Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 30 ta’ Awwissu 2006

 

Mattew

 

Għeżież ħuti,

 

Inkomplu bis-serje ta’ ritratti tat-tnax-il Appostlu, li bdejna xi ġimgħat ilu, u llum nieqfu fuq Mattew. Biex ngħidu l-verità, hu kważi impossibbli li nikxfu b’mod sħiħ il-figura tiegħu, għax dak li nafu dwaru hu ftit u f’biċċiet. Imma dak li nistgħu nagħmlu hu nħażżu mhux tant il-bijografija tiegħu daqskemm il-profil li jagħtina l-Vanġelu.

 

Intant, insibuh dejjem iżjed preżenti fil-listi tat-Tnax magħżula minn Ġesù (ara Mt 10:3; Mk 3:18; Lq 6:15; Atti 1:13). L-isem Lhudi tiegħu jfisser “don ta’ Alla”. L-ewwel Vanġelu kanoniku, li jġib ismu, jippreżentahulna fil-lista tat-Tnax bi kwalifika preċiża ħafna: “il-pubblikan” (Mt 10:3). B’dan il-mod hu jiġi identifikat mar-raġel bilqiegħda wara l-bank tat-taxxi, li Ġesù jsejjaħlu biex jimxi warajh: “Huwa u għaddej minn hemm, Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew. ‘Ejja warajja’, qallu. Dak qam u mar warajh” (Mt 9:9). Anki Mark (ara 2:13-17) u Luqa (ara 5:27-30) jirrakkuntaw is-sejħa ta’ dak li kien bilqiegħda wara l-mejda tat-taxxi, imma jsejħulu “Levi”. Biex nimmaġinaw ix-xena mfissra f’Mt 9:9 biżżejjed niftakru fil-pittura mill-isbaħ ta’ Caravaggio, miżmuma hawn Ruma fil-Knisja ta’ San Luigi dei Francesi. Mill-Vanġelu joħroġ dettall bijografiku ieħor: fil-silta li tiġi minnufih qabel ir-rakkont tas-sejħa għandna miraklu li għamel Ġesù f’Kafarnahum (ara Mt 9:1-8; Mk 2:1-12) u hemm aċċenn għal kemm kien qrib il-Baħar tal-Galilija, jiġifieri l-Għadira ta’ Tiberija (ara Mk 2:13-14). Minn hawn nistgħu nikkonkludu li Mattew kien jeżerċita l-funzjoni tiegħu li jiġbor it-taxxi f’Kafarnahum, post li kien appuntu “qrib il-baħar” (Mt 4:13), fejn Ġesù kien il-mistieden fiss fid-dar ta’ Pietru.

 

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti sempliċi li joħorġu mill-Vanġelu nistgħu ngħaddu għal xi riflessjonijiet oħra. L-ewwel waħda hi li Ġesù jilqa’ fil-grupp ta’ dawk l-aktar qrib tiegħu raġel li, skont l-ideat popolari f’Iżrael ta’ dak iż-żmien, kien meqjus midneb pubbliku. Fil-fatt, Mattew, mhux biss kellu l-ħin kollu għaddejjin minn taħt idejh flus meqjusa mniġġsa minħabba li kienu ġejjin minn nies barranin għall-poplu ta’ Alla, imma kien qed jikkollabora wkoll ma’ awtorità barranija u li r-regħba tagħha kienet ta’ min jistmerrha, illi t-taxxi tagħha setgħet tiddeterminahom ukoll kif jogħġob lilha. Għal dan il-għan, iktar minn darba l-Vanġeli fl-istess nifs jitkellmu fuq “pubblikani u midinbin” (Mt 9:10; Lq 15:1), fuq “pubblikani u nisa tat-triq” (Mt 21:31). Barra minn hekk, huma jaraw fil-pubblikani eżempju ta’ djuq (ara Mt 5:46: iħobbu biss lil min iħobbhom) u jsemmu wieħed minnhom, Żakkew, bħala “kap tal-pubblikani, u kien għani” (Lq 19:2), waqt li l-opinjoni popolari kienet tassoċjahom ma’ “ħalliela, inġusti, żienja” (Lq 18:11). Minn dawn l-aċċenni jispikka l-ewwel fatt: Ġesù ma jeskludi lil ħadd mill-ħbiberija tiegħu. Anzi, proprju waqt li kien mal-mejda fid-dar ta’ Mattew-Levi, bi tweġiba għal min ħa skandlu għall-fatt li hu kien qed jiffrekwenta kumpanija li ftit kienet rakkomandabbli, jagħmel din id-dikjarazzjoni importanti: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin” (Mk 2:17).

 

L-aħbar it-tajba tal-Vanġelu proprju f’dan tikkonsisti: fl-offerta tal-grazzja ta’ Alla lill-midneb! Band’oħra, bil-parabbola ċelebri tal-Fariżew u l-pubblikan li telgħu t-Tempju jitolbu, Ġesù jurina saħansitra pubblikan bla isem bħala xempju ta’ min japprezzah ta’ fiduċja umli fil-ħniena divina: waqt li l-Fariżew jiftaħar bil-perfezzjoni morali tiegħu, “il-pubblikan… anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’”. U Ġesù jikkummenta: “Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar” (Lq 18:13-14). Allura, fil-figura ta’ Mattew il-Vanġeli qed jipproponulna paradoss veru u proprju: min minn barra jidher imbiegħed mill-qdusija jista’ jsir saħansitra mudell ta’ dak li jilqa’ l-ħniena ta’ Alla u jħalli l-effetti tal-għaġeb tagħha jidhru f’ħajtu. Dwar dan, San Ġwann Kriżostmu jagħmel osservazzjoni sinifikattiva: hu osserva li fir-rakkont ta’ xi sejħat biss isir aċċenn għax-xogħol li dawk imsejħa kienu qed jagħmlu. Pietru, Indrì, Ġakbu u Ġwanni ġew imsejħin huma u jistadu, Mattew sewwasew huwa u jgħodd il-flus tat-taxxa. Huma xogħlijiet ftit li xejn ta’ siwi – jikkummenta l-Kriżostmu – “għax ma hemm xejn iżjed ta’ stmerrija mill-ġbir tat-taxxi u xejn iżjed komuni mis-sajd” (In Matth. Hom.PL 57, 363). Mela s-sejħa ta’ Ġesù tasal anki lil persuni ta’ livell soċjali baxx, huma u jwettqu x-xogħol ordinarju tagħhom.

 

Riflessjoni oħra, li toħroġ mir-rakkont tal-Vanġelu, hi li għas-sejħa ta’ Ġesù, Mattew iwieġeb minnufih: “qam u mar warajh”. Il-frażi tant hi qasira li tixhdilna b’mod ċar il-prontezza li biha Mattew wieġeb għas-sejħa. Dan għalih kien ifisser li kellu jitlaq kollox, fuq kollox dak li kien jiggarantilu dħul fiż-żgur, imqar jekk spiss inġust u mhux ta’ unur. Milli jidher Mattew fehem li l-familjarità ma’ Ġesù ma kinitx sa tippermettilu jibqa’ għaddej b’xogħol li ma kienx jogħġob lil Alla. L-applikazzjoni għal-lum il-ġurnata ma tridx wisq biex tagħmilha: illum ukoll ma jistax wieħed jintrabat ma’ ħwejjeġ inkompatibbli mal-mixja wara Ġesù, bħalma hu l-każ ta’ qligħ diżonest. Darba hu qal bla tidwir mal-lewża: “Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja” (Mt 19:21). Eżattament hekk għamel Mattew: qam u mar warajh! F’din il-‘qam’ nistgħu naqraw id-distakk minn qagħda ta’ dnub kif ukoll kif hu b’mod l-aktar konxju qabad ħajja ġdida, retta, f’komunjoni ma’ Ġesù.

 

Fl-aħħar nett, infakkru li t-tradizzjoni tal-Knisja antika hi fehma waħda f’li tattribwixxi lil Mattew il-kitba tal-ewwel Vanġelu. Dan seħħ diġà sa minn Papia, Isqof ta’ Ġerapoli fil-Friġja lejn is-sena 130. Hu jikteb: “Mattew ġabar il-kelmiet (tal-Mulej) fl-ilsien Lhudi, u kull wieħed interpretahom mill-aħjar li seta’” (f’Ewsebju ta’ Ċesarija, Hist. eccl. III,39,16). L-istoriku Ewsebju żied din it-tagħrifa: “Mattew, li sa minn qabel kien ipprietka fost il-Lhud, meta qatagħha li jmur anki għand popli oħra, kiteb fil-lingwa materna tiegħu l-Vanġelu mxandar minnu; hekk fittex li jagħmel tajjeb bil-kitba, lil dawk li minnhom kien se jinfired, għal dak li huma kienu se jitilfu bit-tluq tiegħu” (ibid., III, 24,6). M’għadx għandna iżjed il-Vanġelu miktub minn Mattew bil-Lhudi jew bl-Aramajk, imma fil-Vanġelu Grieg li għandna f’idejna qed inkomplu b’xi mod nisimgħu mill-ġdid il-leħen persważiv tal-pubblikan Mattew li, issa Appostlu, jissokta jħabbrilna l-ħniena feddejja ta’ Alla, u nagħtu widen għal dan il-messaġġ ta’ San Mattew, nimmeditawh dejjem mill-ġdid biex nitgħallmu aħna wkoll inqumu u nimxu b’determinazzjoni wara Ġesù.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard