Laikos

 

Knisja, kemm ġagħaltni nbati, u safrattant …

Kitba ta' Carlo Carretto

 

Kemm hemm xi tmaqdar fik, Knisja, u safrattant, kemm inħobbok!

Kemm ġagħaltni nbati, u safrattant, kemm jien midjun lejk!

Nixtieq narak meqruda, u safrattant, neħtieġ il-preżenza tiegħek.

Tajtni daqshekk skandli, u safrattant, urejtni xi tkun il-qdusija!

Xejn ma rajt fid-dinja daqshekk mudlam, daqshekk mgħaffeġ, daqshekk falz, u fl-istess ħin xejn ma missejt daqshekk safi, daqshekk ġeneruż, daqshekk sabiħ.

Kemm drabi ridt kieku nsabbatlek f’wiċċek il-bibien ta’ ruħi, u kemm drabi tlabt li nista’ mmut f’dirgħajk żguri.

Le, ma nistax neħles minnek, għax jiena int, imqar jekk mhux għalkollox.

U mbagħad, fejn ħa mmur?

Nibni oħra?

Imma ma nistax nibniha jekk mhux bl-istess difetti, għax dawk huma tiegħi li nġorr ġewwa fija. U jekk nibniha, tkun il-Knisja tiegħi, u mhux iżjed dik ta’ Kristu.

Jiena mdaħħal fiż-żmien biżżejjed biex nifhem li m’iniex aħjar mill-oħrajn.

L-aħħar darba wieħed ħabib tiegħi kiteb ittra lil ġurnal: “Se nħalli l-Knisja għax, bil-kompromesi tagħha mal-għonja, m’għadhiex iżjed kredibbli”. Miskin, nitħassru!

Jew hu bniedem sentimentali bla esperjenza, u niskużah; jew hu wieħed minfuħ bih innifsu li jaħseb li hu aħjar mill-oħrajn.

Ħadd minna mhu kredibbli sakemm għadu fuq din l-art…

Il-kredibbiltà mhix tal-bnedmin, hija biss ta’ Alla u ta’ Kristu.

 

Forsi l-Knisja tal-bieraħ kienet aħjar minn dik tal-lum? Forsi l-Knisja ta’ Ġerusalemm kienet iktar kredibbli minn dik ta’ Ruma?

Meta Pawlu wasal Ġerusalemm bl-għatx li kellu f’qalbu għall-universalità, forsi d-diskorsi ta’ Ġakbu fuq il-ħtieġa taċ-ċirkonċiżjoni jew id-dgħufija ta’ Pietru li baqa’ jdur ma’ djul l-għonja ta’ dak iż-żmien u li kien jagħti skandlu għax jippranza biss ma’ dawk li ma kinux imniġġsa, ma setgħux jindubjawh fuq il-veriċità tal-Knisja, li Kristu kien għadu kemm waqqaf friska friska, u jitwebbel li jmur iwaqqaf oħra f’Antjokja jew f’Tarsu?

Forsi Santa Katarina ta’ Siena, meta rat lill-Papa mdaħħal f’politika maħmuġa kontra l-belt tiegħu, ma setgħetx ġietha f’moħħha l-idea li tmur fuq l-għoljiet ta’ Siena, nodfa bħas-sema, u tagħmel Knisja oħra iktar trasparenti minn dik ta’ Ruma hekk imtappna, hekk mimlija dnubiet u hekk politiċizzata?

 

… Il-Knisja għandha s-setgħa li tagħtini l-qdusija u hi magħmula kollha kemm hi, mill-ewwel sal-aħħar wieħed, minn midinbin biss, u x’midinbin!

Għandha l-fidi omnipotenti u invinċibbli li ġġedded il-misteru Ewkaristiku, u hi magħmula minn bnedmin dgħajfa li jitlajjaw fid-dlam u li ta’ kuljum iħabbtu wiċċhom mat-tentazzjoni li jitilfu l-fidi.

Qed iġġorr messaġġ ta’ trasparenza safja, u hi inkarnata f’għaġna maħmuġa, kif maħmuġa hija d-dinja.

Titkellem fuq il-ħlewwa tal-Imgħallem, fuq in-non-vjolenza tiegħu, u matul l-istorja bagħtet eżerċti sħaħ jeħduha b’kefrija kontra l-infidili u jittorturaw il-mexxejja eretiċi.

Ixxandar messaġġ ta’ faqar evanġeliku, u ma tagħmilx ħlief tfittex il-flus u l-pattijiet mas-setgħanin tal-art.

Dawk li joħolmu ħwejjeġ differenti minn din ir-realtà mhumiex ħlief jaħlu ż-żmien biex jispiċċaw jerġgħu jsibu ruħhom mnejn telqu. U iktar minn hekk, qed juru li ma fehmux min hu l-bniedem.

Għax dak huwa l-bniedem, proprju kif tarah il-Knisja, fil-ħażen tiegħu u fl-istess ħin fil-kuraġġ invinċibbli tiegħu li tatu l-fidi fi Kristu u li l-imħabba ta’ Kristu tgħinu jgħix.

 

Meta kont iżgħar ma kontx nifhem għaliex Ġesù, minkejja ċ-ċaħda ta’ Pietru, riedu kap, suċċessur tiegħu, l-ewwel Papa. Issa m’għadnix niskanta iżjed u qed nifhem dejjem aħjar li t-twaqqif tal-Knisja fuq il-qabar ta’ traditur, ta’ bniedem li twerwer quddiem it-tpaċpiċ ta’ qaddejja, kien twissija kontinwa biex iżżomm lil kull wieħed u waħda minna fl-umiltà u fl-għarfien tad-dgħufija tagħna.

Le, m’iniex se noħroġ ’il barra minn din il-Knisja mwaqqfa fuq blata hekk dgħajfa, għax nispiċċa nwaqqaf oħra fuq blata iżjed dgħajfa li hija jien.

…U jekk it-theddid hu hekk kotran u l-vjolenza tal-kastig hekk kbira, iżjed kotrana huma l-kelmiet ta’ mħabba u ikbar hi l-ħniena tiegħu. Anzi, meta naħseb fuq il-Knisja u fuq ir-ruħ fqajra tiegħi, ngħid li Alla hu ikbar mid-dgħufija tagħna.

U mbagħad x’jiswew il-ġebliet? Dak li jiswa hi l-wegħda ta’ Kristu, dak li jiswa hu s-siment li jgħaqqad il-ġebel flimkien, li hu l-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu biss kapaċi jagħmel il-Knisja bil-ġebliet li qatt ma nqatgħu bħalma aħna aħna!…

U l-misteru hawn qiegħed.

Din l-għaġna ta’ tajjeb u ta’ ħażin, ta’ kobor u ta’ miżerja, ta’ qdusija u ta’ dnub li hija l-Knisja, fl-aħħar mill-aħħar hija jien…

Kull wieħed u waħda minna jista’ jħoss b’biża’ u b’hena bla qies li dak li hemm għaddej fir-relazzjoni bejn Alla u l-Knisja hu xi ħaġa li nsibuha fil-ġewwieni tagħna.

F’kull wieħed u waħda minna jidwu t-twiddib u l-ħlewwa li bihom Alla jittratta l-poplu tiegħu Iżrael, il-Knisja. Lil kull wieħed u waħda minna Alla jgħid kif jgħid lill-Knisja: “Nitgħarras miegħek għal dejjem” (Hos 2:21), imma fl-istess waqt ifakkarna r-realtà tagħna: “L-inġiesa tiegħek tassew faħxija!… Ridt innaddfek… Taħbit li jkiddek! Is-sadid fond tagħha lanqas bin-nar ma jmur” (Eżek 24:13,12).

Imma mbagħad hemm ħaġa oħra li forsi hija isbaħ. L-Ispirtu s-Santu, li hu l-Imħabba, kapaċi jarana qaddisin, bla tebgħa, sbieħ, imqar jekk imlibbsin ta’ imbruljuni u adulteri.

Il-maħfra ta’ Alla, meta tmisslek qalbek, tagħmlek trasparenti bħal Żakkew, il-pubblikan, u bla tebgħa bħall-Maddalena, il-midinba.

Bħallikieku l-ħażen ma setax imiss l-iktar qiegħ profond tal-bniedem. Bħallikieku l-Imħabba ma ħallietx titmermer lil dik ir-ruħ li tbiegħdet mill-imħabba.

“Jiena xħitt dnubietek wara dahri”, jgħid Alla lil kull wieħed u waħda minna meta jaħfrilna, u jkompli: “Bi mħabba ta’ dejjem ħabbejtek, għalhekk il-ħlewwa tiegħi rfajt għalik. Jien nerġa’ nwaqqfek fuq riġlejk, o xebba ta’ Iżrael” (Ġer 31:3-4).

Ara, isejħilna “xebba”, verġni, imqar meta għall-elf darba ġejna lura għandu mill-prostituzzjoni fil-ġisem, fl-ispirtu u fil-qalb.

F’dan, Alla hu tassew Alla, jiġifieri l-uniku li kapaċi “jġedded kollox”.

Għax ma jimpurtaniex tant jekk iġeddidx is-smewwiet u l-art, iktar hemm bżonn li “jġedded” lil qlubna.

U dan hu li jagħmel Kristu.

U dan hu l-ambjent divin tal-Knisja…

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard