22). Fl-aħħar nett, ħalltu mad-demm ta’ Ibnu, don tal-Ispirtu magħqud b’mod li ma jinfiridx mad-don tal-ħajja u tal-mewt tal-Ħaruf issagrifikat għalina, u mill-kustat minfud sawbu fuqna (Ġw 19:34). Hu f’dan l-ilma li aħna ġejna mgħaddsa biex bil-qawwa tiegħu stajna niġu mlaqqma fil-Ġisem ta’ Kristu u miegħu nqumu mill-ġdid għall-ħajja bla tmiem (ara Rum 6:1-11).

 

Il-Knisja: sagrament tal-Ġisem ta’ Kristu

14. Kif ifakkarna l-Konċilju Vatikan II (ara Sacrosanctum Concilium, n. 5) billi jikkwota l-Iskrittura, il-Missirijiet tal-Knisja u l-Liturġija – il-kolonni tat-Tradizzjoni vera – mill-ġenb ta’ Kristu mejjet fuq is-salib ħareġ is-sagrament tal-għaġeb tal-Knisja kollha.[4] Il-paralleliżmu bejn l-ewwel Adam u dak ġdid hu sorprendenti: kif mill-kustat tal-ewwel Adam, wara li xeħet fuqu ngħas kbir, Alla ħareġ lil Eva, hekk mill-kustat ta’ Adam il-ġdid, mitluf fir-raqda tal-mewt, titwieled Eva l-ġdida. L-istagħġib tagħna hu għall-kliem li nistgħu nistħajlu lil Adam il-ġdid jagħmel tiegħu huwa u jħares il-Knisja: “Din issa hi għadma minn għadmi, laħam minn laħmi” (Ġen 2:23). Għax emminna fil-Kelma u nżilna fl-ilma tal-Magħmudija, aħna sirna għadam minn għadmu, laħam minn laħmu.

 

15. Mingħajr din l-inkorporazzjoni ma hemm ebda possibbiltà li ngħixu l-milja tal-qima lil Alla. Fil-fatt, wieħed waħdu hu l-att tal-qima perfetta u mogħġuba mill-Missier, l-ubbidjenza tal-Iben li l-kejl tagħha hi l-mewt tiegħu fuq is-salib. L-unika possibbiltà biex jista’ jkollna sehem fl-offerta tiegħu hi dik li nsiru wlied fl-Iben. Huwa dan id-don li aħna rċivejna. Is-suġġett li jaġixxi fil-Liturġija hu dejjem u biss Kristu-Knisja, il-Ġisem mistiku ta’ Kristu.

 

Is-sens teoloġiku tal-Liturġija

16. Grazzi għall-Konċilju – u għall-moviment liturġiku li ġie qablu – seħħet riskoperta tal-għarfien teoloġiku tal-Liturġija u tal-importanza tagħha fil-ħajja tal-Knisja: il-prinċipji ġenerali li tagħtina s-Sacrosanctum Concilium, bħalma kienu fundamentali għall-intervent ta’ riforma, jissoktaw ikunu hekk għall-promozzjoni ta’ dik il-parteċipazzjoni fiċ-ċelebrazzjoni, sħiħa, konxja, attiva u li tħalli l-frott (ara Sacrosanctum Concilium, nn. 11,14), “l-ewwel għajn indispensabbli li minnha l-fidili jieħdu l-ispirtu tabilħaqq Nisrani” (Sacrosanctum Concilium, n. 14). B’din l-ittra nixtieq sempliċiment nistieden lill-Knisja kollha tiskopri mill-ġdid, tħares u tgħix il-verità u l-qawwa taċ-ċelebrazzjoni Nisranija. Nixtieq li l-ġmiel taċ-ċelebrazzjoni Nisranija u tal-konsegwenzi meħtieġa tagħha fil-ħajja tal-Knisja, ma jiġux imxekkla minn għarfien superfiċjali u fqir tal-valur tagħha jew, agħar minn hekk, minn strumentalizzazzjoni għall-fini ta’ xi viżjoni ideoloġika, tkun liema tkun. It-talba saċerdotali ta’ Ġesù fl-Aħħar Ċena biex ikunu lkoll ħaġa waħda (Ġw 17:21), tiġġudika kull firda ta’ bejnietna madwar il-Ħobż miksur, sagrament ta’ qima, sinjal ta’ għaqda, rabta ta’ mħabba.[5]

 

Il-Liturġija: antidotu għall-velenu tal-mondanità spiritwali

17. Xtaqt iżjed minn darba niftaħ għajnejn kulħadd dwar tentazzjoni perikoluża għall-ħajja tal-Knisja, u din hi l-“mondanità spiritwali”: tkellimt dwarha fit-tul fl-Eżortazzjoni Evangelii gaudium (nn. 93-97), u semmejt in-Njostiċiżmu u n-Neo-Pelaġjaniżmu bħala ż-żewġ modi marbuta bejniethom li jkattruha.

 

L-ewwel wieħed jirriduċi l-fidi Nisranija għal suġġettiviżmu li jagħlaq l-individwu “fl-immanenza tar-raġuni u s-sentimenti tiegħu stess” (Evangelii gaudium, n. 94).

 

It-tieni jħassar il-valur tal-grazzja biex jafda biss fuq il-qawwa tiegħu, u jagħti wisa’ għal “elitarjaniżmu narċisista u awtoritarju, fejn flok nevanġelizzaw, noqogħdu nanalizzaw u nikklassifikaw lill-oħrajn, u flok nagħmlu l-grazzja iktar milħuqa, naħlu saħħitna nikkontrollaw” (Evangelii gaudium, n. 94).

 

Dawn ix-xejriet mgħawġa ta’ Kristjaneżmu jista’ jkollhom konsegwenzi diżastrużi għall-ħajja tal-Knisja.

 

18. Minn dak li ridt infakkar hawn fuq jirriżulta ċar li l-Liturġija hi, mill-istess natura tagħha, l-antidotu l-iżjed b’saħħtu kontra dawn il-veleni. Ovvjament qed nitkellem fuq il-Liturġija fis-sens teoloġiku tagħha u żgur – dan kien ġa affermah Piju XII – mhux bħala ċerimonjal dekorattiv jew sempliċi ġabra ta’ liġijiet u ta’ preċetti li jirregolaw il-kult.[6]

 

19. Jekk in-Njostiċiżmu jintoskana bil-velenu tas-suġġettiviżmu, iċ-ċelebrazzjoni liturġika teħlisna mill-ħabs ta’ awtoreferenzjalità li sserraħ fuq ir-raġuni tagħna jew fuq kif inħossuna aħna: l-azzjoni ċelebrattiva ma hix ta’ wieħed waħdu imma ta’ Kristu-Knisja, tat-totalità tal-fidili mxierka fi Kristu. Il-Liturġija ma tgħidx “jien” imma “aħna”, u kull limitazzjoni għall-wesgħa ta’ dan l-“aħna” hi dejjem ġejja ix-xitan. Il-Liturġija ma tħalliniex infittxu waħidna t-taparsi għarfien individwali tal-misteru ta’ Alla, imma taqbdilna jdejna, flimkien, bħala ġemgħa, biex iddaħħalna fil-misteru li jikxfulna l-Kelma u s-sinjali sagramentali. U dan tagħmlu, b’koerenza mal-għemil ta’ Alla, billi timxi fit-triq tal-inkarnazzjoni, permezz tal-lingwaġġ simboliku tal-ġisem li jitwessa’ għall-oġġetti, għall-ispazju u għaż-żmien.

 

20. Jekk in-Neo-Pelaġjaniżmu jintoskana bil-preżunzjoni ta’ salvazzjoni miksuba bil-ħila tagħna, iċ-ċelebrazzjoni liturġika ssaffina billi xxandar l-għoti b’xejn tad-don tas-salvazzjoni milqugħ fil-fidi. Il-parteċipazzjoni tagħna fis-sagrifiċċju Ewkaristiku mhijiex xi kisba tagħna bħallikieku nistgħu niftaħru b’dan quddiem Alla u ħutna. Il-bidu ta’ kull ċelebrazzjoni jfakkarni min jien billi jitlobni nistqarr dnubi u jistedinni nitlob lill-Imqaddsa Marija dejjem Verġni, l-anġli, il-qaddisin u ħuti kollha, biex jitolbu għalija lill-Mulej: żgur li m’aħniex denji li nidħlu fid-dar tiegħu, għandna bżonn ta’ kelma tiegħu biex niġu salvati (ara Mt 8:8). Ma għandna xejn biex niftaħru ħlief bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu (ara Gal 6:14). Il-Liturġija ma għandha xejn x’taqsam ma’ moraliżmu axxetiku: hija d-don tal-Għid tal-Mulej li, milqugħ bil-ħlewwa, iġedded il-ħajja tagħna. Ma nistgħux nidħlu fiċ-Ċenaklu jekk mhux bil-qawwa tal-ġibda tax-xewqa tiegħu li jagħmel l-Ikla tal-Għid magħna: Desiderio desideravi hoc Pascha manducare vobiscum, antequam patiar (Lq 22:15).

 

Niskopru ta’ kuljum il-ġmiel tal-verità taċ-ċelebrazzjoni Nisranija

21. Imma rridu noqogħdu attenti: biex l-antidotu tal-Liturġija jkun effikaċi aħna mitluba niskopru mill-ġdid ta’ kuljum il-ġmiel tal-verità taċ-ċelebrazzjoni Nisranija. Qed nirriferi mill-ġdid għas-sens teoloġiku tagħha, kif fisser b’mod daqshekk sabiħ in-nru 7 tas-Sacrosanctum Concilium: il-Liturġija hija s-saċerdozju ta’ Kristu rrivelat lilna u mogħti fl-Għid tiegħu, li llum hu preżenti u attiv permezz ta’ sinjali sensibbli (ilma, żejt, ħobż, inbid, ġesti, kliem) biex l-Ispirtu, li jdaħħalna fil-Misteru tal-Għid, jibdel il-ħajja tagħna u jwaħħadna dejjem iżjed ma’ Kristu.

 

22. L-iskoperta kontinwa mill-ġdid tal-ġmiel tal-Liturġija mhijiex it-tiftixa għal xi kożmetika ritwali li tieħu pjaċir biss tikkura l-formalità esterjuri ta’ rit jew tissodisfa ruħha b’osservanza skrupluża tar-rubriki. Ovvjament din l-affermazzjoni bl-ebda mod ma trid tapprova l-atteġġjament oppost li jifxel is-sempliċità ma’ banalità negliġenti, l-essenzjalità ma’ superfiċjalità injoranta, il-konkretezza tal-aġir ritwali ma’ funzjonaliżmu prattiku esaġerat.

 

23. Ħa niftiehmu: kull aspett taċ-ċelebrazzjoni għandu jiġi kkurat (spazju, żmien, ġesti, kliem, oġġetti, ilbies, kant, mużika…) u kull rubrika għandha tiġi osservata: biżżejjed din l-attenzjoni biex nevitaw li nisirqu lill-miġemgħa minn dak li hu dovut lilha, jiġifieri li l-Misteru tal-Għid jiġi ċċelebrat fil-modalità ritwali li tistabbilixxi l-Knisja. Imma mqar jekk il-kwalità u n-norma tal-azzjoni ċelebrattivi jiġu garantiti, dan ma jkunx biżżejjed biex jagħmel il-parteċipazzjoni tagħna sħiħa.

 

L-istagħġib għall-Misteru tal-Għid: parti essenzjali tal-att liturġiku

24. Li kellu jonqos is-sens ta’ stagħġib għall-Misteru tal-Għid li jsir preżenti fil-konkretezza tas-sinjali sagramentali, inkunu tabilħaqq qed nirriskjaw li nagħlqu l-bieb għall-oċean ta’ grazzja li jfawwar kull ċelebrazzjoni. Mhumiex biżżejjed l-isforzi, imqar jekk ta’ min ifaħħarhom, biex ikollna kwalità aħjar taċ-ċelebrazzjoni, u lanqas hi biżżejjed sejħa mill-ġdid għall-interjorità: anki din tal-aħħar għandha r-riskju li tirriduċi ruħha għal suġġettività vojta jekk ma tilqax ir-rivelazzjoni tal-misteru ta’ Kristu. Il-laqgħa ma’ Alla mhijiex frott ta’ tiftixa individwali interjuri tiegħu, imma hi ġrajja mogħtija: nistgħu niltaqgħu ma’ Alla minħabba fl-inkarnazzjoni ġdida li fl-Aħħar Ċena jasal sal-punt estrem li jixtieq iħallina nikluh. Kif nistgħu qatt inħallu jaħarbilna s-seħer tal-ġmiel ta’ dan id-don?

 

25. Meta ngħid stagħġib għall-Misteru tal-Għid m’iniex infisser bl-ebda mod dak li xi kultant jidhirli li hemm min irid jesprimi bl-espressjoni vaga “sens tal-misteru”: xi drabi fost it-taparsi raġunijiet ta’ akkuża kontra r-riforma liturġika ssib ukoll dik li – kif jingħad – qridnieh miċ-ċelebrazzjoni. L-istagħġib li dwaru qed nitkellem mhux xi għamla ta’ konfużjoni quddiem realtà mudlama jew rit enigmatiku, imma, bil-maqlub, hu l-istagħġib għall-fatt li l-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla ġie rrivelat lilna fl-Għid ta’ Ġesù (ara Lhud 1:3-14), li l-frott tiegħu jissokta jilħaqna fiċ-ċelebrazzjoni tal-“misteri”, jew aħjar, fis-sagramenti. Imqar jekk hu minnu woll li l-milja tar-Rivelazzjoni, quddiem il-limitazzjoni umana tagħna, tant hi għolja u tmur tant lil hemm li tittraxxendina u sseħħ għalkollox fl-aħħar taż-żmien meta l-Mulej jiġi lura. Jekk l-istagħġib huwa minnu, ma hemm ebda riskju li ma nintebħux, imqar fil-qrubija li riedet l-Inkarnazzjoni, li l-preżenza ta’ Alla hi differenti minna. Jekk ir-riforma qerdet dak is-“sens ta’ misteru”, iktar milli motiv ta’ akkuża hi nota meritevoli. Il-ġmiel, bħall-verità, iġib dejjem sens ta’ stagħġib, u meta dan hu għall-misteru ta’ Alla, iwassal għall-adorazzjoni.

 

26. L-istagħġib hu parti essenzjali mill-att liturġiku għax hu l-atteġġjament ta’ min jaf li jinsab quddiem il-partikularità tal-ġesti simboliċi; hu l-istagħġib ta’ min iduq il-qawwa tas-simbolu, li ma jibgħatniex lejn kunċett astratt imma jħaddan u jesprimi fil-konkretezza tiegħu dak li hu jfisser.

 

Il-ħtieġa ta’ formazzjoni liturġika serja u vitali

27. Il-kwistjoni fundamentali allura hi: kif se nerġgħu nsibu l-ħila li ngħixu l-azzjoni liturġika fil-milja tagħha? Ir-riforma tal-Konċilju għandha dan bħala għan. L-isfida hi impenjattiva ħafna għax il-bniedem modern – mhux fil-kulturi kollha bl-istess mod – tilef il-ħila li jikkonfronta ruħu mal-aġir simboliku li hu karatteristika essenzjali tal-att liturġiku.

 

28. Il-postmodernità – li fiha l-bniedem iħossu iktar mitluf, bla punti ta’ riferiment ta’ ebda xorta, sajjem mill-valuri għax saru indifferenti, iltim minn kollox, fi frammentazzjoni li fiha jidher impossibbli xefaq ta’ tifsira – issir iktar gravi bil-wirt tqil li l-epoka ta’ qabel ħallitilna f’ħoġorna, magħmula minn individwaliżmu u suġġettiviżmu (li għal darb’oħra jfakkru fil-Pelaġjaniżmu u n-Njostiċiżmu) kif ukoll minn spiritwaliżmu astratt li jmur kontra l-istess natura tal-bniedem, li hu spirtu inkarnat u, għalhekk, fih innifsu kapaċi għall-azzjoni u għall-għarfien simboliku.

 

29. Huwa ma’ din ir-realtà tal-modernità li l-Knisja miġbura f’Konċilju riedet tikkonfronta ruħha, hija u tafferma mill-ġdid l-għarfien li hija sagrament ta’ Kristu, dawl tal-ġnus (Lumen gentium), fis-smigħ reliġjuż tal-kelma ta’ Alla (Dei Verbum), u hi u tagħraf bħala tagħha l-ferħ u t-tamiet (Gaudium et spes) tal-bnedmin tal-lum. Il-Kostituzzjonijiet kbar tal-Konċilju ma tistax tifridhom waħda mill-oħra, u mhux ta’ b’xejn li din ir-riflessjoni waħda kbira tal-Konċilju Ekumeniku – l-ogħla espressjoni tas-sinodalità tal-Knisja li tal-għana tagħha jiena msejjaħ inkun, magħkom ilkoll, ħarries – telqet proprju mil-Liturġija (Sacrosanctum Concilium).

 

30. Fl-għeluq tat-tieni sessjoni tal-Konċilju (4 ta’ Diċembru 1963), San Pawlu VI esprima ruħu hekk:

 

“Mill-bqija, din id-diskussjoni appassjonata u kumplessa ma kinitx żgur mingħajr frott sinifikanti: fil-fatt dik it-tema li ġiet affrontata qabel kollox, u li f’ċertu sens fil-Knisja tieħu l-ewwel post, tant minħabba n-natura tagħha daqskemm għad-dinjità li għandha – qed ngħidu għal-Liturġija Mqaddsa – waslet għal tmiem hieni, u qed tiġi llum Minna ppromulgata b’rit solenni. Għal din ir-raġuni r-ruħ Tagħna tifraħ b’ferħ sinċier. Fil-fatt, f’dan aħna nagħrfu li ġie rrispettat l-ordni t-tajjeb tal-valuri u tad-dmirijiet: b’dan il-mod għarafna li l-post tal-ġieħ għandu jingħata lil Alla; li aħna bħala l-ewwel dmir tagħna għandna nressqu t-talb quddiem Alla; li l-Liturġija Mqaddsa hija l-għajn ewlenija ta’ dan il-qsim divin li fih aħna nirċievu l-ħajja ta’ Alla, hija l-ewwel skola tar-ruħ tagħna, hija l-ewwel don li aħna għandna nagħmlu lill-poplu Nisrani, magħqud magħna fil-fidi u fl-assidwità tat-talb; fl-aħħar nett, l-ewwel stedina lill-umanità biex tħoll ilsienha marbut f’talb qaddis u sinċier u biex tħoss dik il-qawwa bla tarf li trodd ħajja ġdida lir-ruħ u li trid tgħanni magħna t-tifħir lil Alla u t-tamiet tal-bnedmin, b’Ġesù Kristu u fl-Ispirtu s-Santu”.[7]

 

31. Ma nistax f’din l-ittra ntawwal fuq l-għana ta’ kull espressjoni li jiena nħalli għall-meditazzjoni tagħkom. Jekk il-Liturġija hija “l-quċċata li lejha timxi l-ħidma tal-Knisja u fl-istess waqt l-għajn li minnha ġejja kull qawwa tagħha” (Sacrosanctum Concilium, n. 10), qed nifhmu tajjeb x’inhu importanti fil-kwistjoni liturġika. Ikun banali li naqraw it-tensjonijiet, li b’xorti ħażina jeżistu madwar iċ-ċelebrazzjoni, bħala sempliċi diverġenza bejn diversi sensibbiltajiet fil-konfront ta’ forma ritwali. Il-problematika hi qabelxejn ekkleżjoloġika. Ma narax kif wieħed jista’ jgħid li jirrikonoxxi l-validità tal-Konċilju – imqar jekk nistagħġeb ftit li Kattoliku jista’ jimmaġina li ma jagħmilx hekk – u ma jilqax ir-riforma liturġika li twieldet mis-Sacrosanctum Concilium li tesprimi r-realtà tal-Liturġija f’rabta qawwija mal-viżjoni ta’ Knisja kif imfissra b’mod hekk tal-għaġeb fil-Lumen gentium. Għalhekk – kif fissirt fl-ittra li bgħatt lill-Isqfijiet kollha – ħassejtni fid-dmir li nafferma li “l-kotba liturġiċi ppromulgati mill-Papiet qaddisa Pawlu VI u Ġwanni Pawlu II, f’konformità mad-digrieti tal-Konċilju Vatikan II, huma l-unika espressjoni tal-lex orandi tar-Rit Ruman” (Motu Proprju Traditiones custodes, art. 1).

 

Min ma jilqax ir-riforma, kif ukoll min jifhimha b’mod superfiċjali, ikun qed iwarrab mill-impenn tagħna li nsibu tweġiba għall-mistoqsija li nerġa’ ntenni: kif nistgħu nikbru fil-ħila tagħna li ngħixu l-azzjoni liturġika fil-milja tagħha? Kif nissoktaw nistagħġbu b’dak li fiċ-ċelebrazzjoni jseħħ taħt għajnejna? Għandna bżonn ta’ formazzjoni liturġika serja u vitali.

 

32. Ejjew nerġgħu lura għaċ-Ċenaklu f’Ġerusalemm: fl-għodwa ta’ Għid il-Ħamsin titwieled il-Knisja, ċellola tal-bidu tal-umanità ġdida. Hija biss dik il-komunità tal-bnedmin irrikonċiljati għax maħfura, ħajja għax Hu ħaj, veri għax jgħammar fihom l-Ispirtu tal-verità, li tista’ tiftaħ l-ispazju dejjaq tal-individwaliżmu spiritwali.

 

33. Hija l-komunità ta’ Għid il-Ħamsin li tista’ taqsam il-Ħobż fiċ-ċertezza li l-Mulej huwa ħaj, imqajjem mill-mewt, preżenti bil-kelma tiegħu, bil-ġesti tiegħu, bl-offerta tal-Ġisem u d-Demm tiegħu. Minn dak il-mument iċ-ċelebrazzjoni ssir il-post ipprivileġġjat, imqar jekk mhux l-uniku wieħed, tal-laqgħa tagħna miegħu. Aħna nafu li huwa biss b’din il-laqgħa li l-bniedem isir tassew bniedem sħiħ. Il-Knisja ta’ Għid il-Ħamsin biss tista’ tara lill-bniedem bħala persuna, miftuħ għal relazzjoni sħiħa ma’ Alla, mal-ħolqien u ma’ ħutu.

 

34. Hawn tidħol il-kwistjoni deċiżiva tal-formazzjoni liturġika. Jgħid Guardini: “Hekk hi mifruxa quddiemna wkoll l-ewwel ħidma prattika: imwieżna minn din it-trasformazzjoni interjuri ta’ żmienna, jeħtieġ nitgħallmu mill-ġdid kif nidħlu għar-relazzjoni reliġjuża bħala bnedmin f’sens sħiħ”.[8] Dan hu li l-Liturġija tagħmel possibbli, għal dan irridu niffurmaw ruħna. L-istess Guardini ma joqgħodx lura milli jafferma li mingħajr il-formazzjoni liturġika, “ir-riformi fir-rit u fit-test ma tantx jgħinu”.[9] M’għandix l-intenzjoni hawn li nittratta b’mod sħiħ it-tema għanja ħafna tal-formazzjoni liturġika: nixtieq biss noffri xi spunti ta’ riflessjoni. Naħseb li nistgħu nagħżlu bejn żewġ aspetti: il-formazzjoni għal-Liturġija u l-formazzjoni tal-Liturġija. L-ewwel waħda hi f’funzjoni tat-tieni li hi essenzjali.

 

35. Jeħtieġ insibu l-kanali għal formazzjoni bħala studju tal-Liturġija: ibda mill-moviment liturġiku, sar ħafna f’dan is-sens, bis-sehem prezzjuż ta’ bosta studjużi u istituzzjonijiet akkademiċi. Madankollu hemm bżonn inxerrdu dan l-għarfien ’il barra mill-qasam akkademiku, b’mod aċċessibbli, biex kull fidil jikber f’għarfien tas-sens teoloġiku tal-Liturġija – din hi l-kwistjoni deċiżiva u fundanti ta’ kull għarfien u kull prattika liturġika – kif ukoll tal-iżvilupp taċ-ċelebrazzjoni Nisranija, biex jikseb il-ħila li jagħraf it-testi ewkoloġiċi, id-dinamiżmi ritwali u l-valur antropoloġiku tagħhom.

 

36. Qed naħseb fin-normalità tal-ġemgħat tagħna li jinġabru biex jiċċelebraw l-Ewkaristija fil-jum tal-Mulej, Ħadd wara Ħadd, Għid wara Għid, f’mumenti partikulari tal-ħajja tal-persuni u tal-komunitajiet, fid-diversi etajiet tal-ħajja: il-ministri ordnati jiżvolġu azzjoni pastorali ta’ importanza primarja meta lill-fidili mgħammda jaqbdulhom f’idejhom biex idaħħluhom fl-esperjenza mtennija tal-Għid. Niftakru dejjem li hija l-Knisja, Ġisem ta’ Kristu, is-suġġett taċ-ċelebrazzjoni, u mhux is-saċerdot waħdu. L-għarfien li jiġi mill-istudju hu biss l-ewwel pass biex nistgħu nidħlu fil-misteru ċċelebrat. Huwa evidenti li biex jistgħu jwasslu lill-aħwa, il-ministri li jippresiedu l-ġemgħa għandhom ikunu jafu t-triq, sew għax studjawha fuq il-mappa tax-xjenza teoloġika u sew għax iffrekwentawha fil-prattika ta’ esperjenza ta’ fidi ħajja, imseddqa mit-talb, u żgur mhux bħala biċċa xogħol li jridu jwettqu. Fil-jum tal-Ordinazzjoni, kull presbiteru jisma’ lill-Isqof jgħidlu: “Ifhem sewwa dak li se tagħmel, fassal ħajtek fuq dak li se jkollok f’idejk, agħmel li ħajtek tkun tixbah il-misteru tas-salib ta’ Kristu”.[10]

 

37. Anki l-impostazzjoni tal-istudju tal-Liturġija fis-seminarji għandha tagħti kas tal-ħila straordinarja li għandha ċ-ċelebrazzjoni fiha nfisha li toffri viżjoni organika tal-għarfien teoloġiku. Kull dixxiplina tat-teoloġija, kull waħda skont il-perspettiva tagħha, għandha turi r-rabta intima li għandha mal-Liturġija, li biha tidher u titwettaq l-għaqda sħiħa fil-formazzjoni saċerdotali (ara Sacrosanctum Concilium, n. 16). Impostazzjoni liturġika-sapjenzali tal-formazzjoni teoloġika fis-seminarji żgur li tħalli wkoll effetti pożittivi fl-azzjoni pastorali.  Ma hemmx aspett tal-ħajja ekkleżjali li ma jsibx fiha l-quċċata u l-għajn tiegħu. Il-pastorali ta’ flimkien, organika, integrata, iktar ma hi r-riżultat ta’ programmi elaborati, hi l-konsegwenza ta’ min iqiegħed iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika tal-Ħadd fiċ-ċentru tal-ħajja tal-komunità, għax hi fil-bażi tal-komunjoni. L-għarfien teoloġiku tal-Liturġija ma jippermetti bl-ebda mod li nifhmu dawn il-kelmiet bħallikieku kollox kien jirriduċi ruħu għall-aspett kultwali. Ċelebrazzjoni li ma tevanġelizzax mhijiex awtentika, kif ma hix it-tħabbira li ma twassalx għal-laqgħa mal-Irxoxt fiċ-ċelebrazzjoni: it-tnejn, imbagħad, mingħajr ix-xhieda tal-karità, huma bħal ram iżarżar jew platti jċekċku (ara 1 Kor 13:1).

 

38. Għall-ministri u għall-imgħammdin kollha, il-formazzjoni liturġika f’din l-ewwel tifsira tagħha mhijiex xi ħaġa li nistgħu naħsbu li niksbu darba għal dejjem: ladarba d-don tal-misteru ċċelebrat jgħaddi kull ħila ta’ għarfien tagħna, dan l-impenn għandu żgur isieħeb il-formazzjoni permanenti ta’ kull wieħed u waħda minna, bl-umiltà taċ-ċkejknin, atteġġjament li jiftaħna għall-għoġba.

 

39. Osservazzjoni tal-aħħar fuq is-seminarji: barra l-istudju, għandhom joffru wkoll il-possibbiltà li wieħed jagħmel esperjenza ta’ ċelebrazzjoni mhux biss eżemplari mil-lat ritwali, imma awtentika, vitali, li tippermetti li wieħed jgħix dik il-vera komunjoni ma’ Alla li lejha l-għarfien teoloġiku għandu jwassal. L-azzjoni tal-Ispirtu waħidha tista’ tipperfezzjona l-għarfien tagħna tal-misteru ta’ Alla, li mhux kwistjoni ta’ għarfien mentali imma ta’ relazzjoni li tmiss il-ħajja. Din l-esperjenza hi fundamentali biex ladarba jkunu saru ministri ordnati, jistgħu jsieħbu l-komunitajiet fl-istess mixja ta’ għarfien tal-misteru ta’ Alla, li hu misteru ta’ mħabba.

 

40. Din l-aħħar kunsiderazzjoni twassalna biex nirriflettu fuq it-tieni tifsira li biha nistgħu nifhmu l-espressjoni “formazzjoni liturġika”. Qed nirreferi għall-formazzjoni tagħna, kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu, permezz tas-sehem tagħna fiċ-ċelebrazzjoni liturġika. Anki l-istess għarfien ta’ studju li għadni kemm semmejt, biex ma jsirx razzjonaliżmu, għandu jservi biex titwettaq din l-azzjoni ta’ formazzjoni tal-Liturġija f’kull min jemmen fi Kristu.

 

41. Minn dak li għidna fuq in-natura tal-Liturġija jirriżulta ċar li l-għarfien tal-misteru ta’ Kristu, kwistjoni deċiżiva għall-ħajja tagħna, mhux xi assimilazzjoni mentali ta’ idea, imma involviment eżistenzjali reali mal-persuna tiegħu. F’dan is-sens il-Liturġija ma tmissx l-“għarfien” u l-iskop tagħha mhuwiex primarjament pedagoġiku (imqar jekk għandha valur kbir pedagoġiku: ara Sacrosanctum Concilium, n. 33) imma hu t-tifħir, ir-radd il-ħajr għall-Għid tal-Iben li bil-qawwa tas-salvazzjoni tiegħu jilħaq il-ħajja tagħna. Iċ-ċelebrazzjoni tmiss ir-realtà ta’ kif inkunu doċli għall-azzjoni tal-Ispirtu li jaħdem fiha, sa ma Kristu jissawwar fina (ara Gal 4:19). Il-milja tal-formazzjoni tagħna hija t-twaħħid sħiħ ma’ Kristu. Intenni: dan mhuwiex proċess mentali, astratt, imma jfisser li ninbidlu fih. Dan hu l-għan li għalih ingħatalna l-Ispirtu li l-azzjoni tiegħu hi dejjem u biss dik li jsawwar il-Ġisem ta’ Kristu. Hekk jiġri bil-ħobż Ewkaristiku, hekk hu għal kull imgħammed imsejjaħ biex isir dejjem iżjed dak li rċieva b’don fil-Magħmudija, jiġifieri li jkun membru tal-Ġisem ta’ Kristu. Jikteb San Ljun il-Kbir: “Is-sehem tagħna fil-Ġisem u fid-Demm ta’ Kristu ma għandux għan ieħor għajr li jibdilna f’dak li nieklu”.[11]

 

42. Dan l-involviment eżistenzjali jseħħ – f’kontinwità u koerenza mal-metodu tal-inkarnazzjoni – b’mod sagramentali. Il-Liturġija hi magħmula minn ħwejjeġ li huma eżattament bil-maqlub ta’ astrazzjonijiet spiritwali: ħobż, inbid, żejt, ilma, fwieħa, nar, irmied, ġebel, drapp, ilwien, ġisem, kelmiet, ħsejjes, silenzji, ġesti, spazju, moviment, azzjoni, ordni, żmien, dawl. Il-ħolqien kollu hu manifestazzjoni tal-imħabba ta’ Alla: minn meta l-istess imħabba dehret fil-milja tagħha fis-salib ta’ Ġesù, il-ħolqien kollu nġibed minnha. Huwa l-ħolqien kollu li hu magħżul biex jitqiegħed għas-servizz tal-laqgħa mal-Verb inkarnat, mislub, maqtul, irxuxtat, u li jitla’ għand il-Missier. Hekk kif tgħanni t-talba fuq l-ilma għall-Fonti tal-Magħmudija, imma anki dik fuq iż-żejt għall-Griżma mqaddsa u l-kelmiet tal-preżentazzjoni tal-ħobż u l-inbid, frott tal-art u xogħol idejn il-bniedem.

 

43. Il-Liturġija tagħti glorja lil Alla mhux għax aħna nistgħu nżidu xi ħaġa mal-ġmiel tad-dawl inaċċessibbli li fih huwa jgħammar (ara 1 Tim 6:16) jew mal-perfezzjoni tal-kant tal-anġli li jidwi għal dejjem fl-għamajjar tas-Sema. Il-Liturġija tagħti glorja lil Alla għax tippermettilna, hawn, fuq l-art, naraw lil Alla fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri u, meta narawh, nieħdu l-ħajja mill-Għid tiegħu: aħna li, mejtin kif konna mħabba ħtijietna, bi grazzja, erġajna ksibna l-ħajja fi Kristu (ara Efes 2:5), aħna l-glorja ta’ Alla. Irinew, doctor unitatis, ifakkarhulna dan: “Il-glorja ta’ Alla hija l-bniedem ħaj, u l-ħajja tal-bniedem qiegħda fid-dehra ta’ Alla: jekk diġà r-rivelazzjoni ta’ Alla permezz tal-ħolqien tagħti l-ħajja lil dawk kollha li jgħixu fuq l-art, kemm iżjed il-manifestazzjoni tal-Missier fil-Verb hi kawża ta’ ħajja għal dawk li jaraw lil Alla!”.[12]

 

44. Jikteb Guardini: “Hawn għandna mfassal l-ewwel dmir tal-ħidma tal-formazzjoni liturġika: il-bniedem għandu jsir mill-ġdid kapaċi jaqra s-simboli”.[13] Dan l-impenn imiss lil kulħadd, ministri ordnati u fidili. Il-ħidma mhijiex faċli għax il-bniedem modern sar analfabeta, ma għadux jaf jaqra s-simboli, kważi kważi bilkemm iħoss li jeżistu. Dan qed jiġri wkoll bis-simbolu tal-ġisem tagħna. Huwa simbolu għax hu għaqda intima ta’ ruħ u ġisem, viżibbiltà tar-ruħ spiritwali fl-ordni tal-korporju, u f’dan qiegħda l-uniċità umana, l-ispeċifiċità tal-persuna irriduċibbli għal kull xorta oħra ta’ essri li jgħix. Il-ftuħ tagħna għat-traxxendent, għal Alla, hu kostituttiv: jekk ma nagħrfux dan, inevitabbilment naslu biex la nagħrfu lil Alla u lanqas lilna nfusna. Biżżejjed naraw il-mod paradossali li bih qed jiġi ttrattat il-ġisem, issa kkurat b’mod kważi ossessiv skont il-mit ta’ żgħożija eterna, u mbagħad ridott għal materjalità mċaħħda minn kull dinjità. Il-fatt hu li ma nistgħux nagħtu valur lill-ġisem billi nibdew biss mill-ġisem. Kull simbolu hu fl-istess waqt qawwi u dgħajjef: jekk ma jiġix irrispettat, jekk ma jiġix trattat għal dak li hu, jisfa mkisser, jitlef qawwietu, isir insinifikanti.

 

Ma għadx għandna l-ħarsa ta’ San Franġisk li xħin kien iħares lejn ix-xemx – li hu kien isejħilha oħtu għax hekk kien iħossha – kien jilmaħha bellu e radiante cum grande splendore, u, kollu stagħġib, kien jgħanni: de te Altissimu, porta significatione.[14] Il-fatt li tlifna l-ħila li nifhmu l-valur simboliku tal-ġisem u ta’ kull ħlejqa jagħmel il-lingwaġġ simboliku tal-Liturġija kważi inaċċessibbli għall-bniedem tal-lum. Madankollu, li hu meħtieġ mhux li nwarrbu dan il-lingwaġġ: mhux possibbli nwarrbuh għax huwa dak li t-Trinità Qaddisa għażlet biex tilħaqna fil-ġisem tal-Verb. Pjuttost, jeħtieġ nirkupraw il-ħila li nużaw u li nifhmu s-simboli tal-Liturġija. Ma rridux naqtgħu qalbna, għax fil-bniedem din id-dimensjoni, kif għadni kemm għidt, hi kostituttiva u, minkejja l-ħsara tal-materjaliżmu u tal-ispiritwaliżmu – li t-tnejn jiċħdu l-għaqda tal-ġisem u r-ruħ – hija lesta li terġa’ toħroġ, bħal kull verità.

 

45. Il-mistoqsija li nagħmlu, allura, hi: kif se nerġgħu lura biex inkunu kapaċi naqraw is-simboli? Kif nerġgħu lura biex insiru nafu naqrawhom ħalli nistgħu ngħixuhom? Nafu tajjeb li ċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti hi – għall-grazzja ta’ Alla – effikaċi fiha nfisha (ex opere operato), imma dan, mingħajr mod xieraq ta’ kif nersqu lejn il-lingwaġġ taċ-ċelebrazzjoni, ma jiggarantix involviment sħiħ tal-persuni. Il-qari tas-simboli mhuwiex fatt ta’ għerf mentali, ta’ għarfien ta’ kunċetti, imma hu esperjenza tal-ħajja.

 

46. Qabelxejn irridu nerġgħu niksbu fiduċja mill-ġdid fil-ħolqien. B’dan irrid ngħid li l-affarijiet – li minnhom “huma magħmula” s-sagramenti – ġejjin minn Alla, lejh huma orjentati u minnu ġew magħżula, b’mod partikulari bl-Inkarnazzjoni, biex isiru strumenti ta’ salvazzjoni, li minnhom jgħaddi l-Ispirtu, kanali ta’ grazzja. Hawn nistgħu nħossu d-distanza kollha kemm mill-viżjoni materjalista u kemm minn dik spiritwalista. Jekk il-ħwejjeġ maħluqa huma parti fundamentali mill-aġir sagramentali li jwettaq is-salvazzjoni tagħna, irridu niddisponu ruħna għalihom b’ħarsa ġdida u mhux superfiċjali, ħarsa ta’ rispett u gratitudni. Sa mill-bidu huma kellhom fihom iż-żerriegħa tal-grazzja santifikanti tas-sagramenti.

 

47. Kwistjoni oħra deċiżiva – dejjem qed nirriflettu fuq kif il-Liturġija tiffurmana – hi l-edukazzjoni meħtieġa biex nistgħu niksbu l-atteġġjament interjuri li bih nistgħu nużaw u nifhmu s-simboli liturġiċi. Se nesprimiha b’mod sempliċi. Qed inġib quddiem għajnejja l-ġenituri u, iżjed minn hekk, in-nanniet, imma anki l-kappillani u l-katekisti tagħna. Ħafna minna tgħallmu l-qawwa tal-ġesti liturġiċi – bħal ngħidu aħna s-sinjal tas-salib, li ninżlu għarkupptejna, il-formuli tal-fidi tagħna – proprju mingħandhom. Forsi ma għadx għandna t-tifkira ħajja tagħhom quddiemna, imma faċilment nistgħu nimmaġinaw il-ġest ta’ id ikbar li taqbad l-id iż-żgħira ta’ tfajjel u bil-mod il-mod takkumpanjah biex jitgħallem irrodd għall-ewwel darba s-sinjal tas-salvazzjoni tagħna. Maċ-ċaqliq hemm il-kelmiet, dawn ukoll imlissna bil-mod, bħal donnhom iridu jieħdu pussess ta’ kull waqt ta’ dak il-ġest, tal-ġisem kollu: “Fl-isem tal-Missier… u tal-Iben… u tal-Ispirtu s-Santu… Amen”. Biex imbagħad jitilqu l-id tat-tfajjel u jarawh jirrepeti waħdu, lesti biex jgħinuh, dak il-ġest li issa ġie mgħoddi, bħal libsa li ħa tikber miegħu, biex tlibbsu b’dik il-manjiera li l-Ispirtu biss jafha. Minn dak il-mument ’il quddiem, dak il-ġest, il-qawwa simbolika tiegħu, isir tagħna jew, aħjar ngħidu, aħna nappartienu għal dak il-ġest, isawwarna, niġu msawra minnu. Ma hemmx bżonn ta’ wisq diskors, mhux meħtieġ li nkunu fhimna kollox minn dak il-ġest: hemm bżonn inkunu ċkejken kemm meta ngħadduh u kemm meta nirċevuh. Il-bqija hu opra tal-Ispirtu. B’dan il-mod aħna ġejna inizjati għal-lingwaġġ simboliku. Ma nistgħux inħallu min jisirqilna dan l-għana. Aħna u nikbru jista’ jkollna iktar mezzi biex nistgħu nifhmu, imma dejjem bil-kundizzjoni li nibqgħu ċkejknin.

 

Ars celebrandi

48. Mod kif inħarsu u nikbru fl-għarfien vitali tas-simboli tal-Liturġija hu bla dubju dak li nikkuraw l-arti ta’ kif niċċelebraw. Anki din l-espressjoni hi oġġett ta’ diversi interpretazzjonijiet. Tiċċara jekk nifhmuha billi nżommu bħala punt ta’ riferiment quddiemna s-sens teoloġiku tal-Liturġija kif imfisser fin-nru 7 tas-Sacrosanctum Concilium u li fakkarna kemm-il darba. L-ars celebrandi ma tistax tiġi ridotta għas-sempliċi osservanza ta’ apparat rubrikali u lanqas tista’ tiġi maħsuba bħala kreattività immaġinattiva – u xi drabi indixxiplinata – mingħajr regoli. Ir-rit hu minnu nnifsu norma u n-norma qatt ma hi fini fiha nfisha, imma hi dejjem għas-servizz tar-realtà ogħla li hi jeħtieġ tħares.

 

49. Bħal kull arti, titlob iktar minn għarfien wieħed.

 

Qabelxejn l-għarfien tad-dinamiżmu li jiddeskrivi l-Liturġija. Il-mument tal-azzjoni ċelebrattiva huwa l-post li fih permezz tal-memorjal isir preżenti l-Misteru tal-Għid biex l-imgħammdin, bis-sehem tagħhom, jistgħu jagħmlu esperjenza tiegħu f’ħajjithom: mingħajr dan l-għarfien faċilment naqgħu fl-esterjoriżmu (ftit jew wisq raffinat) u fir-rubriċiżmu (ftit jew wisq riġidu).

 

Imbagħad, hemm bżonn li nkunu nafu kif l-Ispirtu s-Santu jaġixxi f’kull ċelebrazzjoni: l-arti li niċċelebraw għandha tkun f’sintonija mal-azzjoni tal-Ispirtu. Hekk biss tkun ħielsa minn suġġettiviżmi, li huma l-frott ta’ meta jirbħu s-sensibbiltajiet individwali, jew il-kulturaliżmi, li huma l-frott ta’ min jagħmel użu minn elementi kulturali bla dixxerniment ta’ xejn, ħaġa li ma għandha xejn x’taqsam ma’ proċess korrett ta’ inkulturazzjoni.

 

Fl-aħħar nett, hemm bżonn li nkunu nafu x’inhuma d-dinamiċi tal-lingwaġġ simboliku, il-partikularitajiet tiegħu, l-effikaċja tiegħu.

 

50. Minn dan il-ħjiel żgħir jirriżulta evidenti li l-arti taċ-ċelebrazzjoni ma tistax tkun ħaġa improvizzata. Bħal kull arti titlob applikazzjoni assidwa. Għal bniedem tas-sengħa hi biżżejjed it-teknika; artista, barra l-għarfien tekniku, ma jistax ma jkollux l-ispirazzjoni li hija għamla pożittiva ta’ possessjoni: l-artista, dak veru, ma jippossedi ebda arti jekk ma hux l-ewwel ippossedut. Ma tistax titgħallem l-arti li tiċċelebra għax tkun iffrekwentajt kors ta’ public speaking jew ta’ tekniki ta’ komunikazzjoni persważiva (m’iniex niġġudika l-intenzjonijiet, qed nara l-effetti). Kull strument jista’ jkun ta’ siwi, imma għandu dejjem ikun sottomess għan-natura tal-Liturġija u għall-azzjoni tal-Ispirtu. Hi meħtieġa dedikazzjoni diliġenti għaċ-ċelebrazzjoni billi nħallu li tkun l-istess ċelebrazzjoni li tgħaddilna l-arti tagħha. Jikteb Guardini: “Irridu nintebħu kemm għadna profondament b’għeruqna fl-individwaliżmu u fis-suġġettiviżmu, kemm għadna m’aħniex imdorrijin għas-sejħa tal-kobor u ta’ kemm hu żgħir id-daqs tal-ħajja reliġjuża tagħna. Hemm bżonn jerġa’ jieħu l-ħajja s-sens tal-istil għoli tat-talb, ir-rieda li ndaħħlu anki fih l-eżistenza tagħna. Imma t-triq lejn dawn id-destinazzjonijiet hi d-dixxiplina, iċ-ċaħda ta’ sentimentalità ratba; ħidma serja, magħmula f’ubbidjenza lejn il-Knisja, f’rabta ma’ dak li aħna u mal-imġiba reliġjuża tagħna”.[15] Hekk nitgħallmuha l-arti ta’ kif niċċelebraw.

 

51. Meta nitkellmu fuq dan is-suġġett jiġina li naħsbu li dan jolqot biss il-ministri ordnati li jiżvolġu s-servizz tal-presidenza. Fir-realtà, huwa atteġġjament li l-imgħammdin kollha huma msejħin jgħixu. Qed naħseb fil-ġesti u l-kliem kollha li huma tal-ġemgħa: li jinġabru flimkien, li jimxu f’purċissjoni, li joqogħdu bilqiegħda, bilwieqfa, għarkupptejhom, li jkantaw, li joqogħdu fis-skiet, li jakklamaw, li jaraw, li jisimgħu. Huma ħafna modi li bihom il-miġemgħa, bħal bniedem wieħed (Neħ 8:1), tipparteċipa fiċ-ċelebrazzjoni. Nagħmlu lkoll flimkien l-istess ġest, nitkellmu lkoll flimkien b’leħen wieħed, ngħaddu lill-waħdiet il-qawwa tal-ġemgħa sħiħa. Din hi uniformità li mhux biss ma tissagrifikax imma, bil-maqlub, teduka lil kull fidil biex jiskopri l-uniċità awtentika tal-personalità tiegħu jew tagħha mhux f’atteġġjamenti individwalistiċi imma fl-għarfien li aħna ġisem wieħed. Hawn m’aħniex nitkellmu fuq li wieħed isegwi xi etikett liturġiku: din hi pjuttost “dixxiplina” – fis-sens użat minn Guardini – li, jekk osservata b’awtentiċità, tiffurmana: huma ġesti u kelmiet li jqiegħdu ordni fid-dinja interjuri tagħna u jgħinuna ngħixu sentimenti, atteġġjamenti, imġibiet. Mhumiex l-ispjegazzjoni ta’ ideal li nfittxu biex inebbaħna, imma huma azzjoni li tinvolvi l-ġisem fis-sħuħija kollha tiegħu, jiġifieri bħala għaqda waħda tar-ruħ u tal-ġisem.

 

52. Fost il-ġesti ritwali li jappartienu lill-ġemgħa kollha għandu post ta’ importanza assoluta s-skiet. Iżjed minn darba fir-rubriki nsibuh espressament preskritt: iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika kollha hi mgħaddsa fis-skiet li jiġi qabel il-bidu tagħha u jimmarka kull parti tal-iżvolġiment ritwali tagħha. Fil-fatt, hu preżenti fl-Att Penitenzjali; wara l-istedina għat-Talba; fil-Liturġija tal-Kelma (qabel il-qari, bejn il-qari u wara l-omelija); fit-Talba Ewkaristika; wara t-tqarbin.[16] Dan mhux xi kenn li fih ninħbew għal iżolament intimistiku, fejn kważi r-ritwalità ngħixuha bħallikieku kienet xi distrazzjoni: dak is-skiet kien ikun f’kontradizzjoni mal-essenza nfisha taċ-ċelebrazzjoni. Is-skiet liturġiku hu ħafna iżjed minn hekk: huwa s-simbolu tal-preżenza u tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja lill-azzjoni ċelebrattiva kollha, u għaldaqstant spiss huwa l-quċċata ta’ sekwenza ritwali. Proprju għax hu simbolu tal-Ispirtu, għandu l-qawwa li jesprimi l-azzjoni tiegħu ta’ bosta xejriet. Hekk, jekk nerġgħu lura għall-mumenti li fakkart hawn fuq, is-skiet iwassal għas-sogħba u għax-xewqa ta’ konverżjoni; iqanqal għas-smigħ tal-Kelma u t-talb; jiddisponi għall-qima tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu; jissuġġerixxi lil kull persuna, fl-intimità tat-tqarbin, dak li l-Ispirtu jrid jagħmel fil-ħajja tagħna biex iwaħħadna mal-Ħobż maqsum. Għalhekk aħna msejħin inwettqu b’kura liema bħalha l-ġest simboliku tas-skiet: fih l-Ispirtu jsawwarna.

 

53. Kull ġest u kull kelma fihom azzjoni preċiża li hi dejjem ġdida għax tiltaqa’ ma’ mument dejjem ġdid fil-ħajja tagħna. Ħa nfisser ruħi b’eżempju sempliċi. Ninżlu għarkupptejna biex nitolbu maħfra; biex inbaxxu s-suppervja tagħna; biex noffru lil Alla d-dmugħ tagħna; biex nitolbuh jidħol għalina; biex irroddulu ħajr għal xi don li rċivejna: dejjem hu l-istess ġest li essenzjalment juri li aħna nħossuna ċkejkna quddiem Alla. Madankollu, imwettaq f’mumenti differenti tal-ħajja tagħna, jagħġen l-interjorità profonda tagħna biex imbagħad jidher fuq barra tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla u ma’ ħutna. Anki meta ninżlu għarkupptejna għandna nagħmlu dan b’arti, jiġifieri b’għarfien sħiħ tas-sens simboliku tiegħu u tal-ħtieġa li aħna għandna li nesprimu b’dan il-ġest il-mod tagħna ta’ kif noqogħdu fil-preżenza tal-Mulej. Jekk dan kollu huwa minnu għal dan il-ġest sempliċi, kemm ikun iżjed għaċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma? X’arti aħna msejħin nitgħallmu biex inxandru l-Kelma, nisimgħuha, nitnebbħu minnha fit-talb tagħna, nagħmluha ħajjitna? Dan kollu jixraqlu l-akbar attenzjoni, mhux formali, esterjuri, imma vitali, interjuri, biex kull ġest u kull kelma taċ-ċelebrezzjoni espressi b’“arti” jsawru l-personalità Nisranija ta’ kull persuna u tal-komunità kollha.

 

54. Jekk hu minnu li l-ars celebrandi tmiss lill-ġemgħa kollha li tiċċelebra, daqstant ieħor hu minnu li l-ministri ordnati għandu jkollhom kura partikulari għaliha. Jiena u nżur il-komunitajiet Insara spiss innutajt li l-mod tagħhom ta’ kif jgħixu ċ-ċelebrazzjoni hu kkundizzjonat – fit-tajjeb u, b’xorti ħażina, anki fil-ħażin – minn kif il-kappillan tagħhom jippresiedi l-ġemgħa. Nistgħu ngħidu li hemm diversi “mudelli” ta’ presidenza. Dan hi lista possibbli ta’ atteġġjamenti li, imqar jekk huma opposti għal xulxin, jikkaratterizzaw il-presidenza b’mod ċertament mhux xieraq: riġidità awstera jew kreattività iktar milli suppost; mistiċiżmu spiritwalizzanti jew funzjonaliżmu prattiku; ħeffa mgħaġġla jew kalma esaġerata; traskuraġni mitluqa jew metikolożità eċċessiva; affabbiltà żejda jew impassibbiltà saċerdotali. Imqar fil-firxa wiesgħa ta’ dawn iż-żewġ estremi, naħseb li l-fatt li ebda wieħed minn dawn il-mudelli ma jixirqu għandu għerq wieħed: personaliżmu esaġerat tal-istil ċelebrattiv li, xi drabi, jesprimi manija ta’ protagoniżmu moħbija ħażin. Spiss dan jidher iżjed meta ċ-ċelebrazzjonijiet tagħna jiġu trasmessi f’xandiriet diretti, ħaġa li mhix dejjem opportuna u li dwarha jeħtieġ nirriflettu. Ħa niftiehmu, mhumiex dawk l-atteġġjamenti l-iktar imxerrda, imma mhux darba u tnejn il-ġemgħat ikollhom iġarrbu dawn il-“maltrattamenti”.

 

55. Nistgħu ngħidu ħafna fuq l-importanza u fuq id-delikatezza ta’ kif wieħed jippresiedi. F’iktar minn okkażjoni waħda tkellimt fit-tul fuq il-ħidma impenjattiva li titlob l-omelija.[17] Nillimita ruħi hawn għal xi kunsiderazzjonijiet iżjed wiesgħa, dejjem biex nirrifletti magħkom fuq kif niġu ffurmati mil-Liturġija. Qed naħseb fin-normalità tal-quddies tal-Ħadd fil-komunitajiet tagħna: nirriferi, allura, għall-presbiteri, imma impliċitament għall-ministri ordnati kollha.

 

56. Il-presbiteru jgħix il-parteċipazzjoni tipika tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni grazzi għad-don li rċieva fis-sagrament tal-Ordni: din it-tipiċità tesprimi ruħha proprju fil-presidenza. Bħall-uffiċċji kollha li hu msejjaħ iwettaq, din mhix primarjament xi biċċa xogħol assenjata mill-komunità, imma pjuttost il-konsegwenza tat-tiswib tal-Ispirtu s-Santu li hu rċieva fl-Ordinazzjoni li jagħtih il-ħila għal din il-ħidma. Anki l-presbiteru jiġi ffurmat mill-mod kif hu jippresiedi l-ġemgħa li tiċċelebra.

 

57. Biex dan is-servizz isir tajjeb – b’arti, appuntu – hu ta’ importanza fundamentali li l-presbiteru jkollu qabelxejn għarfien ħaj li hu, bi ħniena, preżenza partikulari tal-Irxoxt. Il-ministru ordnat huwa hu nnifsu waħda mill-modi tal-preżenza tal-Mulej li jagħmlu l-ġemgħa Nisranija unika, differenti minn kull oħra (ara Sacrosanctum Concilium, n. 7). Dan il-fatt jagħti sustanza “sagramentali” – f’sens wiesa’ – lill-ġesti u l-kelmiet kollha ta’ min jippresiedi. Il-ġemgħa għandha dritt li tħoss f’dawn il-ġesti u f’dawk il-kelmiet ix-xewqa li l-Mulej għandu, illum bħal fl-Aħħar Ċena, li jissokta jagħmel l-Ikla tal-Għid magħna. L-Irxoxt hu għalhekk il-protagonista, u żgur li mhumiex l-immaturitajiet tagħna li, meta jassumu rwol u atteġġjament partikulari, ifittxu preżentabbiltà li ma jistax ikollhom. Il-presbiteru nnifsu jiġi mirbuħ minn din ix-xewqa ta’ komunjoni li l-Mulej għandu għal kull wieħed u waħda minna: qisu jinsab fin-nofs bejn il-qalb imkebbsa bl-imħabba ta’ Ġesù u l-qalb ta’ kull fidil, l-oġġett ta’ mħabbtu. Meta jippresiedi l-Ewkaristija jkun qed jinxteħet fil-forġa tal-imħabba ta’ Alla. Meta jingħatalna li nifhmu, jew imqar li jkollna biss ħjiel, ta’ din ir-realtà, bla dubju ma jkollniex bżonn ta’ direttorju li jimponilna mġiba tajba. Jekk għandna bżonn ta’ dan, hu minħabba l-ebusija ta’ qalbna. L-ogħla norma, għalhekk, u l-iżjed impenjattiva, hi l-istess realtà taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika li tagħżel kliem, ġesti, sentimenti, u tgħinna nifhmu jekk humiex jew le xierqa għall-ħidma li suppost jiżvolġu. Huwa ċar li lanqas dan ma nistgħu nimprovizzawh: hija arti, titlob mill-presbiteru l-applikazzjoni, jiġifieri frekwentazzjoni assidwa tan-nar tal-imħabba li l-Mulej ġie biex iqabbad fuq l-art (ara Lq 12:49).

 

58. Meta l-ewwel komunità taqsam il-ħobż f’ubbidjenza għall-kmand tal-Mulej, dan tagħmlu taħt il-ħarsa ta’ Marija li ssieħeb l-ewwel passi tal-Knisja: “U lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù, u ma’ ħutu” (Atti 1:14). L-Omm Verġni “tħares” il-ġesti ta’ Binha fdati f’idejn l-Appostli. Kif ħarset f’ġufha, wara li laqgħet il-kelmiet tal-anġlu Gabrijel, il-Verb magħmul bniedem, il-Verġni tibqa’ tħares fil-ġuf tal-Knisja dawk il-ġesti li jsawru l-ġisem ta’ Binha. Il-presbiteru, li bil-qawwa tad-don li rċieva fis-sagrament tal-Ordni jtenni dawk il-ġesti, hu mħares fil-ġuf tal-Verġni. Hemm bżonn ta’ norma biex tgħidilna kif għandna nġibu ruħna?

 

59. Issa li saru strumenti li jkebbsu n-nar ta’ mħabbtu fuq l-art, imħarsa fil-ġuf ta’ Marija, Verġni li saret Knisja (kif kien jgħanni San Franġisk), il-presbiteri jħallu l-Ispirtu jaħdem fihom u jġib għall-milja tagħha l-opra li beda fl-Ordinazzjoni tagħhom. L-azzjoni tal-Ispirtu toffrilhom il-possibbiltà li jeżerċitaw il-presidenza tal-ġemgħa Ewkaristika bil-biża’ ta’ Pietru, li kien jaf li hu midneb (ara Lq 5:1-11), bl-umiltà qawwija tal-qaddej sofferenti (ara Iż 42ss), bix-xewqa li “jittieklu” mill-poplu fdat lilhom fit-taħriġ ta’ kuljum tal-ministeru tagħhom.

 

60. Hija ċ-ċelebrazzjoni nfisha li teduka għal din il-kwalità ta’ presidenza; mhijiex, intennu, twaħħid mentali, imqar jekk il-ħsieb kollu tagħna, kif ukoll is-sensibbiltà tagħna, isiru parti waħda fiha. Il-presbiteru, għalhekk, hu ffurmat għall-presidenza mill-kelmiet u mill-ġesti li l-Liturġija tqegħidlu fuq xofftejh u f’idejh.

 

Ma jpoġġix bilqiegħda fuq tron[18] għax il-Mulej isaltan bl-umiltà ta’ min jaqdi.

 

Ma jisraqx miċ-ċentralità tal-altar, sinjal ta’ Kristu li minn ġenbu minfud igelglu l-ilma u d-demm, għejun tas-sagramenti tal-Knisja, u ċentru tat-tifħir u tar-radd il-ħajr komuni tagħna.[19]

 

Huwa u jersaq lejn l-altar għall-offerta, il-presbiteru jiġi edukat għall-umiltà u għall-indiema mill-kelmiet: “Ilqagħna, Mulej Alla tagħna, umli u niedma quddiemek, u agħmel li jkun jogħġbok dan is-sagrifiċċju li sejrin noffrulek”.[20]

 

Ma jistax iserraħ fuqu nnifsu għall-ministeru fdat lilu, għax il-Liturġija tistiednu jitlob li jiġi msoffi, fis-sinjal tal-ilma: “Naddafni, Mulej, minn ħżuniti, u d-dnub tiegħi neħħili”.[21]

 

Il-kelmiet li l-Liturġija tqiegħed fuq xofftejh għandhom kontenuti differenti li jitolbu tonalitajiet speċifiċi: għall-importanza ta’ dawn il-kelmiet mill-presbiteru hi mitluba vera ars dicendi. Huma jagħtu forma lis-sentimenti interjuri tiegħu, issa fis-supplika lill-Missier f’isem il-ġemgħa, issa fl-eżortazzjoni lill-ġemgħa nfisha, issa fl-akklamazzjoni leħen wieħed mal-ġemgħa kollha.

 

Bit-Talba Ewkaristika – li fiha anki l-imgħammdin kollha jieħdu sehem billi jisimgħu b’qima u fis-skiet u jintervienu bl-akklamazzjonijiet[22] min jippresiedi għandu l-qawwa, f’isem il-poplu qaddis kollu, li jfakkar lill-Missier fl-offerta li għamillu Ibnu fl-Aħħar Ċena, biex dak id-don tal-għaġeb isir mill-ġdid preżenti fuq l-altar. F’din l-offerta hu jieħu sehem bl-offerta tiegħu nnifsu. Il-presbiteru ma jistax jirrakkonta lill-Missier l-Aħħar Ċena mingħajr ma jkollu sehem fiha hu. Ma jistax jgħid: “Ħudu, u kulu lkoll minn dan: dan huwa Ġismi li jingħata għalikom”, u ma jgħixx l-istess xewqa li joffri ġismu stess, ħajtu stess għall-poplu fdat f’idejh. Dan hu li jseħħ fit-taħriġ tal-ministeru tiegħu.

 

Minn dan kollu, u ħafna aktar, il-presbiteru jiġi kontinwament iffurmat fl-azzjoni ċelebrattiva.

 

* * *

 

61. Xtaqt sempliċiment noffri xi riflessjonijiet li ċertament ma jeżawrixxux it-teżor bla tarf taċ-ċelebrazzjoni tal-misteri mqaddsa. Nitlob lill-isqfijiet, il-presbiteri u d-djakni kollha, il-formaturi tas-seminarji, l-għalliema tal-fakultajiet teoloġiċi u tal-iskejjel tat-teoloġija, lill-katekisti kollha, biex jgħinu lill-poplu qaddis ta’ Alla jixrob minn dik li sa minn dejjem hi l-ewwel għajn tal-ispiritwalità Nisranija. Aħna msejħin kontinwament biex niskopru mill-ġdid il-ġmiel tal-prinċipji ġenerali esposti fl-ewwel numri tas-Sacrosanctum Concilium biex nifhmu r-rabta qawwija bejn l-ewwel waħda fost il-Kostituzzjonijiet konċiljari u l-oħrajn kollha. Għal dan il-għan ma nistgħux nerġgħu lura għal dik il-forma ritwali li l-Padri Konċiljari, cum Petro u sub Petro, ħassew il-bżonn li jirriformaw, meta approvaw, taħt il-gwida tal-Ispirtu u skont il-kuxjenza tagħhom ta’ ragħajja, il-prinċipji li minnhom nibtet ir-riforma. Il-Papiet qaddisa Pawlu VI u Ġwanni Pawlu II, meta approvaw il-kotba liturġiċi riformati ex decreto Sacrosancti Œcumenici Concilii Vaticani II, iggarantew il-fedeltà għar-riforma tal-Konċilju. Għal din ir-raġuni jiena ktibt it-Traditionis custodes, biex il-Knisja tista’ tressaq, fil-varjetà tal-ilsna, talba waħda u l-istess li tesprimi l-għaqda tagħha.[23] Din l-għaqda, kif diġà ktibt, irrid li tkun stabbilita mill-ġdid fil-Knisja kollha tar-Rit Ruman.

 

62. Nixtieq li din l-ittra tgħinna nġeddu fina s-sens ta’ stagħġib għall-ġmiel tal-verità taċ-ċelebrazzjoni Nisranija, niftakru fil-ħtieġa ta’ formazzjoni liturġika awtentika u nagħrfu l-importanza ta’ arti taċ-ċelebrazzjoni li tkun għall-qadi tal-verità tal-Misteru tal-Għid u tal-parteċipazzjoni tal-imgħammdin kollha, kull wieħed bl-ispeċifiċità tal-vokazzjoni tiegħu jew tagħha.

 

Dan l-għana kollu mhuwiex imbiegħed minna: jinsab fil-knejjes tagħna, fil-festi Nsara tagħna, fiċ-ċentralità tal-Ħadd, fil-qawwa tas-sagramenti li niċċelebraw. Il-ħajja Nisranija hi mixja kontinwa ta’ maturazzjoni: aħna msejħin niffurmaw ruħna bil-ferħ u fil-komunjoni.

 

63. Għalhekk nixtieq inħallilkom indikazzjoni oħra biex nistgħu nibqgħu mexjin fit-triq tagħna. Nistedinkom terġgħu tiskopru s-sens tas-sena liturġika u ta’ jum il-Mulej: anki din hi xi ħaġa li ħallielna l-Konċilju (ara Sacrosanctum Concilium, nn. 102-111).

 

64. Fid-dawl ta’ dak li fakkarna hawn fuq, nifhmu li s-sena liturġika hi għalina l-possibbiltà li nikbru fl-għarfien tal-misteru ta’ Kristu, billi ngħaddsu ħajjitna fil-Misteru tal-Għid tiegħu, fl-istennija li jerġa’ jiġi lura. Din hi formazzjoni kontinwa vera. Il-ħajja tagħna mhix ġrajjiet li jseħħu wara xulxin każwalment u b’mod kaotiku, imma mixja li, minn Għid għal Għid, twaħħadna miegħu aħna u nistennew u nittamaw l-hena u l-miġja tas-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.[24]

 

65. Mal-medda taż-żmien magħmul ġdid mill-Għid, kull tmint ijiem il-Knisja tiċċelebra nhar ta’ Ħadd il-ġrajja tas-salvazzjoni. Il-Ħadd, qabel ma hu preċett, huwa don li Alla jagħmel lill-poplu tiegħu (għal din ir-raġuni l-Knisja tħarsu bi preċett). Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd toffri lill-komunità Nisranija l-possibbiltà li tiġi ffurmata mill-Ewkaristija. Minn Ħadd għal Ħadd, il-Kelma tal-Irxoxt iddawwal il-ħajja tagħna u trid taħdem fina dak li għalih ġiet mibgħuta (ara Iż 55:10-11). Minn Ħadd għal Ħadd, it-tqarbin bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu jrid jagħmel ukoll mill-ħajja tagħna sagrifiċċju mogħġub mill-Missier, fix-xirka tal-aħwa li ssir qsim, akkoljenza, qadi. Minn Ħadd għal Ħadd, il-qawwa tal-Ħobż maqsum tweżinna fit-tħabbira tal-Vanġelu fejn tidher l-awtentiċità taċ-ċelebrazzjoni tagħna.

 

Ejjew inwarrbu l-polemiki biex nagħtu widen flimkien għal dak li l-Ispirtu qed jgħid lill-Knisja, inħarsu l-komunjoni, nissoktaw nistagħġbu bil-ġmiel tal-Liturġija. Ingħatatilna l-Ikla tal-Għid, ejjew inħallu tħarisna dik ix-xewqa li l-Mulej jibqa’ jkollu li jagħmilha magħna. Taħt il-ħarsa ta’ Marija, Omm il-Knisja.

 

Mogħtija Ruma, f’San Ġwann Lateran, id-29 ta’ Ġunju, Solennità tal-Qaddisin Appostli Pietru u Pawlu, tas-sena 2022, l-għaxar tal-pontifikat tiegħi.

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

______________________________________________

 

Ħa jirtogħdu bil-biża’ kollha kemm huma l-bnedmin

u ħa tirtogħod id-dinja kollha

u ħa jifirħu s-smewwiet kollha

meta Kristu, l-Iben ta’ Alla l-Ħaj,

ikun qiegħed fuq l-altar,

fl-idejn tas-saċerdot.

O x’għoli tal-għaġeb u x’għaġeb ta’ ċokon!

O x’umiltà kbira!

O x’kobor umli!

Li s-Sid tal-ħolqien kollu,

Alla u l-Iben ta’ Alla,

iċekken lilu nnifsu daqshekk

biex għas-salvazzjoni tagħna

jaħbi lilu nnifsu taħt xbieha ta’ farka ħobż!

Ħarsu, ħuti, lejn l-umiltà ta’ Alla,

u ferrgħu qalbkom quddiemu.

Ċekknu lilkom infuskom bħalu,

biex tkunu mgħollija minnu.

Għalhekk,

iżżommu xejn minnkom infuskom għalikom stess

biex hu li jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu lilkom

ikun jista’ jilqagħkom kollkom kemm intom.

 

San Franġisk ta’ Assisi,

Ittra lill-Ordni kollu II, 26-29*

 


 

[1] Ara Ljun il-Kbir, Sermo LXXIV: De ascensione Domini II,1: quod […] Redemptoris nostri conspicuum fuit, in sacramenta transivit.

[2] Præfatio paschalis III, Missale Romanum (2008), p. 367: Qui immolátus iam non móritur, sed semper vivit occísus.

[3] Ara Missale Romanum (2008), p. 532.

[4] Ara Wistin, Enarrationes in psalmos. Ps. 138,2; Oratio post septimam lectionem, Vigilia paschalis, Missale Romanum (2008), p. 359; Super oblata, Pro Ecclesia (B), Missale Romanum (2008), p. 1076.

[5] Ara Wistin, In Ioannis Evangelium tractatus XXVI,13.

[6] Ara Ittra enċiklika Mediator Dei (20 ta’ Novembru 1947), f’AAS 39 (1947), 532.

[7] AAS 56 (1964), 34.

[8] R. Guardini, Liturgische Bildung (1923), f’Liturgie und liturgische Bildung (Mainz 1992), p. 43; trad. Tal. Formazione Liturgica (Brescia 2022), p. 69.

[9] R. Guardini, Der Kultakt und die gegenwärtige Aufgabe der Liturgischen Bildung (1964), f’Liturgie und liturgische Bildung (Mainz 1992), p. 14; trad. Tal. L’atto di culto e il compito attuale della formazione liturgica. Una lettera (1964), f’Formazione liturgica (Brescia 2022), p. 33.

[10] De Ordinatione Episcopi, Presbyterorum et Diaconorum (1990), p. 95: Agnosce quod ages, imitare quod tractabis, et vitam tuam mysterio dominicæ crucis conforma.

[11] Ljun il-Kbir, Sermo XII: De Passione III,7.

[12] Irinew ta’ Lyon, Adversus hæreses IV,20,7.

[13] R. Guardini, Liturgische Bildung (1923), f’Liturgie und liturgische Bildung (Mainz 1992), p. 36; trad. Tal. Formazione Liturgica (Brescia 2022), p. 60.

[14] Għanja tal-Ħlejjaq, Fonti Franġiskani, n. 263.

[15] R. Guardini, Liturgische Bildung (1923), f’Liturgie und liturgische Bildung (Mainz 1992), p. 99; trad. Tal. Formazione Liturgica (Brescia 2022), p. 139.

[16] Ara Institutio Generalis Missalis Romani, nn. 45; 51; 54-56; 66; 71; 78; 84; 88; 271.

[17] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), nn. 135-144.

[18] Ara Institutio Generalis Missalis Romani, n. 310.

[19] Prex dedicationis, f’Ordo dedicationis ecclesiæ et altaris (1977), p. 102.

[20] Missale Romanum (2008), p. 515: “In spiritu humilitatis et in animo contrito suscipiamur a te, Domine; et sic fiat sacrificium nostrum in conspectu tuo hodie, ut placeat tibi, Domine Deus”.

[21] Missale Romanum (2008), p. 515: Lava me, Domine, ab iniquitate mea, et a peccato meo munda me.

[22] Ara Institutio Generalis Missalis Romani, nn. 78-79.

[23] Ara Pawlu VI, Kostituzzjoni appostolika Missale Romanum (3 ta’ April 1969), f’AAS 61 (1969), 222.

[24] Missale Romanum (2008), p. 598: …exspectantes beatam spem et adventum Salvatoris nostri Iesu Christi.

* Miġjuba għall-Malti minn Patri Thomas Calleja ofmconv.