Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 22 ta’ Novembru 2006

 

Pawlu – Il-ħajja fil-Knisja

 

Għeżież ħuti,

 

Wasalna llum għall-aħħar laqgħa tagħna mal-Appostlu Pawlu, u se niddedikawlu riflessjoni oħra finali. Fil-fatt ma nistgħux nitilqu minn ħdejh mingħajr ma nqisu waħda mill-karatteristiċi deċiżivi tal-attività tiegħu u waħda mit-temi l-iżjed importanti tal-ħsieb tiegħu: ir-realtà tal-Knisja. Qabelxejn irridu ngħidu li l-ewwel kuntatt tiegħu mal-persuna ta’ Ġesù seħħ permezz tax-xhieda tal-komunità Nisranija ta’ Ġerusalemm. Kien kuntatt imqalleb. Malli sar jaf bil-grupp ġdid ta’ dawn is-segwaċi, hu minnufih sar persekutur kburi tagħhom. Dan jgħidu hu stess għal tliet darbiet f’diversi Ittri tiegħu: “Ippersegwitajt il-Knisja ta’ Alla” jikteb (1 Kor 15:9; Gal 1:13; Fil 3:6), donnu biex jippreżenta din l-imġiba tiegħu bħala l-agħar att kriminali.

 

L-istorja turina li lil Ġesù normalment naslu għandu permezz tal-Knisja! F’ċertu sens, dan seħħ, kif konna qed ngħidu, anki għal Pawlu, li ltaqa’ mal-Knisja qabel ma ltaqa’ ma’ Ġesù. Imma dan il-kuntatt, fil-każ tiegħu, ipproduċa l-effett kuntrarju, ma wassalx biex hu jemmen, imma biex jeħodha kontriha b’mod vjolenti. Għal Pawlu, biex isir parti mill-Knisja kellu jindaħal direttament Kristu, li, meta rrivelalu lilu nnifsu fit-triq ta’ Damasku, urieh li hu u l-Knisja huma ħaġa waħda u fiehmu li meta kien qed jippersegwita lill-Knisja kien qed jippersegwita lilu stess, il-Mulej. Fil-fatt, l-Irxoxt qal lil Pawlu: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9:4). Meta ppesegwita lill-Knisja, kien qed jippersegwita lil Kristu. U hemm Pawlu kkonverta, fl-istess waqt, kemm għal Kristu u kemm għall-Knisja. Minn hawn nifhmu għaliex il-Knisja mbagħad kienet tant preżenti fil-ħsibijiet, fil-qalb u fil-ħidma ta’ Pawlu. Qabelxejn, kienet hekk fis-sens li hu litteralment waqqaf ħafna Knejjes fid-diversi bliet li fihom rifes bħala evanġelizzatur. Meta jitkellem fuq il-“ħsieb tal-Knejjes kollha” (2 Kor 11:28), hu qed jaħseb fil-bosta komunitajiet Insara li nibtu waħda wara l-oħra fil-Galazja, fl-Ijonja, fil-Maċedonja u fl-Akaja. Xi wħud minn dawk il-Knejjes tawh ukoll tħassib u dispjaċiri, kif ġara ngħidu aħna fil-Knejjes tal-Galazja, li hu rahom “iduru lejn Evanġelju ieħor” (Gal 1:6), ħaġa li hu ħadha kontriha qatta’ bla ħabel. Imma hu kien iħossu marbut mal-Komunitajiet li hu waqqaf, u dan mhux b’mod biered jew burokratiku, imma intens u mqanqal. Hekk, ngħidu aħna, lill-Filippin isejħilhom “l-għożża u x-xewqa tiegħi, ferħ u kuruna tiegħi” (4:1). Drabi oħra jqabbel id-diversi Komunitajiet ma’ ittra ta’ rakkomandazzjoni unika fil-bixra tagħha: “L-ittra tagħna hi intom, miktuba fuq qlubna, magħrufa u moqrija minn kulħadd” (2 Kor 3:2). Drabi oħra juri mill-ġdid lejhom sentiment veru u proprju mhux biss ta’ paternità imma saħansitra ta’ maternità, bħal meta jdur fuq id-destinatarji tiegħu u jindirizzahom: “Uliedi, għal darba oħra qiegħed inħoss l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar fikom” (Gal 4:19; ara wkoll 1 Kor 4:14-15; 1 Tess 2:7-8).

 

Fl-Ittri tiegħu Pawlu jurina wkoll it-tagħlim tiegħu fuq il-Knisja bħala tali. Fil-fatt hi magħrufa ħafna d-definizzjoni oriġinali li jagħti tal-Knisja bħala “ġisem ta’ Kristu”, li ma nsibuha fl-ebda awtur Nisrani ieħor tal-ewwel seklu (ara 1 Kor 12:27; Efes 4:12; 5:30; Kol 1:24). L-aktar għeruq profondi ta’ din it-tifsira sorprendenti tal-Knisja nsibuhom fis-Sagrament tal-ġisem ta’ Kristu. Jgħid San Pawl: “Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed” (1 Kor 10:17). Fl-istess Ewkaristija Kristu jagħtina Ġismu u jagħmilna Ġismu. F’dan is-sens San Pawl jgħid lill-Galatin: “Intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3:28). B’dan kollu Pawlu jfehemna li mhux biss hemm appartenenza tal-Knisja għal Kristu, imma anki ċerta għamla ta’ ekwiparazzjoni u ta’ twaħħid tal-Knisja ma’ Kristu nnifsu. Għalhekk, hu minn hawn li joħorġu l-kobor u n-nobbiltà tal-Knisja, jiġifieri tagħna lkoll li nagħmlu parti minnha: mill-fatt li aħna lkoll membri ta’ Kristu, kważi estensjoni tal-preżenza personali tiegħu fid-dinja. U minn hawn joħroġ, naturalment, id-dmir tagħna li ngħixu tabilħaqq f’rabta waħda ma’ Kristu. Minn hawn ġejjin ukoll l-eżortazzjonijiet ta’ Pawlu dwar id-diversi kariżmi li janimaw u jibnu l-komunità Nisranija. Dawn kollha ħerġin minn għajn waħdanija, li hu l-Ispirtu tal-Missier u tal-Iben, għax nafu tajjeb li fil-Knisja ma hemm ħadd li m’għandux għajnuna, għax, kif jikteb l-Appostlu, “lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd” (1 Kor 12:7). Imma importanti li l-kariżmi kollha jikkoperaw flimkien għall-bini tal-komunità u ma jsirux minflok motiv ta’ tiċrit. Dwar dan, Pawlu jistaqsi b’mod rettoriku: “Jaqaw Kristu mifrud?” (1 Kor 1:13). Hu jaf tajjeb u jgħallimna li hemm bżonn li “żżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda” (Efes 4:3-4).

 

Ovvjament, meta nagħfsu fuq l-esiġenza tal-għaqda ma jfissirx li qed nisħqu li l-ħajja tal-Knisja għandha tkun illivellata b’mod uniformi u b’mod wieħed ta’ kif topera. Band’oħra Pawlu jgħallem biex “ma nxekklux l-Ispirtu” (1 Tess 5:19), jiġifieri nwessgħu qalbna biex nagħmlu wisa’ għad-dinamiżmu imprevedibbli tal-manifestazzjonijiet kariżmatiċi tal-Ispirtu, li hu għajn ta’ enerġija u ta’ ħajja dejjem ġdida. Imma jekk hemm kriterju li Pawlu jemmen ħafna fih, dan hu l-bini ta’ xulxin: “Kollox iservi għall-edifikazzjoni” (1 Kor 14:26). Kollox għandu jgħin biex jinbena b’mod ordnat it-tessut ekkleżjali, mhux biss mingħajr staġnar, imma anki mingħajr ħarbiet u mingħajr tiċrit. Imbagħad hemm ukoll Ittra Pawlina li tasal biex tippreżenta lill-Knisja bħala għarusa ta’ Kristu (ara Efes 5:21-33). Hawn jerġa’ jaqbad metafora profetika antika, li għamlet mill-poplu ta’ Iżrael l-għarusa ta’ Alla fil-patt (ara Hos 2:4,21; Iż 54:5-8): dan biex jgħid kemm huma intimi r-rabtiet bejn Kristu u l-Knisja tiegħu, kemm fis-sens li hija oġġett tal-iżjed imħabba ħelwa ta’ Sidha, u kemm fis-sens li l-imħabba għandha tkun miż-żewġ naħat u li allura aħna wkoll, bħala membri tal-Knisja, għandna nuru fedeltà appassjonata lejh.

 

Għalhekk, hawn għandna bla dubju ta’ xejn relazzjoni ta’ komunjoni: dik biex ngħidulha hekk vertikali bejn Ġesù Kristu u aħna lkoll, imma anki dik orizzontali bejn dawk kollha li jingħarfu fid-dinja għax huma “jsejħu l-isem ta’ Ġesù Kristu” (1 Kor 1:2). Din hi d-definizzjoni tagħna: aħna nagħmlu parti minn dawk li jsejħu l-isem tal-Mulej Ġesù Kristu. Għalhekk nistgħu nifhmu tajjeb kemm tkun ħaġa tajba jekk iseħħ dak li Pawlu nnifsu jawgura meta jikteb lill-Korintin: “Imma jekk ilkoll tipprofetizzaw u jidħol xi ħadd li ma jemminx jew xi katekumenu sempliċi, dan iħoss ruħu mwiddeb minn kulħadd, u ġġudikat minn kulħadd, jinkixfulu l-fehmiet moħbija ta’ qalbu u b’hekk jixteħet wiċċu fl-art u jadura lil Alla u jistqarr: ‘Tassew li Alla f’nofskom!’” (1 Kor 14:24-25). Hekk għandhom ikunu l-laqgħat liturġiċi tagħna. Xi ħadd li mhux Nisrani u jidħol f’xi ġemgħa tagħna fl-aħħar għandu jkun jista’ jgħid: “Tassew li Alla f’nofskom”. Nitolbu lill-Mulej li nkunu hekk, f’komunjoni ma’ Kristu u f’komunjoni bejnietna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard