Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 15 ta’ Marzu 2006

 

Ir-rieda ta’ Ġesù għall-Knisja u l-għażla tat-Tnax

 

Għeżież ħuti,

 

Wara l-katekeżi fuq is-Salmi u fuq il-Kantiċi tal-Lawdi u tal-Għasar, nixtieq niddedika l-laqgħat li ġejjin ta’ nhar ta’ Erbgħa lill-misteru tar-rabta bejn Kristu u l-Knisja, u se nħarsu lejha billi nitilqu mill-esperjenza tal-Appostli, fid-dawl tal-missjoni fdata lilhom. Il-Knisja ġiet imwaqqfa fuq is-sisien tal-Appostli bħala komunità ta’ fidi, ta’ tama u ta’ mħabba. Permezz tal-Appostli naslu għal għand Kristu nnifsu. Il-Knisja bdiet tinbena meta xi sajjieda tal-Galilija ltaqgħu ma’ Ġesù, intrebħu mill-ħarsa tiegħu, mil-leħen tiegħu, mill-istedina tiegħu ħajja u qawwija: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin!” (Mk 1:17; Mt 4:19). Il-Predeċessur maħbub tiegħi, Ġwanni Pawlu II, fil-bidu tat-tielet millennju ppropona lill-Knisja li tikkontempla l-wiċċ ta’ Kristu (ara Novo millennio ineunte, 16ss). F’dik l-istess direzzjoni, fil-katekeżijiet li qed nibda llum nixtieq nuri kif sewwasew id-dawl ta’ dak il-Wiċċ jirrifletti fuq il-wiċċ tal-Knisja (ara Lumen gentium, 1), minkejja l-limiti u d-dellijiet tal-umanità tagħna dgħajfa u midinba. Wara Marija, mera safja tad-dawl ta’ Kristu, huma l-Appostli, bil-kelma u bix-xhieda tagħhom, li jgħaddulna l-verità ta’ Kristu. Imma l-missjoni tagħhom mhix maqtugħa għaliha waħidha, imma tinsab fi ħdan misteru ta’ komunjoni, li fih hemm imdaħħal il-Poplu kollu ta’ Alla u li jitwettaq biċċa biċċa, mill-Patt il-Qadim sa dak Ġdid.

 

Dwar dan irridu ngħidu li l-messaġġ ta’ Ġesù nkunu nifhmuh għalkollox b’mod żbaljat jekk naqilgħuh mill-kuntest tal-fidi u tat-tama tal-poplu l-magħżul: bħall-Battista, il-prekursur immedjat tiegħu, Ġesù jdur l-ewwel fuq Iżrael (ara Mt 15:24), biex jagħmel minnu l-“ħsad” fiż-żmien eskatoloġiku li huwa ġab miegħu. U bħal dik ta’ Ġwanni, hekk il-predikazzjoni ta’ Ġesù hija fl-istess ħin sejħa ta’ grazzja u sinjal ta’ kontradizzjoni u ta’ ħaqq għall-poplu kollu ta’ Alla. Għalhekk, sa mill-ewwel mument tal-ħidma salfivika tiegħu, Ġesù ta’ Nazaret ifittex li jiġbor lill-Poplu ta’ Alla. Imqar jekk il-predikazzjoni tiegħu hija dejjem sejħa għall-konverżjoni personali, hu fir-realtà jimmira kontinwament għall-bini tal-Poplu ta’ Alla li huwa ġie biex jiġbor, biex isaffi u biex jifdi. Għaldaqstant, hija żbilanċjata u nieqsa minn kull bażi l-interpretazzjoni individwalistika, proposta mit-teoloġija liberali, tat-tħabbira tas-Saltna li jagħmel Kristu. Hekk ġabarha fil-qosor fis-sena 1900 it-teologu liberali kbir Adolf von Harnack fil-lezzjonijiet tiegħu fuq L-essenza tal-Kristjaneżmu: “Is-saltna ta’ Alla tasal, jekk tasal fi bnedmin singoli, tidħol fir-ruħ tagħhom u huma jilqgħuha. Is-saltna ta’ Alla hi l-ħakma ta’ Alla, bla dubju, imma hija l-ħakma ta’ Alla l-qaddis fuq kull qalb” (It-Tielet Lezzjoni, 100s). Fir-realtà, dan l-individwaliżmu tat-teoloġija liberali hu aċċentwazzjoni tipikament moderna: fil-perspettiva tat-tradizzjoni biblika u fix-xefaq tal-Ġudaiżmu, fejn tinsab l-opra ta’ Ġesù, imqar jekk bil-karattru ġdid tagħha, joħroġ ċar li l-missjoni kollha tal-Iben magħmul bniedem għandha finalità komunitarja: huwa ġie sewwasew biex jiġbor l-umanità mxerrda, ġie sewwasew biex jiġbor, biex jgħaqqad il-poplu ta’ Alla.

 

Sinjal ċar tal-fehma tan-Nazzarenu li jiġbor il-komunità tal-patt, biex juri fiha t-twettiq tal-wegħdiet magħmula lill-Missirijiet, li jitkellmu dejjem fuq sejħa, fuq ġabra flimkien, fuq għaqda, huwa l-għażla tat-Tnax. Smajnieh il-Vanġelu ta’ din l-għażla tat-Tnax. Se naqra minnu għal darb’oħra l-parti ċentrali: “Tela’ fuq l-għolja u sejjaħ lejh lil dawk li ried. Huma resqu lejh, u għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jipprietkaw, u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten. Għażel mela t-Tnax…” (Mk 3:13-16; ara Mt 10:1-4; Lq 6:12-16). Fil-post tar-rivelzzjoni, “l-għolja”, Ġesù, b’inizjattiva li turi għarfien u determinazzjoni assoluta, jagħżel it-Tnax biex miegħu jkunu xhieda u ħabbara tal-wasla tas-Saltna ta’ Alla. Fuq l-istoriċità ta’ din is-sejħa m’hemmx dubji, mhux biss minħabba l-qedem u l-kotra ta’ xhieda, imma anki minħabba s-sempliċi raġuni li fosthom hemm isem Ġuda, l-appostlu traditur, minkejja d-diffikultà li din il-preżenza setgħet iġġib għall-komunità li kienet għadha titwieled. In-numru Tnax, li b’mod l-aktar ċar ifakkar fit-tnax-il tribù ta’ Iżrael, diġà juri t-tifsira tal-azzjoni profetika-simbolika impliċita fl-inizjattiva ġdida tat-twaqqif mill-ġdid tal-poplu qaddis. Issa li s-sistema tat-tnax-il tribù ta’ Iżrael kienet ilha żmien li ġiet fix-xejn, it-tama ta’ Iżrael kienet qed tistenna t-twaqqif mill-ġdid tagħhom bħala sinjal tal-miġja taż-żmien eskatoloġiku (biżżejjed naħsbu fl-għeluq tal-ktieb ta’ Eżekjel: 37:15-19; 39:23-29; 40-48). Meta għażel lit-Tnax, u introduċiehom għal komunjoni ta’ ħajja miegħu u tahom sehem fil-missjoni tiegħu tax-xandir tas-Saltna bil-kliem u bl-għemil (ara Mk 6:7-13; Mt 10:5-8; Lq 9:1-6;  6:13), Ġesù ried juri li kien wasal iż-żmien defenittiv li fih kien se jitwaqqaf il-poplu ġdid ta’ Alla, il-poplu tat-tnax-il tribù, li issa jsir poplu universali, il-Knisja tiegħu.

 

Bl-istess eżistenza tagħhom it-Tnax – imsejħin minn postijiet differenti – isiru sejħa għal Iżrael kollu biex jindem u jidħol jagħmel parti mill-patt il-ġdid, twettiq sħiħ u perfett tal-qadim. Meta fl-Ikla, qabel il-Passjoni tiegħu, fdalhom il-missjoni li jiċċelebraw it-tifkira tiegħu, Ġesù wera kif ried jgħaddi lill-komunità sħiħa fil-persuna tal-kapijiet tagħha l-mandat li tkun, fl-istorja, sinjal u strument tax-xirka eskatoloġika, li bdiet fih. F’ċertu sens nistgħu ngħidu li l-Aħħar Ċena hi sewwasew l-att tat-twaqqif tal-Knisja, għax hu jagħti lilu nnifsu u hekk joħloq komunità ġdida, komunità miġbura fil-komunjoni miegħu stess. F’dan id-dawl, nistgħu nifhmu kif l-Irxoxt – bit-tiswib tal-Ispirtu s-Santu – jagħtihom il-qawwa li jaħfru d-dnubiet (ara Ġw 20:23). Hekk it-tnax-il Appostlu jsiru l-iktar sinjal ċar tar-rieda ta’ Ġesù dwar il-ħajja u l-missjoni tal-Knisja tiegħu, il-garanzija li bejn Kristu u l-Knisja m’hemm l-ebda kuntrast: ma tistax tifridhom minn xulxin, minkejja d-dnubiet tal-bnedmin li minnhom hi magħmula l-Knisja. Għalhekk bl-ebda mod ma jaqbel mal-fehma ta’ Kristu dak l-islogan li kien moda xi snin ilu: “Ġesù iva, imma l-Knisja le”. Dan Ġesù magħżul b’mod individwalistiku huwa Ġesù tal-fantasija. Ma jistax ikollna lil Ġesù mingħajr ir-realtà li huwa ħoloq u li fiha jikkomunika ruħu. Bejn l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem u l-Knisja tiegħu hemm kontinwità profonda, inseparabbli u misterjuża, li bil-qawwa tagħha Kristu huwa preżenti llum fil-poplu tiegħu. Huwa dejjem kontemporanju tagħna, huwa dejjem kontemporanju għall-Knisja mibnija fuq is-sisien tal-Appostli, huwa ħaj fis-suċċessjoni tal-Appostli. U din il-preżenza tiegħu fil-komunità, li fiha huwa stess jagħti dejjem lilu nnifsu lilna, hija raġuni għall-ferħ tagħna. Iva, Kristu jinsab magħna, is-Saltna ta’ Alla waslet.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard