Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 28 ta’ Ġunju 2006

 

Ġakbu, iż-Żgħir

 

Għeżież ħuti,

 

Flimkien mal-figura ta’ Ġakbu “l-Kbir”, bin Żebedew, li dwaru tkellimna nhar l-Erbgħa li għadda, fil-Vanġelu jidher Ġakbu ieħor, li jissejjaħ “iż-Żgħir”. Hu wkoll jagħmel parti mil-listi tat-Tnax-il Appostlu magħżula personalment minn Ġesù, u dejjem jiġi speċifikat bħala “bin Alfew” (ara Mt 10:3; Mk 3:18; Lq 5; Atti 1:13). Spiss ġie identifikat ma’ Ġakbu ieħor, imsejjaħ “iż-żgħir” (ara Mk 15:40), bin waħda Marija (ara ibid.) li tista’ tkun “Marija ta’ Kleofa” li, skont ir-Raba’ Vanġelu, kienet preżenti f’riġlejn is-Salib flimkien ma’ Omm Ġesù (ara Ġw 19:25). Hu wkoll kien minn Nazaret u aktarx qarib ta’ Ġesù (ara Mt 13:55; Mk 6:3), li dwaru bil-manjiera Semitika jingħad li hu “ħuh” (ara Mk 6:3; Gal 1:19). Dwar dan l-aħħar Ġakbu, il-ktieb tal-Atti jisħaq ir-rwol preminenti tiegħu fil-Knisja ta’ Ġerusalemm. Fil-Konċilju Appostoliku ċċelebrat hemm wara l-mewt ta’ Ġakbu l-Kbir, jistqarr flimkien mal-oħrajn li l-pagani setgħu jiġu milqugħa fil-Knisja mingħajr ma kellhom joqogħdu għaċ-ċirkonċiżjoni (ara Atti 15:13). San Pawl, li jattribwilu dehra speċifika mill-Irxoxt (ara 1 Kor 15:7), fil-vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm isemmih saħansitra qabel Kefa-Pietru, u jikkwalifikah daqsu bħala “kolonna” ta’ dik il-Knisja (ara Gal 2:9). Wara dan, il-Lhud-Insara jqisuh il-punt ewlieni ta’ riferiment tagħhom. Lilu mbagħad hi attribwita l-Ittra li ġġorr l-isem ta’ Ġakbu u hi parti mill-kanoni Neotestamentarju. Hu ma jippreżentax ruħu bħala “ħu l-Mulej”, imma bħala “qaddej ta’ Alla u tal-Mulej Ġesù Kristu” (Ġak 1:1).

 

L-istudjużi jiddibattu l-kwistjoni tal-identifikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ persunaġġi bl-istess isem, Ġakbu bin Alfew u Ġakbu “ħu l-Mulej”. It-tradizzjonijiet evanġeliċi ma tawna ebda rakkont la fuq wieħed u lanqas fuq l-ieħor b’riferiment għall-perjodu tal-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art. Imma l-Atti tal-Appostli juruna li wieħed bl-isem ta’ “Ġakbu” żvolġa rwol importanti ħafna, kif diġà aċċennajna, wara l-qawmien ta’ Ġesù, fi ħdan il-Knisja tal-bidu (ara Atti 12:17; 15:13-21; 21:18). L-aktar ħaġa li spikkat minn dak li għamel kienet l-intervent tiegħu fil-kwistjoni tar-relazzjoni diffiċli bejn l-Insara ta’ nisel Lhudi u dawk ta’ nisel pagan: hawn, flimkien ma’ Pietru, hu għen biex tingħeleb, jew aħjar, biex tiġi integrata d-dimensjoni Ġudajka tal-bidu mal-esiġenza li ma jiġix impost fuq il-pagani li kkonvertew l-obbligu li joqogħdu għan-normi kollha tal-liġi ta’ Mosè. Il-ktieb tal-Atti jagħtina x’kienet is-soluzzjoni ta’ kompromess, proposta proprju minn Ġakbu u milqugħa mill-Appostli kollha preżenti, jiġifieri li l-pagani li jemmnu f’Ġesù Kristu kellhom jiġu mitluba biss jastienu mid-drawwa idolatrika li jieklu l-laħam ta’ bhejjem offruti f’sagrifiċċji lill-allat, u miż-“żwieġ ħażin”, terminu li aktarx kien jalludi għar-rabtiet irregolari taż-żwieġ. Fil-prattika, kellhom joqogħdu biss għal ftit projbizzjonijiet, meqjusa pjuttost importanti, tal-liġi ta’ Mosè.

 

B’dan il-mod, inkisbu żewġ riżultati sinifikattivi u kumplimentari, it-tnejn li huma validi sal-ġurnata tal-lum: minn naħa, l-għarfien tar-relazzjoni essenzjali li torbot il-Kristjaneżmu mar-reliġjon Lhudija bħala l-għajn dejjem valida u ħajja tagħha; min-naħa l-oħra, l-Insara ta’ oriġni pagana setgħu jżommu l-identità soċjoloġika tagħhom, li kienu jitilfuha kieku ġew imġiegħla josservaw l-hekk imsejħa “preċetti ċerimonjali” tal-liġi ta’ Mosè: dawk issa ma kellhomx għax jibqgħu jitqiesu obbligatorji għall-pagani li jikkonvertu. Sostanzjalment, ingħata bidu għal prassi ta’ stima u rispett reċiproku, li, minkejja t-tilwim li b’xorti ħażina ġie aktar tard, min-natura tagħha kienet timmira li tħares dak li kien karatteristiku ta’ kull waħda miż-żewġ partijiet.

 

L-eqdem tagħrif li għandna fuq il-mewt ta’ dan Ġakbu jagħtihulna l-istoriku Lhudi Ġużeppi Flavju. Fl-Antikitajiet Ġudajċi tiegħu (20,201s), miġbura Ruma lejn tarf is-seklu wieħed, hu jirrakkontalna li t-tmiem ta’ Ġakbu ġie deċiż b’inizjattiva illeġittima tal-Qassis il-Kbir Ananu, bin Anna li naqraw fuqu fil-Vanġeli, li approfitta mill-intervall bejn it-tneħħija ta’ prokuratur Ruman (Festu) u l-wasla tas-suċċessur (Albinu) biex jordna t-tħaġġir tiegħu fis-sena 62.

 

Ma’ isem dan Ġakbu, barra l-kitba apokrifa tal-Protovanġelu ta’ Ġakbu, li teżalta l-qdusija u l-verġinità ta’ Marija Omm Ġesù, hi marbuta b’mod partikulari l-Ittra li ġġib ismu. Fil-kanoni tat-Testment il-Ġdid għandha l-ewwel post fost l-hekk imsejħa Ittri Kattoliċi, jiġifieri maħsuba mhux għal Knisja partikulari waħda – bħal Ruma, Efesu, u l-bqija –, imma għal ħafna Knejjes. Hi kitba pjuttost importanti, li tagħfas ħafna fuq il-ħtieġa li ma nirriduċux il-fidi tagħna għal dikjarazzjoni purament verbali jew astratta, imma nesprimuha konkretement f’għemejjel tajba. Fost l-oħrajn, hu jistedinna nibqgħu sħaħ fit-tiġrib milqugħ bil-ferħ u fit-talb fiduċjuż biex niksbu mingħand Alla d-don tal-għerf, li grazzi għalih naslu biex nifhmu li l-veri valuri tal-ħajja mhumiex qegħdin fl-għana li jgħaddi, imma pjuttost f’li nagħrfu naqsmu dak li għandna mal-foqra u dawk fil-bżonn (ara Ġak 1:27).

 

Hekk l-ittra ta’ San Ġakbu turina Kristjaneżmu konkret u prattiku ħafna. Il-fidi trid titwettaq fil-ħajja, fuq kollox fl-imħabba tal-proxxmu u partikularment fl-impenn b’risq il-foqra. F’dan l-isfond ukoll irridu naqraw il-frażi famuża: “Għax bħalma l-ġisem mingħajr ruħ hu mejjet, hekk ukoll hi mejta l-fidi mingħajr għemil” (Ġak 2:26). Xi drabi din l-istqarrija ta’ Ġakbu tpoġġiet kontra l-istqarrijiet ta’ Pawlu li aħna m’aħniex iġġustifikati minn Alla minħabba fl-opri tagħna, imma grazzi għall-fidi tagħna (ara Gal 2:16; Rum 3:28). Imma ż-żewġ frażijiet, li għall-ewwel jidhru kontradittorji bil-perspettivi differenti tagħhom, fir-realtà, jekk interpretati sewwa, huma kumplimentari għal xulxin. San Pawl jeħodha kontra l-kburija tal-bniedem li jaħseb li m’għandux bżonn tal-imħabba ta’ Alla li tiġi qabilna, jeħodha kontra l-kburija tal-ġustifikazzjoni tagħna nfusna mingħajr il-grazzja sempliċiment mogħtija u mhux immeritata. Min-naħa l-oħra San Ġakbu jitkellem fuq l-opri bħala frott normali tal-fidi: “Kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel”, jgħid il-Mulej (Mt 7:17). U San Ġakbu dan itennih u jgħidu lilna.

 

Fl-aħħar nett, l-ittra ta’ Ġakbu ssejħilna biex nintelqu f’idejn Alla f’dak kollu li nagħmlu, u llissnu dejjem il-kelmiet: “Jekk il-Mulej irid” (Ġak 4:15). Hekk hu jgħallimna ma nippretendux li nistgħu nfasslu ħajjitna b’mod awtonomu u egoċentriku, imma nagħmlu wisa’ għar-rieda misterjuża ta’ Alla, li jaf x’inhu l-veru ġid tagħna. B’dan il-mod San Ġakbu jibqa’ dejjem mgħallem attwali tal-ħajja għal kull wieħed u waħda minna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard