Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 17 ta’ Mejju 2006

 

Pietru, is-sajjied

Għeżież ħuti,

 

Fis-serje ġdida ta’ katekeżi fittixna qabelxejn li nifhmu aħjar x’inhi l-Knisja, x’inhu l-ħsieb tal-Mulej għal din il-familja ġdida. Imbagħad għidna li l-Knisja hi ħajja fil-persuni. U rajna li l-Mulej fada din ir-realtà ġdida, il-Knisja, f’idejn it-tnax-il Appostlu. Issa nixtiequ nħarsu lejhom wieħed wieħed, biex nifhmu fil-persuni xi jfisser tgħix bħala Knisja, xi jfisser timxi wara Ġesù. U nibdew b’San Pietru.

 

Wara Ġesù, Pietru huwa l-aktar persunaġġ magħruf u kkwotat fil-kitbiet neotestamentarji: jissemma 154 darba bl-isem ta’ Pétros, “ġebla”, “blata”, li hi traduzzjoni Griega tal-isem Aramajk li tah direttament Ġesù, Kefa, imsemmi 9 darbiet fuq kollox fl-ittri ta’ Pawlu; imbagħad irridu nżidu l-isem frekwenti Simòn (75 darba), li hu forma fil-Grieg tal-isem oriġinali fl-Ebrajk Simeòn (darbtejn: Atti 15:14; 2 Piet 1:1). Bin Ġwanni (ara Ġw 1:42) jew, fil-forma Aramajka, bar-Jona, bin Ġona (ara Mt 16:17), Xmun kien minn Betsajda (ara Ġw 1:44), belt fuq il-lvant tal-Baħar tal-Galilija, li minnha kienu ġejjin ukoll Filippu u naturalment Indrì, ħu Xmun. Il-kisra ta’ kliemu kienet tikxef l-aċċent Galilew tiegħu. Hu wkoll, bħal ħuh, kien sajjied: mal-familja ta’ Żebedew, missier Ġakbu u Ġwanni, kellu ażjenda ċkejkna tas-sajd fuq l-għadira ta’ Ġennesaret (ara Lq 5:10). Għalhekk aktarx kien igawdi minn ċertu status ekonomiku u kien imqanqal minn interess reliġjuż ġenwin, minn xewqa għal Alla – hu kien jixtieq li Alla jintervieni fid-dinja – xewqa li wasslitu biex flimkien ma’ ħuh imur sal-Lhudija biex jisma’ l-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista (Ġw 1:35-42).

 

Kien Lhudi prattikanti u osservanti, fiduċjuż fil-preżenza ta’ Alla li jaħdem fl-istorja tal-poplu tiegħu, u qalbu tuġgħu li ma kienx qed jara l-id qawwija tiegħu taħdem fil-ġrajjiet li tagħhom, f’dak iż-żmien, hu kien xhud. Kien miżżewweġ u l-kunjata tiegħu, li darba Ġesù fejjaq, kienet tgħix fil-belt ta’ Kafarnahum, fid-dar li fiha anki Xmun kien joqgħod meta kien ikun f’dik il-belt (ara Mt 8:14s; Mk 1:29ss; Lq 4:38s). Skavi arkeoloġiċi riċenti kixfu għad-dawl, taħt l-art tal-mużajk ottagonali ta’ Knisja Biżantina ċkejkna, ħjiel ta’ knisja eqdem imwaqqfa f’dik id-dar, kif jixhdu l-graffiti b’invokazzjonijiet lil Pietru. Il-Vanġeli jgħarrfuna li Pietru kien wieħed mill-ewwel erba’ dixxipli tan-Nazzarenu (ara Lq 5:1-11), li magħhom jiżdied il-ħames, skont id-drawwa ta’ kull Rabbi li jkollu ħames dixxipli (ara Lq 5:27: imsejjaħ Levi). Meta Ġesù għadda minn ħames dixxipli għal tnax (ara Lq 9:1-6), deher ċar il-karattru ġdid tal-missjoni tiegħu: hu mhuwiex wieħed mill-ħafna rabbini, imma hu ġie biex jiġma’ lil Iżrael eskatoloġiku, issimbolizzat min-numru tnax, daqskemm kienu t-tribujiet ta’ Iżrael.

 

Fil-Vanġeli Xmun jidher bħala karattru deċiż u impulsiv; hu lest li juri kif jaħsibha anki bil-forza (biżżejjed naħsbu fl-użu tas-sejf fil-Ġnien taż-Żebbuġ: ara Ġw 18:10s). Fl-istess ħin, kultant narawh inġenwu u beżżiegħ, imma onest, sal-indiema l-aktar sinċiera (ara Mt 26:75). Il-Vanġeli jħalluna nsegwu pass pass il-mixja spiritwali tiegħu. Il-punt tat-tluq hu s-sejħa min-naħa ta’ Ġesù. Din isseħħ f’jum kien li kien, waqt li Pietru kien għaddej bix-xogħol tiegħu ta’ sajjied. Ġesù kien ħdejn l-għadira ta’ Ġennesaret u l-ġemgħa kienet qed tross fuqu biex tisimgħu. L-għadd ta’ semmiegħa joħloq ċerta skumdità. L-Imgħallem lemaħ żewġ dgħajjes max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom biex jaħslu x-xbieki. Hawn hu talab li jitla’ fuq id-dgħajsa, dik ta’ Xmun, u riedu jaqla’ ftit ’il barra. Bilqiegħda fuq dik il-katedra ta’ bla ħsieb, beda jipprietka lill-folol minn fuq id-dgħajsa (ara Lq 5:1-3). U hekk id-dgħajsa ta’ Pietru ssir il-katedra ta’ Ġesù. Meta temm jitkellem, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Xmun wieġbu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5:4-5). Ġesù, li kien mastrudaxxa, ma kienx xi espert tas-sajd: imma Xmun is-sajjied jafda f’dan ir-Rabbi, li ma jagħtihx tweġibiet imma jsejjaħlu biex jafda. Ir-reazzjoni tiegħu quddiem il-qabda mirakoluża hi dik ta’ stagħġib u ta’ tregħid bil-biża’: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!” (Lq 5:8). Ġesù jwieġeb billi jistiednu għall-fiduċja u biex jiftaħ qalbu għal pjan li kien imur lil hemm minn kulma seta’ jara hu: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies” (Lq 5:10). Pietru kien għadu ma setax jimmaġina li jum wieħed għad jasal Ruma u hawn kien se jkun “sajjied tal-bnedmin” għall-Mulej. Hu jaċċetta din is-sejħa sorprendenti, li jidħol għal din l-avventura kbira: hu ġeneruż, jaf li hu limitat, imma jemmen f’dak li qed isejjaħlu u jimxi wara l-ħolma ta’ qalbu. Jgħid iva – iva kuraġġjuża u ġeneruża –, u jsir dixxiplu ta’ Ġesù.

 

Mument ieħor sinifikattiv fil-mixja spiritwali tiegħu Pietru għexu qrib Ċesarija ta’ Filippu, meta Ġesù għamel lid-dixxipli tiegħu mistoqsija preċiża: “Min jgħidu n-nies li jien?” (Mk 8:27). Imma għal Ġesù ma kinitx biżżejjed it-tweġiba ta’ x’semgħu lin-nies jgħidu. Minn fomm min aċċetta li jkun involut personalment miegħu jixtieq jaf x’inhi l-pożizzjoni personali tiegħu. Għalhekk ikompli jistaqsi: “Imma intom min tgħidu li jien?” (Mk 8:29). Huwa Pietru li jwieġeb f’isem l-oħrajn: “Inti l-Kristu” (ibid.), jiġifieri l-Messija. Din it-tweġiba ta’ Pietru, li ma kinitx ġejja mid-“demm u l-laħam” tiegħu, imma ġiet mogħtija lilu mill-Missier tas-Sema (ara Mt 16:17), qed iġġorr fiha bħal f’żerriegħa li twarrad l-istqarrija futura tal-fidi tal-Knisja. Madankollu Pietru kien għadu ma fehemx il-kontenut profond tal-missjoni messjanika ta’ Ġesù, is-sens ġdid ta’ din il-kelma: Messija. Dan jurih ftit tal-ħin wara, u jagħtina x’nifhmu li l-Messija li qed jiġri warajh fil-ħolm tiegħu hu differenti ħafna mill-pjan veru ta’ Alla. Quddiem it-tħabbira tal-passjoni jiskandalizza ruħu u jipprotesta, u hekk iqanqal ir-reazzjoni qawwija ta’ Ġesù (ara Mk 8:32-33). Pietru jrid Messija “bniedem divin”, li jaqta’ x-xewqat tan-nies billi jimponi l-qawwa kollha tiegħu: din hi wkoll ix-xewqa tagħna li l-Mulej jimponi qawwietu u jibdel minnufih id-dinja; Ġesù jippreżenta ruħu bħala l-“Alla uman”, il-qaddej ta’ Alla, li jfixkel il-ħsieb ta’ dak li kienet qed tistenna minnu l-folla billi jaqbad mixja ta’ umiltà u ta’ tbatija. Hija l-alternattiva l-kbira, li aħna wkoll dejjem irridu nitgħallmu mill-ġdid: jew ħa nipprivileġġjaw ix-xewqat tagħna u niċħdu lil Ġesù, jew ħa nilqgħu lil Ġesù fil-verità tal-missjoni tiegħu u nwarrbu għall-ġenb ix-xewqat umani żżejjed. Pietru – ta’ żaqqu f’fommu kif kien – ma ħasibhiex darbtejn biex jiġbed lil Ġesù fil-ġenb u jlumu. It-tweġiba ta’ Ġesù tfarrak it-tamiet foloz kollha tiegħu, waqt li ssejjaħlu għall-konverżjoni u għall-mixja vera warajh: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!” (Mk 8:33). Mhux int turini t-triq, imma jien naf it-triq li ħa nimxi u int oqgħod warajja.

 

Hekk Pietru jitgħallem xi jfisser tassew timxi wara Ġesù. Din hi t-tieni sejħa tiegħu, tixbah lil dik ta’ Abraham f’Ġen 22, wara dik ta’ Ġen 12: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha” (Mk 8:34-35). Din hi l-liġi esiġenti ta’ min jimxi wara l-Mulej: trid tagħraf tiċħad, jekk hemm bżonn, id-dinja kollha biex issalva l-veri valuri, biex issalva ruħek, biex issalva l-preżenza ta’ Alla fid-dinja (ara Mk 8:36-37). Imqar jekk bi tbatija, Pietru jilqa’ l-istedina u jkompli miexi fuq il-passi tal-Imgħallem.

 

U jidhirli li dawn id-diversi konverżjonijiet ta’ San Pietru u l-figura sħiħa tiegħu huma ta’ faraġ kbir u ta’ tagħlim għoli għalina. Aħna wkoll għandna xewqa ta’ Alla, anki aħna nixtiequ nkunu ġenerużi, imma aħna wkoll nippretendu li Alla jkun qawwi fid-dinja u jibdel minnufih id-dinja skont l-ideat tagħna, skont xi ħtiġijiet naraw aħna. Alla jagħżel triq oħra. Alla jagħżel it-triq tat-trasformazzjoni tal-qlub fit-tbatija u fl-umiltà. U aħna, bħal Pietru, jeħtieġ nikkonvertu dejjem mill-ġdid. Jeħtieġ nimxu wara Ġesù u mhux qablu: huwa hu li jurina t-triq. Hekk jgħidilna Pietru: Int taħseb li għandek ir-riċetta u li trid tibdel il-Kristjaneżmu, imma hu l-Mulej li jafha t-triq. Hu l-Mulej li jgħid lili, li jgħid lilek: Imxi warajja! U jrid ikollna l-kuraġġ u l-umiltà li nimxu wara Ġesù, għax hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard