Qaddejja

Minn Dun Pawl Sciberras

 

L-istat ta’ qaddejja u l-ħidma tal-qadi tidħol sewwa fil-Bibbja. It-terminoloġija biblika għal  “qaddej” hi, bil-Lhudi , ‘ébed , u bil-Grieg, doulos. Iż-żewġ kelmiet ifissru sew l-ilsir, dak li hu propjetà ta’ sidu u jkollu joqgħod taħt is-setgħa tiegħu, u sew il-qaddej, dak li hu mpjegat ma’ xi ħadd bi ħlas għall-qadi li jagħmillu. Fl-ilsna tagħna llum dawn iż-żewġ kelmiet jagħtuna kunċetti differenti. Fil- Bibbja wkoll, imma s-sens tal-waħda u tal-oħra joħroġ mill-kuntest li fih tkun il-kelma. Il-kelma diákonos tfisser ukoll “qaddej”; imma ġeneralment fit-Testment il-Ġdid hu dak li jaqdi jew jgħin f’xi ministeru fil-komunità, bħall-ministeru tal-kelma (Atti 6:4; 2 Kor 9:12), il-ministeru tal-mejda (Lq 10:40), il-ministeru tal-karità (2 Kor 8:4; Rum 15:31), eċċ. Ukoll leiturgòs,“ministru pubbliku”, wieħed li jaqdi f’xi ministeru għall-ġid tal-poplu jew tan-nazzjon. Fis-sens reliġjuż tat-Testment il-Ġdid il-leiturgòs hu ministru ta’ Alla għas-servizz tal-qima pubblika tiegħu, bħalma hu l-qassis (Lhud 8:2); Pawlu hu wkoll ministru (leiturgòs) ta’ Ġesù Kristu (Rum 15:16). Għalhekk il-liturġija (leiturgía) hi l-ministeru sagru fil-qima pubblika ta’ Alla (Lq 1:22; Lhud 8:6; 9:27).

It-titlu ta’ “qaddej ta’ Alla” hu titlu ta’ ġieh. Jingħata ħafna drabi lil Mose (Eż 14:31; eċċ.), lil David (2 Sam 3:18; eċċ.), lil Elija (1 Slat 18 :36) u lil profeti oħra (2 Slat 9:7; 17:13. 23; eċċ.). Ukoll jekk dan it-titlu skont il-kultura ta’ żmienhom seta’ jfisser “ilsir”, għalihom kien dejjem ta’ ġieh kbir. “Lilsir tas-sultan” kien it-titlu ta’ wieħed mill-ogħla uffiċjali ta’ madwar is-sultan, bniedem magħżul u maħbub minnu aktar mill-oħrajn. Ilkoll kemm aħna għandna nkunu qaddejja ta’ Alla, għax hu s-Sid ta’ kollox u ta’ kulħadd. “Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura u lilu biss taqdi” (Mt 4:10; ara Dt 16:3). Naqdu lil Alla l-ewwelnett bil-qima li nagħtuh fl-adorazzjoni tagħna, li biha nagħrfuh u nistqarruh bħala Alla tagħna (Ġoż 24:22; 2 Sam 15:8). Mbagħad billi nagħmlu dejjem ir-rieda tiegħu, bħal Marija: “Jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Bil-fomm tal-profeti Alla kien iwissi lill-poplu ta’ Iżrael, li l-qadi tal-ubbidjenza għal-liġi tiegħu kien jogħġbu iżjed mill-qadi tal-qima tat-tempju (Hos 6:6; ara Ġer 7:1ss).

It-Testment il-Ġdid jgħarrafna li aħna, bħala nsara, aħna wkoll qaddejja ta’ Ġesù Kristu. Hu Sidna, u aħna l-qaddejja tiegħu. Kif aħna qaddejja ta’ Alla, hekk aħna qaddejja ta’ Ibnu Ġesù Kristu (Ef 6:6; Gal 1:10; Rum 1:1; 2 Tim 2:24). “Aqdu lil Kristu Sidna” (Kol 3:24). Din il -kelma ta’ San Pawl fil-kuntest li fih qiegħda tieħu s-sens ta’ “lsiera ta’ Kristu”; Pawlu lill-ilsiera kien qed ikellem (Kol 3:22-23; Ef 6:5-7). Għalih u għalina wkoll xorta waħda nkunu lsiera jew qaddejja ta’ Kristu; l-istess kelma (douloi) tfissirhom it-tnejn. Imma l-kelma lsiera tafferma aktar il-fatt li aħna ta’ Ġesù Kristu, propjetà tiegħu jew ta’ Alla permezz tiegħu. Ġesù Kristu “xtrana bi prezz għoli”, bil-prezz ta’ demmu (1 Kor 7:23; 6:20; 1 Pt 1:18). Fdiena mill-jasar tad-dnub, u għaddiena  għall-jasar tal-ġustizzja; għamilna “lsiera ta’ Alla” (Rum 6:15- 23). Hu dejjem ġieh għalina li nkunu lsiera ta’ Alla daqskemm hu ġieh li nkunu wliedu (1 Ġw 3:1). Madankollu Ġesù Sidna ma jsejħilniex qaddejja tiegħu, iżda ħbiebu u ħutu (Ġw 15:15; Lhud 2:11- 2). Aħna naqdu lil Sidna Ġesù Kristu bl-imħabba, bħala ħbiebu u ħutu. Hekk ukoll naqdu lil Alla Missierna mhux bil-biża’ tal-ilsiera, iżda bl-imħabba tal-ulied bil-grazzja tal-ispirtu tal-adozzjoni li tana (Rum 8:14-16; Gal 4:4-7).

Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, l-insara huma wkoll jew għandhom ikunu qaddejja ta’ xulxin. Dan fuq l-istess eżempju tal-Imgħallem tagħhom, li “ma ġiex biex ikun moqdi, iżda biex jaqdi” (Mk 10:45; Mt 20:28; Lq 22:27). “Hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla . . . ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bnedmin” (Fil 2:6-7), biex jaqdi lill-bnedmin. Dan fehem ifisser fl-aħħar ta’ ħajtu meta beda jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu. Fehem jgħallimna li aħna wkoll bħalu għandna nkunu qaddejja ta’ xulxin. Dan nagħmluh bl-għajnuna li nagħtu lil ħutna l-bnedmin, b’kull xorta ta’ servizz li nistgħu nagħmlulhom, “skont il-grazzja li Alla tana” (Rum 12:6-8). Hawn jidħlu l-ministeri (diakoníai) jew kariżmi li Alla jqassam lil kulħadd għall-ġid ta’ kulħadd (1 Kor 12:4-11; Ef 4:11-12). Meta naqdu lil ħutna nkunu naqdu lil Ġesù Kristu; fihom insibuh, narawħ u naqduh (Mt 25:40.44-45 ).