Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 10 ta’ Jannar 2007

 

Stiefnu, il-Protomartri

 

Għeżież ħuti,

 

Wara ż-żmien tal-festi nerġgħu lura għall-katekeżi tagħna. Kont immeditajt magħkom il-figuri tat-tnax-il Appostlu u ta’ San Pawl. Imbagħad bdejna nirriflettu fuq il-figuri l-oħra tal-Knisja tal-bidu u hekk illum nixtiequ nieqfu fuq il-persuna ta’ San Stiefnu, iffesteġġjat mill-Knisja l-għada tal-Milied. San Stiefnu huwa l-aktar rappreżentattiv minn grupp ta’ sebat iħbieb. It-tradizzjoni tilmaħ f’dan il-grupp iż-żerriegħa tal-ministeru futur tad-‘djakni’, anki jekk irridu ngħidu li din id-denominazzjoni ma nsibuhiex fil-Ktieb tal-Atti. L-importanza ta’ Stiefnu xorta waħda toħroġ mill-fatt li Luqa, f’dan il-ktieb importanti tiegħu, jiddedikalu żewġ kapitli sħaħ.

 

Ir-rakkont ta’ Luqa jibda billi jagħtina tqassim li sar fi ħdan il-Knisja bikrija ta’ Ġerusalemm: din, iva, kienet magħmula kollha kemm hi minn Insara ta’ oriġni Lhudija, imma fost dawn xi wħud kienu ġejjin mill-art ta’ Iżrael u kienu msejħa “Lhud”, waqt li oħrajn ta’ fidi Lhudija veterotestamentarja kienu ġejjin mid-dijaspora ta’ lingwa Griega u kienu msejħa “Ellenisti”. Din kienet il-problema li bdiet tidher: dawk l-iktar fil-bżonn fost l-Ellenisti, speċjalment in-nisa romol mingħajr ebda appoġġ soċjali, kienu qed jirriskjaw li jiġu ttraskurati fl-għajnuna meħtieġa għall-ħajja ta’ kuljum. Biex jagħmlu tajjeb għal din id-diffikultà l-Appostli, waqt li żammew għalihom it-talb u l-ministeru tal-Kelma bħala d-dmir ċentrali tagħhom, qatgħuha li jqabbdu “sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf” biex iwettqu huma din il-ħidma ta’ assistenza (Atti 6:2-4), jiġifieri tas-servizz soċjali tal-karità. Għal dan il-għan, kif jikteb Luqa, fuq stedina tal-Appostli d-dixxipli ħatru sebat irġiel. Għandna wkoll ismijiethom. Dawn huma: “Stiefnu, bniedem mimli bil-fidi u bl-Ispirtu s-Santu, lil Filippu, lil Prokoru, lil Nikanor, lil Timon, lil Parmena, u lil Nikola, prosèlita minn Antijokja. Lil dawn ressquhom quddiem l-appostli, li talbu u qiegħdu jdejhom fuqhom” (Atti 6:5-6).

 

Il-ġest tat-tqegħid tal-idejn jista’ jkollu bosta tifsiriet. Fit-Testment il-Qadim il-ġest għandu fuq kollox it-tifsira li jgħaddi inkarigu importanti, kif għamel Mosè ma’ Ġożwè (ara Num 27:18-23), u hekk ħatar is-suċċesur tiegħu. F’din il-linja anki l-Knisja ta’ Antjokja użat dan il-ġest biex tibgħat lil Pawlu u Barnaba f’missjoni għand il-ġnus tad-dinja (ara Atti 13:3). Għal tqegħid simili tal-idejn fuq Timotju, biex jingħadda lilu inkarigu uffiċjali, jirreferu ż-żewġ Ittri Pawlini indirizzati lilu (ara 1 Tim 4:14; 2 Tim 1:6). Li kienet azzjoni importanti, li sseħħ wara dixxerniment, nifhmuh minn dak li naqraw fl-Ewwel Ittra lil Timotju: “Tkunx ħafif biex tqiegħed idejk fuq dak li jkun; tisseħibx fid-dnubiet ta’ ħaddieħor” (5:22). Mela naraw li l-ġest tat-tqegħid tal-idejn jiżviluppa fil-linja ta’ sinjal sagramentali. Fil-każ ta’ Stiefnu u sħabu bla dubju għandna t-trasmissjoni uffiċjali, min-naħa tal-Appostli, ta’ inkarigu u fl-istess ħin tat-talba għal grazzja biex iwettquh.

 

L-aktar ħaġa importanti li rridu ninnotaw hi li, barra s-servizzi ta’ karità, Stiefnu jwettaq ukoll ħidma ta’ evanġelizzazzjoni ma’ nies mill-istess ġens tiegħu, l-hekk imsejħa “Ellenisti”. Luqa fil-fatt jagħfas fuq il-fatt li hu, “kollu grazzja u qawwa” (Atti 6:8), jippreżenta f’isem Ġesù interpretazzjoni ġdida ta’ Mosè u tal-istess Liġi ta’ Alla, jerġa’ jaqra t-Testment il-Qadim fid-dawl tat-tħabbira tal-mewt u tal-qawmien ta’ Ġesù. Dan il-qari ġdid tat-Testment il-Qadim, qari Kristoloġiku, iqanqal ir-reazzjonijiet tal-Lhud li kliemu jħossuh bħal dagħwa (ara Atti 6:11-14). Għal din ir-raġuni hu jiġi kkundannat għat-tħaġġir. U San Luqa jgħaddilna l-aħħar diskors tal-qaddis, sintesi tal-predikazzjoni tiegħu. Kif Ġesù kien wera lid-dixxipli ta’ Għemmaws li t-Testment il-Qadim kollu jitkellem fuqu, fuq is-salib tiegħu u fuq il-qawmien tiegħu, hekk San Stiefnu, skont it-tagħlim ta’ Ġesù, jaqra t-Testment il-Qadim kollu f’dawl Kristoloġiku. Juri li l-misteru tas-Salib jinsab fiċ-ċentru tal-istorja tas-salvazzjoni rrakkuntata fit-Testment il-Qadim, juri li tassew Ġesù, il-mislub u l-irxoxt, huwa l-punt ta’ riferiment ta’ din l-istorja kollha. U hekk juri wkoll li l-kult tat-tempju ntemm u li Ġesù, l-irxoxt, huwa t-“tempju” ġdid u veru. Proprju dan il-“le” għat-tempju u għall-kult tiegħu jqanqal il-kundanna ta’ San Stiefnu, li, f’dan il-mument – jgħidilna San Luqa – b’għajnejh imsammra fis-sema jara l-glorja ta’ Alla u lil Ġesù fuq il-lemin tiegħu. U meta lemaħ is-sema, lil Alla u lil Ġesù, San Stiefnu qal: “Ara, qiegħed nara s-sema miftuħ u lil Bin il-bniedem fil-lemin ta’ Alla” (Atti 7:56). Wara jiġi l-martirju tiegħu, li fil-fatt hu msawwar fuq il-passjoni ta’ Ġesù nnifsu, għax hu jrodd lill-“Mulej Ġesù” r-ruħ tiegħu u jitlob biex id-dnub tal-qattiela tiegħu ma jingħaddilhomx (ara Atti 7:59-60).

 

Il-post tal-martirju ta’ Stiefnu f’Ġerusalemm tradizzjonalment hu ftit ’il barra mill-Bieb ta’ Damasku, fit-tramuntana, fejn illum hemm wieqfa appuntu l-Knisja ta’ Saint-Étienne maġenb il-magħrufa École Biblique tad-Dumnikani. Wara l-qtil ta’ Stiefnu, l-ewwel martri ta’ Kristu, kien hemm persekuzzjoni lokali kontra d-dixxipli ta’ Ġesù (ara Atti 8:1), l-ewwel waħda fl-istorja tal-Knisja. Din kienet l-okkażjoni konkreta li wasslet lill-grupp ta’ Nsara Lhud-Ellenisti biex jaħarbu minn Ġerusalemm u jixterdu. Imkeċċija minn Ġerusalemm, huma nbidlu f’missjunarji itineranti: “Imma dawk li xterdu bdew ixandru l-kelma kull fejn marru” (Atti 8:4). Il-persekuzzjoni u t-tixrid li ġie wara nbidlu f’missjoni. Hekk il-Vanġelu xtered fis-Samarija, fil-Feniċja u fis-Sirja sal-belt kbira ta’ Antjokja, fejn skont Luqa ġie mħabbar għall-ewwel darba anki lill-pagani (ara Atti 11:19-20) u fejn imbagħad dewa għall-ewwel darba l-isem ta’ “Kristjani” (Atti 11:26).

 

B’mod partikulari, Luqa jinnota li dawk li ħaġġru lil Stiefnu “qiegħdu ħwejjiġhom f’riġlejn żagħżugħ jismu Sawl” (Atti 7:58), l-istess wieħed li minn persekutur sar appostlu insinji tal-Vanġelu. Dan ifisser li ż-żagħżugħ Sawl b’xi mod sema’ l-predikazzjoni ta’ Stiefnu, u allura kien jaf bejn wieħed u ieħor il-predikazzjoni tiegħu. U San Pawl aktarx kien fost dawk li, meta segwew u semgħu dan id-diskors, “ħassew kliemu jinfdilhom qalbhom u bdew jgħażżu snienhom kontra tiegħu” (Atti 7:54). U hawn nistgħu naraw il-mod tal-għaġeb kif taħdem il-Providenza divina. Sawl, avversarju akkanit tal-viżjoni ta’ Stiefnu, wara l-laqgħa ma’ Kristu rxoxt fit-triq ta’ Damasku, jerġa’ jaqbad il-qari Kristoloġiku tat-Testment il-Qadim li għamel il-Protomartri, jinżel iktar fil-fond tiegħu u jżid fuqu, u hekk isir l-“Appostlu tal-Ġnus”. Il-Liġi tilħaq il-milja tagħha, hekk jgħallem hu, fis-salib ta’ Kristu. U l-fidi fi Kristu, il-komunjoni mal-imħabba ta’ Kristu hija l-veru twettiq tal-Liġi kollha. Dan hu l-kontenut tal-predikazzjoni ta’ Pawlu. Hekk hu jurina li Alla ta’ Abraham isir Alla ta’ kulħadd. U dawk kollha li jemmnu f’Ġesù Kristu, bħala wlied Abraham, għandhom sehem mill-wegħdiet. Fil-missjoni ta’ San Pawl titwettaq il-viżjoni ta’ Stiefnu.

 

L-istorja ta’ Stiefnu tgħidilna ħafna affarijiet. Ngħidu aħna, tgħallimna li qatt m’għandna nifirdu l-impenn soċjali tal-karità mit-tħabbira qalbiena tal-fidi. Kien wieħed mis-sebgħa inkarigat fuq kollox mill-karità. Imma ma setax jifred minn xulxin il-karità u x-xandir. Hekk, bil-karità, ixandar lil Kristu msallab, sal-punt li jilqa’ wkoll il-martirju. Din hija l-ewwel lezzjoni li nistgħu nitgħallmu mill-figura ta’ San Stiefnu: karità u xandir imorru dejjem id f’id. Fuq kollox, San Stiefnu jkellimna dwar Kristu, Kristu mislub u rxoxt bħala l-qalba tal-istorja u ta’ ħajjitna. Nistgħu nifhmu li s-Salib jibqa’ dejjem ċentrali fil-ħajja tal-Knisja u anki fil-ħajja personali tagħna. Fl-istorja tal-Knisja mhux sa tonqos qatt il-passjoni, il-persekuzzjoni. U proprju l-persekuzzjoni ssir, skont il-frażi ċelebri ta’ Tertulljanu, għajn ta’ missjoni għall-Insara ġodda. Nikkwota kliemu: “Aħna nitkattru kull darba li minnkom niġu maħsuda: id-demm tal-Insara hu żerriegħa” (Apologetico 50,13: Plures efficimur quoties metimur a vobis: semen est sanguis christianorum). Imma f’ħajjitna wkoll is-salib, li qatt mhu ħa jonqos, isir barka. U meta nilqgħu s-salib, għax nafu li hu jsir u hu barka, nitgħallmu l-ferħ tan-Nisrani anki fil-mumenti ibsin. Il-valur tax-xhieda xejn ma jeħodlu postu, għax għaliha jwassal il-Vanġelu u minnha titmantna l-Knisja. San Stiefnu jgħallimna ngħożżu dawn il-lezzjonijiet, jgħallimna nħobbu s-Salib, għax din hi t-triq li minnha Kristu jasal dejjem mill-ġdid f’nofsna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard