L-Eżortazzjoni appostolika tal-Qdusija Tiegħu Benedittu XVI Verbum Domini (Il-Kelma tal-Mulej) imxandra fit-30 ta’ Settembru 2010 hija l-frott tal-Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet imlaqqa’ f’Ruma bejn il-5 u s-26 ta’ Ottubru 2008, li t-tema tiegħu kienet Il-Kelma ta’ Alla fil-Ħajja u fil-Missjoni tal-Knisja. Wieħed mill-għanijiet tas-Sinodu kien li jagħti ħarsa lejn kif qed jitwettqu d-direttivi dwar l-Iskrittura mogħtija mill-Konċilju Vatikan II, speċjalment permezz tal-Kostituzzjoni Dommatika tiegħu Dei Verbum, u li jgħin lill-Knisja taffaċċja l-isfidi ġodda ta’ żminijietna. Il-kontinwazzjoni ta’ din il-ħidma hi waħda mill-għanijiet tal-Verbum Domini.

Id-dokument jikkonsisti fi tliet partijiet: Verbum Dei (Il-Kelma ta’ Alla), Verbum in Ecclesia (Il-Kelma fil-Knisja), u Verbum Mundo (Il-Kelma lid-Dinja). F’din l-Eżortazzjoni, il-Papa Benedittu jagħti wkoll rakkomandazzjonijiet pastorali siewja biex il-Kelma ta’ Alla tkun tassew fiċ-ċentru tal-ħajja tal-Insara.

Meta f’Settembru li għadda, il-Papa Franġisku ħareġ il-Motu proprju Aperuit illis biex iwaqqaf il-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla fit-tielet Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena, huwa rrakkomanda bil-qawwi l-qari ta’ din l-ittra sabiħa tal-predeċessur tiegħu b’dawn il-kelmiet: “Biex iżid jibni fuq dak it-tagħlim, Benedittu XVI fl-2008 sejjaħ Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet fuq it-tema ‘Il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja’, li warajh xandar l-Eżortazzjoni appostolika Verbum Domini, li fiha tagħlim essenzjali għall-komunitajiet tagħna. Dan id-Dokument, b’mod partikulari, jinżel iktar fil-fond tal-karattru ħaj u attiv tal-Kelma ta’ Alla, fuq kollox meta fl-azzjoni liturġika joħroġ il-karattru sagramentali tagħha”.

Għaxar snin wara l-pubblikazzjoni tagħha, fl-okkażjoni tal-ewwel Ħadd tal-Kelma ta' Alla, il-Verbum Domini kienet preżentata bil-Malti mill-Arċisqof Charles J. Scicluna biex il-poplu tagħna jitħabbeb dejjem iżjed mal-Kelma ta’ Alla li dehret f’Ibnu Ġesù Kristu. 

Il-preżentazzjoni saret fiċ-Ċentru Animazzjoni u Katekeżi (ĊAK) f'Birkirkara, nhar l-Erbgħa 22 ta' Jannar 2020.