Carlo Acutis

It-tifel espert tal-kompjuter li sar qaddis

 

Nhar il-5 ta’ Lulju 2018, Papa Franġisku iddikjara Venerabbli lil dan it-tifel Taljan ta’ 15-il sena. Carlo Acutis twieled Londra nhar it-3 ta’ Mejju 1991. Il-ġenituri tiegħu, it-tnejn Taljani, Andrea u Antonia mwielda Salzano, kienu Londra fuq xogħol. Erba’ xhur wara marru lura Milan. “Sinjura, it-tifel tiegħek speċjali” kienu jgħidulha spiss lil omm Carlo, il-kappillan, l-għalliema, sħabu tal-klassi u anki l-porter li kien jieħu ħsieb il-blokk bini fejn kienu marru jgħixu fl-1994 f’Via Ariosto.

 

Minn familja bierda fil-fidi

Il-kwalitajiet eċċezzjonali ta’ dan it-tifel kienu ġejjin minn ħbiberija speċjali ħafna, ħbiberija kbira ma’ Ġesù. Ħbiberija li ma jafux kif ġiet għax il-familja ta’ Carlo ma kinitx xi waħda tal-Knisja. Omm Carlo daħlet biss il-Knisja għall-Preċett, għall-Griżma u għat-Tieġ. Imma tiftakar kif iċ-ċkejken Carlo ma kienx jgħaddi minn quddiem knisja bla ma jitlobha jidħol ġewwa u jsellem lil Ġesù.

Kienet baqgħet mistagħġba meta skopriet lil binha jaqra l-ħajjiet tal-qaddisin u l-Bibbja, u stagħġbet iktar meta binha beda jistaqsiha mistoqsijiet tant profondi li ma kinitx taf twieġbu: “Kont imħawda bid-devozzjoni tiegħu. Kien tant ċkejken u ċert minnu nnifsu. Fhimt li din ħaġa tiegħu, imma li kien qed isejjaħ lili wkoll. U allura bdejt il-vjaġġ tiegħi ta’ qrubija mal-fidi. Imxejt warajh.”

Ta’ seba’ snin u bla ma ġiegħlu ħadd, Carlo talab li jagħmel l-Ewwel Tqarbina. Mons. Pasquale Macchi għamel serje ta’ mistoqsijiet lit-tifel u sab li dan diġà kellu ċerta maturità u livell ta’ formazzjoni Nisranija. Biss, ta parir wieħed: iċ-ċelebrazzjoni kellha ssir f’post nieqes mid-distrazzjonijiet. U għalhekk, nhar is-16 ta’ Ġunju 1998, Carlo rċieva l-Ewkaristija fis-skiet tal-monasteru ta’ Bernaga, qrib Lecco.

Bħala tifel żgħir, speċjalment wara l-Ewwel Tqarbina, qatt ma kien jitlef l-appuntament tiegħu ta’ kuljum tal-Quddiesa u tar-Rużarju, u warajh mument ta’ adorazzjoni Ewkaristika,” tgħid omm Carlo.

 

Miċ-ċokon magħqud mal-Ewkaristija

L-ewwel skola li mar Carlo kienet dik tas-Sorijiet Marċellini. Is-sekondarja għamilha mal-Ġiżwiti fil-Liċeo Klassiku Leone XIII. F’dan l-ambjent, Carlo mexa ’l quddiem u sar żagħżugħ brillanti u maħbub.

Sa minn ċkunitu, il-ħajja ta’ Carlo kienet iddur ma’ punt fiss: il-quddiesa ta’ kuljum. "L-Ewkaristija," kien jgħid, "hija t-triq tiegħi għall-Ġenna." Kien iqerr ukoll spiss. Rigward l-adorazzjoni ewkaristika kien jgħid: "Jekk noqogħdu fix-xemx, insiru somor jew ħomor... jekk noqogħdu quddiem Ġesù Ewkaristija, insiru qaddisin."

Imma kif tista’ toħroġ qaddis mill-iskola sekondarja fi żmienna?

 

Qaddis fl-Iskola Sekondarja?

Carlo kien konvint li ma kienx se jasal sax-xjuħija. "Jien se mmut żgħir," kien jgħid spiss. Forsi għalhekk kien jimla ħinu b’mitt elf attività, minn jgħallem il-Katekiżmu lit-tfal, jitma’ lill-foqra fil-kafetterija tal-Caritas, u jqatta’ l-ħin mat-tfal tal-Oratorju.

Filwaqt li kien iġib marki sbieħ fl-iskola, għalkemm ma kienx jiġi l-ewwel, u jagħmel xogħol volontarju, Carlo kien isib ħin idoqq is-saxophone, jilgħab il-futbol, jiddisinja programmi tal-kompjuter u bħal kull żagħżugħ ieħor jilgħab il-video games. Kien iħobb ukoll jara l-films tal-pulizija u jiġbed videos mal-klieb u l-qtates li kien tant iħobb.

Carlo kellu xeħta naturali għax-xjenza tal-kompjuter u inġiniera li saru jafu kienu jqisuh bħala moħħ brillanti għall-intwizzjoni teknika tiegħu. L-interessi ta’ Carlo kienu jvarjaw minn computer programming għal editjar ta’ films, minn li joħloq websites għal kitba ta’ perjodiċi.

Sħabu kienu jfittxuh mhux biss għal parir jew għajnuna, iżda wkoll għax miegħu kienu jħossuhom komdi. Carlo kellu mod kif imur ma’ kulħadd. Il-wiċċ daħkan ta’ Carlo kien wiċċ familjari. Kien ikun hemm min jaqbad miegħu minħabba l-fidi tiegħu. Ma kienx iħossu stramb imma kien jaf li biex ikun leali għal Ġesù ried ikun lest jisfida lill-maġġoranza, "li għandha biss raġun meta tkun fil-Verità, u mhux għax hi maġġoranza".

Għalhekk ma kienx jibża’ mill-kritika jew mill-inbix għax kien jaf li dawn kienu meħtiġin biex jirbaħ lil sħabu għal Ġesù. Kien jagħmel ħbieb ma’ kulħadd, ma’ dawk li joqogħdu mal-bieb, mal-kenniesa u ma’ kulmin kien jaħdem fl-akwata tiegħu.

 

Il-ħabib Indjan

Ħafna minn dawn il-ħaddiema ma kinux Ewropej u kienu Musulmani jew Hindu. Carlo kien jgħid lil kulħadd fuq l-imħabba tiegħu għal Kristu, u n-nies kienu jitgħaxxqu jisimgħuh. Wieħed minn dawn il-ħaddiema kien Rajesh, li kien Hindu u Brahmin, jiġifieri qassis. Kibret ħbiberija bejn Rajesh u Carlo, tant li Rajesh sar Kattoliku. Hekk kellu xi jgħid Rajesh dwar ħabibu Carlo:

“Qalli li kont se nkun iktar ferħan jekk insir naf lil Ġesù. Tgħammidt u sirt Nisrani bis-saħħa tiegħu għax laqatni bil-fidi tiegħu, l-imħabba u s-safa tiegħu. Dejjem qistha xi ħaġa straordinarja kif tifel hekk żagħżugħ, hekk gustuż, hekk sinjur, jippreferi ħajja differenti.”

Tassew li Carlo kien sinjur, imma kien joqgħod attent li ma jaħlix flus fix-xejn. Kien magħruf kemm jagħti sleeping bags lil dawk bla saqaf fuq rashom hu u sejjer għall-quddies fil-Knisja ta’ Santa Maria Segreta. Kien jagħti wkoll karità lill-Kapuċċini ta’ Viale Piave biex ikunu jistgħu jitimgħu lil dawk bla dar.

 

Is-sigriet tal-ferħ tiegħu

Carlo qatt ma ħeba x’kien jagħmlu l-iktar ferħan. Carlo dejjem kien jistieden lil sħabu biex imorru miegħu l-quddiesa. L-għajn tal-ferħ tiegħu kien meta jara lil sħabu magħqudin mill-ġdid ma’ Alla. Carlo kiteb hekk fid-djarju tiegħu: “Id-dwejjaq huwa meta toqgħod tħares lejk innifsek, il-ferħ huwa meta tħares lejn Alla. Il-konverżjoni mhi xejn ħlief li tgħolli ħarstek minn isfel għal fuq. Sempliċi ċaqliqa tal-għajnejn hija biżżejjed.”

Bl-intensità tal-ħajja spiritwali tiegħu, Carlo għex il-ħmistax-il sena ta’ ħajtu b’ġenerożità u b’mod sħiħ, u ħalla marka profonda fuq dawk li kienu jafuh. Kien espert tal-kompjuters, kien jaqra kotba dwar computer engineering u kien iħalli lil kulħadd mistagħġeb, imma kien ipoġġi d-don tiegħu għas-servizz tal-oħrajn u jużah biex jgħin lil sħabu, tgħid ommu Antonia.

 

Toolkit għall-Qdusija

Carlo ried isir qaddis imma mhux waħdu. Lil sħabu kien jagħtihom it-toolkit tiegħu għall-qdusija: quddiesa u tqarbina kuljum, rużarju, Bibbja, adorazzjoni ewkaristika, qrara darba f’ġimgħa, u li jiċċaħħdux minn xi ħaġa għal ħaddieħor. Carlo nnifsu kien joffri s-sagrifiċċji li jagħmel u t-talb tiegħu għat-tpattija tad-dnubiet u l-offiżi li jsiru kontra l-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, li hu kien iħossha ħajja u tħabbat fl-Ewkaristija.

Carlo kien jitlob ħafna għall-Papa, dak iż-żmien kienu Ġwanni Pawlu II u warajh Benedittu XVI, u b’passjoni hekk kbira li kien jgħaġġeb lill-kappillan tal-parroċċa tiegħu. Kull min iltaqa’ ma’ Carlo kien jitlaq bl-idea li Ġesù biss jista’ jissodisfa l-qalb tal-bniedem.

 

Xhud tal-Eternità

Ma tistax titkellem dwar Carlo u ma ssemmix id-devozzjoni kbira li kellu lejn il-Madonna, li lilha kkonsagra ħajtu kemm-il darba. Kien affaxxinat bid-dehriet ta’ Lourdes u Fatima, fejn mar f’pellegrinaġġ, u spiss kien jitkellem dwar Santa Bernadetta Soubirous u t-Tfal Rgħajja ta’ Fatima. Il-messaġġi tagħha ta’ konverżjoni, penitenza u t-talb, hu kien jgħixhom konkretament fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum.

F’dinja li tidher ma tridx taf b’Alla, Carlo kien iċaqlaq il-kuxjenzi u jistedinna nħarsu ’l fuq. Fil-familja, fl-iskola, fis-soċjetà, Carlo kien xhud tal-eternità. Kien jgħid: “L-għan tagħna jrid ikun l-infinit mhux dak li jgħaddi. L-Infinit huwa darna. Il-Ġenna dejjem kienet tistenniena.”

Għex safi, u kien jafda s-safa tiegħu lill-Madonna. Kien iżur lis-sorijiet tal-Klawsura, għax kienet tinteressah il-ħajja ta’ talb tagħhom. Kien jitlobhom biex jitolbu għalih ħa jżomm is-safa. Kien jiddefendi l-qdusija tal-familja, u l-qdusija tal-ħajja kontra l-abort u l-ewtanasja, fid-dibattiti li kien isib ruħu fihom. Ma kienx jagħmel kompromessi mas-sewwa. Umli u mħeġġeġ. Il-fidi tiegħu kienet tittieħed, bħal nar li jqabbad kullimkien bl-imħabba ta’ Kristu.

 

Missjunarju bil-Media

Carlo ħoloq diversi websites, waħda minnhom dwar qaddisin żgħażagħ. Kellu interess kbir f’dawk li saru qaddisin f’qasir żmien. Din il-website kellha wkoll taqsima fejn wieħed seta’ jsib kemm kellu ħbieb fil-ġenna. Carlo tant kien tifel fabbli li anke ħbieb fil-ġenna sab! Kien iħobb b’mod speċjali lil San Domenico Savio, San Alwiġi Gonzaga, u lil San Tarċisju, il-martri għall-Ewkaristija.

Carlo wera żelu tal-għaġeb u maturità kbira fil-ħidma missjunarja tiegħu, minkejja l-età tenera tiegħu, minħabba ħabib ieħor kbir li kellu fil-ġenna. L-isforzi ta’ Carlo kienu dawk ta’ veru missjunarju: li jilħaq kemm jista’ nies u jgħinhom jiskopru l-ġmiel u l-ferħ tal-ħbiberija ma’ Ġesù. Carlo kien iżomm bħala mudell tiegħu lil San Pawl, l-Appostlu tal-Ġnus, li ried jieħu l-Vanġelu f’kull rokna tad-dinja, jiswielu kemm jiswielu, sal-punt tal-martirju

Carlo kien ispirat mill-ħidma tal-Beatu Giacomo Alberione, li hu nnifsu kien ispirat minn San Pawl, tant li waqqaf il-famużi Paulini. Kemm Alberione kif ukoll is-soċjetajiet reliġjużi li waqqaf huma magħrufin għal kemm jużaw forom ġodda ta’ media għas-servizz tal-Vanġelu.

 

Mużew virtwali

Carlo baqa’ tifel “kurjuż” bla ma waqa’ fit-tentazzjoni li jrid ikun bħal ħaddieħor: "In-nies kollha jitwieldu oriġinali imma ħafna jmutu qishom photocopies." Biex ma jmutx bħal fotokopja Carlo kien jemmen li l-boxxla tagħna trid tkun il-Kelma t’Alla, u d-direzzjoni tagħna l-Ewkaristija. Carlo poġġa l-Ewkaristija bħala ċ-ċentru ta’ ħajtu.

Fl-2002, Carlo mar m’ommu u ma’ missieru jisma’ qassis ħabib tagħhom jitkellem dwar il-Katekiżmu Żgħir tal-Ewkaristija. Baqa’ affaxxinat b’dak li sar jaf. U ġietu idea. Jagħmel wirja dwar il-mirakli Ewkaristiċi. Kien qal, "In-nies iridu jkunu jistgħu jaraw." Carlo ried li n-nies jifhmu li Ġesù huwa realment preżenti fl-Ewkaristija billi juri mumenti fl-istorja meta l-Ewkaristija saret laħam u demm li jidhru.

Carlo beda mill-ewwel jiddokumenta l-mirakli Ewkaristċi. Beda jkaxkar lil ommu lil missieru mal-Ewropa biex jiġbed ritratti ta’ dawn il-mirakli. Wara sentejn u nofs, il-wirja kienet lesta. Kien ikkataloga l-mirakli ewkaristiċi kollha li nafu bihom fl-istorja tad-dinja. Djoċesijiet madwar id-dinja bdew jitolbu dan il-katalgu.

Carlo irriċerka “136 miraklu Ewkaristiku li ġraw matul is-sekli f’pajjiżi differenti madwar id-dinja, u ġew rikonoxxuti mill-Knisjau ġabarhom f’mużew virtwali. Mhux biss ħoloq website, www.miracolieucaristici.org, għal dan il-mużew virtwali, iżda wkoll panel presentations, li daru madwar id-dinja. Hekk Carlo laħaq tant postijiet fid-dinja li hu nnifsu ma kienx se jkollu ċans iżurhom.

 

Jingħaqad mal-Maħbub

Fil-bidu ta’ Ottubru 2006, Carlo ħassu marid sew. Kien għadu kif lesta video mal-istudenti tal-Liċeo Klassiku. Ftit jiem wara, kien qed jinstaq fuq siġġu tar-roti fl-Isptar San Gerardo f’Monza. Kienet bħal sajjetta fil-bnazzi. Kif rifes l-għatba tal-isptar, Carlo qal lil ommu: "Minn hawn jien qatt ma jien se nerġa’ noħroġ!" Kellu leukemia akuta. Ftit qabel ma sar jaf x’kellu kien qal lill-ġenituri: "Noffri dak kollu li se jkolli nsofri lill-Mulej għall-Papa u għall-Knisja, biex naqbeż il-Purgatorju u mmur dritt il-Ġenna."

Carlo xtaq ifiq għax kien iħobb il-ħajja, imma lill-mewt daħkilha bħala laqgħa mal-Maħbub tiegħu għax kien jaf li lil hinn minnha m’hemmx il-baħħ. Issa Ġesù kien se jilqgħu fit-tgħanniqa tiegħu. Għamlulu l-Griżma, u rċieva lil Ġesù-Ostja bħala Vjatku għall-ħajja ta’ dejjem. Tbissem lil kulħadd b’ħarsa mill-isbaħ, b’kuraġġ ta’ sur. Nhar it-12 ta’ Ottubru 2006, fis-6.45 a.m. Carlo Acutis, ta’ 15-il sena, mar igawdi għal dejjem lill-Ħallieq. Ħabib u appostlu żgħir kbir meraviljuż u intimu ta’ Ġesù Kristu.

Il-Feddej Divin u l-Knisja tiegħu biss jistgħu jiffurmaw żgħażagħ hekk, sinjal li “illum ukoll,” kif jikteb Montalembert, “l-Imdendel mis-salib għadu jiġbed lejh iż-żgħażagħ u l-imħabba.”

Carlo kien midfun f’Assisi, il-belt ta’ San Franġisk. Dakinhar tal-funeral tiegħu, il-knisja u z-zuntier kienu mimlijin bil-ħbieb u bl-ammiraturi tiegħu. Ommu tgħid li qatt ma rat dawk in-nies kollha qabel. In-nies irrakkuntawlu stejjer fuq x’għamel Carlo li hi qatt ma kienet semgħet. Billi diġà kien laħaq ħafna nies bil-wirja internazzjonali tiegħu u bl-appostolat tiegħu bl-internet, il-mewt ta’ Carlo kellha impatt immedjat. Eluf ta’ ittri u emails bdew jaslu lill-familja Acutis.

Eżempju kbir għaż-żgħażagħ tagħna

Carlo kien iħobb lil Ġesù bħala ħabib, filwaqt li kien jgħix il-ħajja ta’ żmienna, jedha fil-computer programming, editjar tal-films, ħolqien ta’ websites, u anke editjar ta’ komiks. Minkejja li kien qed jaħdem f’media mimlija b’tant tentazzjonijiet, mit-tektik tal-keyboard tiegħu kien joħroġ Vanġelu ħaj. Mhux ta’ b’xejn li ħafna diġà qegħdin jipproponuh bħala l-Qaddis Patrun tal-Internet.

Carlo jibqa’ ispirazzjoni, speċjalment għaż-żgħażagħ li jitqabbdu bejn li jkunu kemm qaddisin kif ukoll “normali,” filwaqt li jibqgħu uniċi bħala individwi. Il-modernità u l-internet ma ħakmuhx anzi kiber u fjorixxa iktar permezz tagħhom. B’dan il-mod huwa uriena t-triq ’il quddiem, tana boxxla li tmexxina.

Ħames snin wara mewtu, kif titlob il-liġi tal-Knisja, id-Djoċesi ta’ Milan fetħitlu mill-ewwel il-proċess biex jiġi ddikjarat Beatu. Fl-2016, il-Kardinal Angelo Scola għalaq il-fażi djoċesana, u nhar il-5 ta’ Lulju li għadda, Papa Franġisku ddikjarah Venerabbli.

 

Ħajr lis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM) ta' dan il-vidjo u t-test ta' hawn taħt.