L-Arċisqof Charles J. Scicluna

dwar

Il-Beatu Carlo Acutis

Il-Ħadd, 11 ta' Ottubru 2020

Ilbieraħ il-Papa Franġisku bbeatifika żagħżugħ. Meta miet fl-2006, Carlo Acutis kellu 15-il sena. Twieled Londra minn ġenituri Taljani u trabba Milan. Kien bniedem tal-ġenerazzjoni tiegħu, kien attiv ħafna anke fuq l-internet, għamel websajt bil-mirakli tal-Ewkaristija li wieħed għad jista’ jsibha sal-lum. Kien bniedem normali, iħobb jilgħab il-futboll, imur fil-kampanja. Fil-fatt, ħafna ritratti ta’ Carlo Acutis huma fuq il-muntanji jew f’xi vjaġġ. Anke s-santa li għażlu għall-beatifikazzjoni tiegħu hija ta’ żagħżugħ normali b’ilbies normali. Il-korp tiegħu sabuh intatt, sħiħ, għalkemm imqadded bħalma aħna sibna anke lil San Ġorġ Preca, il-qaddis għażiż tagħna. Lil Carlo libbsuh bl-ilblies ta’ żagħżugħ, bil-jeans. Dan iż-żgħażugħ Nisrani beatu għamel miraklu ma’ żagħżugħ Brażiljan u huwa eżempju ħafna ta’ żgħożija, ta’ żagħżugħ li laqa’ l-istedina ta’ Ġesù. Carlo Acutis kien jgħid: “Ta’ 12-il sena skoprejt li l-ġurnata tiegħi tkun isbaħ jekk immur il-quddies, jekk ngħid ir-rużarju kuljum u nqerr darba fil-ġimgħa”. Dan żagħżugħ ta’ 12-il sena! Ta’ 15-il sena ġiet fuqu l-lukiemja u hu offra t-tbatijiet tiegħu għall-Papa u għall-Knisja.

Nitlobu ħafna l-interċessjoni ta’ Carlo Acutis għaż-żgħażagħ tagħna. (Ara t-Talbiet Carlo Acutis)

 

Mis-sit tal-Arċidjoċesi ta' Malta