Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 18 ta’ Ottubru 2006

 

Ġuda l-Iskarjota u Mattija

 

Għeżież ħuti,

 

Illum naslu fi tmiem il-mixja tagħna mal-gallarija ta’ ritratti tal-Appostli msejħa direttament minn Ġesù tul ħajtu fuq din l-art, u ma nistgħux ma nsemmux lil dak li hu dejjem imniżżel l-aħħar wieħed fil-listi tat-Tnax: Ġuda l-Iskarjota. Miegħu hawn nixtiequ norbtu l-persuna li mbagħad ġiet magħżula biex teħodlu postu, jiġifieri Mattija.

 

Diġà s-sempliċi isem Ġuda jqanqal fost l-Insara reazzjoni istintiva ta’ ħtija u ta’ kundanna. It-tifsira tat-titlu “l-Iskarjota” hi diskussa: l-ispjegazzjoni l-aktar aċċettata hi dik ta’ “raġel minn Kirjot” b’riferiment għar-raħal tal-oriġni tiegħu, qrib Ħebron u msemmi darbtejn fl-Iskrittura Mqaddsa (ara Ġoż 15:25; Għam 2:2). Oħrajn jinterpretawh bħala varjazzjoni tat-terminu “sikarju”, bħallikieku jalludi għal gwerillier armat bi stallett li bil-Latin jissejjaħ sica. Fl-aħħar nett, hemm min jara f’dan il-laqam is-sempliċi traskrizzjoni ta’ għerq Lhudi-Aramajk li jfisser ħafna: “dak li kien se jittradih”. Din it-tifsira nsibuha darbtejn fir-Raba’ Vanġelu, jiġifieri wara l-istqarrija ta’ fidi ta’ Pietru (ara Ġw 6:71) u mbagħad waqt id-dilka ta’ Betanja (ara Ġw 12:4). Siltiet oħra juru li t-tradiment kien qed iseħħ, u jgħidu: “dak li ttradieh”; hekk tul l-Aħħar Ċena, wara t-tħabbira tat-tradiment (ara Mt 26:25) u mbagħad fil-mument tal-arrest ta’ Ġesù (ara Mt 26:46,48; Ġw 18:2,5). Imma l-listi tat-Tnax ifakkru l-fatt tat-tradiment bħala li diġà seħħ: “Ġuda l-Iskarjota, dak li ttradieh”, hekk jgħid Marku (3:19); Mattew (10:4) u Luqa (6:16) għandhom forom simili. It-tradiment seħħ f’żewġ mumenti: qabelxejn fit-tfassil tiegħu, meta Ġesù ftiehem mal-għedewwa ta’ Ġesù għal tletin biċċa tal-fidda (ara Mt 26:14-16), u mbagħad fit-twettiq bil-bewsa li ta lill-Imgħallem fil-Ġetsemani (ara Mt 26:46-50). F’kull każ, l-evanġelisti jisħqu fuq il-kwalità ta’ appostlu, li Ġuda kellu f’kull sens: iktar minn darba hu msejjaħ “wieħed mit-Tnax” (Mt 26:14,47; Mk 14:10,20; Ġw 6:71) u “li kien wieħed mit-Tnax” (Lq 22:3). Anzi, għal darbtejn Ġesù jdur fuq l-Appostli u jkellem proprju lilu, jindikah bħala “wieħed minnkom” (Mt 26:21; Mk 14:18; Ġw 6:70; 13:21). U Pietru dwar Ġuda jgħid li “kien wieħed minna u kellu sehmu f’dan il-ministeru tagħna” (Atti 1:17).

 

Mela din hi figura li tagħmel parti mill-grupp ta’ dawk li Ġesù kien għażilhom bħala ħbieb u kollaboraturi stretti tiegħu. Dan iqajjem żewġ mistoqsijiet fit-tentattiv tagħna li nfissru dak li ġara. L-ewwel waħda hi li nistaqsu kif qatt Ġesù għażel lil dan ir-raġel u fada fih. Fil-fatt, wara kollox, għalkemm Ġuda kien l-ekonomu tal-grupp (ara Ġw 12:6b; 13:29a), fir-realtà kien magħruf ukoll bħala “ħalliel” (Ġw 12:6a). Jibqa’ l-misteru tal-għażla, iktar u iktar meta Ġesù jlissen ġudizzju qawwi ħafna fuqu: “Ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti!” (Mt 26:24). Ikbar hu l-misteru dwar ix-xorti eterna li messitu, peress li nafu li Ġuda “nidem u mar bit-tletin biċċa tal-fidda għand il-qassisin il-kbar u x-xjuħ biex jerġa’ jagħtihomlhom lura; u qalilhom: ‘Dnibt, għax ittradejt demm bla ħtija!’” (Mt 27:3-4). Għalkemm hu mbagħad tbiegħed biex mar jitgħallaq (ara Mt 27:5), mhix biċċa tagħna li ngħaddu ġudizzju fuq il-ġest tiegħu, u nieħdu post Alla li hu ta’ ħniena u ġustizzja bla tarf.

 

It-tieni mistoqsija hi dwar ir-raġuni tal-imġiba ta’ Ġuda: għaliex ittradieh lil Ġesù? Il-kwistjoni hi oġġett ta’ iktar minn ipoteżi waħda. Xi wħud jirrikorru għall-fattur tal-kilba tiegħu għall-flus; oħrajn jinsistu fuq spjegazzjoni messjanika: Ġuda tant kien deluż meta ra li Ġesù ma daħħalx fil-programm tiegħu l-liberazzjoni politika-militari ta’ pajjiżu. Fir-realtà, it-testi evanġeliċi jisħqu fuq aspett ieħor: Ġwanni jgħid espressament li “x-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota u daħħallu f’rasu li jittradih” (Ġw 13:2); b’mod simili Luqa jikteb: “Imma x-Xitan daħal f’Ġuda, jgħidulu l-Iskarjota, li kien wieħed mit-Tnax” (Lq 22:3). Dan jeħodna lil hemm mill-motivazzjonijiet storiċi u nistgħu nfissru l-biċċa fid-dawl tar-responsabbiltà personali ta’ Ġuda, li b’ħasra kbira ċeda għal tentazzjoni tal-Ħażin. It-tradiment ta’ Ġuda xorta waħda jibqa’ misteru. Ġesù mexa miegħu ta’ ħabib (ara Mt 26:50), imma, fl-istediniet tiegħu biex jimxi warah fit-triq tal-Beatitudnijiet, ma sfurzax ir-rieda tiegħu u lanqas fetaħlu għajnejh għat-tentazzjonijiet ta’ Satana, biex hekk irrispetta l-libertà umana.

 

Fil-fatt, il-possibbiltajiet li l-qalb umana titħassar huma tassew bosta. L-uniku mod kif nittrattaw magħhom hu billi ma nrawmux fina viżjoni individwalistika biss tal-affarijiet, awtonoma, imma minflok infittxu dejjem mill-ġdid li nkunu fuq in-naħa ta’ Ġesù, nagħmlu tagħna l-perspettiva tiegħu. Jeħtieġ infittxu, jum wara jum, li nkunu f’komunjoni sħiħa miegħu. Niftakru li anki Pietru ried jeħodha kontrih u kontra dak li kien hemm jistennieh f’Ġerusalemm, imma qala’ ċanfira qawwija ħafna: “M’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin” (Mk 8:32-33)! Pietru, wara l-waqgħa tiegħu, nidem u sab il-maħfra u l-grazzja. Anki Ġuda nidem, imma l-indiema tiegħu spiċċat f’disperazzjoni u saret il-qerda tiegħu nnifsu. Din għalina hi stedina biex inżommu dejjem quddiem għajnejna dak li jgħid San Benedittu fi tmiem il-ħames kapitlu fundamentali tar-“Regola” tiegħu: “Qatt la taqta’ qalbek mill-ħniena ta’ Alla”. Fir-realtà Alla “Alla hu aqwa mill-kuxjenza tagħna”, kif jgħid San Ġwann (1 Ġw 3:20). Mela nżommu quddiem għajnejna żewġ affarijiet. L-ewwel: Ġesù jirrispetta l-libertà tagħna. It-tieni: Ġesù jistenna d-disponibbiltà tagħna għall-indiema u għall-konverżjoni; hu għani fil-ħniena u l-maħfra. Mill-bqija, meta naħsbu fir-rwol negattiv ta’ Ġuda rridu nqegħduh fil-mod wisq ogħla kif Alla jmexxi l-ġrajjiet. It-tradiment tiegħu wassal għall-mewt ta’ Ġesù, li bidel dan is-sagrifiċċju tremend fi spazju ta’ mħabba feddejja u fl-għotja tiegħu nnifsu lill-Missier (ara Gal 2:20; Efes 5:2,25). Il-verb “tittradixxi” huwa l-verżjoni ta’ kelma Griega li tfisser “tgħaddi lil”. Xi kultant is-suġġett tiegħu hu saħansitra Alla nnifsu: kien hu li għax ħabbna lil Ġesù “tah” għalina lkoll (ara Rum 8:32). Fil-pjan salvifiku misterjuż tiegħu, Alla jagħmel tiegħu l-ġest mhux skużabbli ta’ Ġuda biex minnu jagħmel okkażjoni għall-għotja sħiħa tal-Iben għall-fidwa tad-dinja.

 

Biex nagħlqu, irridu nfakkru wkoll lil dak li wara l-Għid ġie magħżul flok it-traditur. Fil-Knisja ta’ Ġerusalemm kienu tnejn li ġew proposti mill-komunità u mbagħad intefgħet ix-xorti fuqhom: “Ġużeppi msejjaħ Barsaba, li jgħidulu wkoll Ġustu, u Mattija” (Atti 1:23). Dan tal-aħħar kien il-magħżul, hekk li “ssieħeb mal-ħdax-l appostlu” (Atti 1:26). Fuqu ma nafu xejn iżjed, ħlief li anki hu kien xhud tal-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art (ara Atti 1:21-22), u baqa’ fidil lejh sal-aħħar. Mal-kobor ta’ din il-fedeltà tiegħu mbagħad żdiedet is-sejħa divina biex jieħu post Ġuda, biex kważi jagħmel tajjeb għat-tradiment tiegħu. Minn hawn noħorġu l-aħħar lezzjoni: imqar jekk fil-Knisja ma jonqsux Insara li mhumiex denji u huma tradituri, kull wieħed u waħda minna għandu jfittex kif jagħmel tajjeb għall-ħażen li għamlu huma bix-xhieda trasparenti tagħna ta’ Ġesù Kristu, il-Mulej u Feddej tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard