Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 9 ta’ Awwissu 2006

 

Ġwanni, it-teologu

 

Għeżież ħuti,

 

Qabel il-btajjel kont bdejt b’ritratti żgħar tat-Tnax-il Appostlu. L-Appostli kienu sħab ta’ Ġesù fit-triq, ħbieb ta’ Ġesù, u din il-mixja tagħhom ma’ Ġesù ma kinitx biss mixja minn barra, mill-Galilija għal Ġerusalemm, imma mixja ġewwenija li fiha tgħallmu l-fidi f’Ġesù Kristu, mhux mingħajr diffikultajiet għax huma kienu bnedmin bħalna. Imma proprju għalhekk, għax kienu sħab Ġesù fit-triq, ħbieb ta’ Ġesù li f’mixja xejn faċli tgħallmu l-fidi, huma wkoll gwida għalina, li jgħinuna nsiru nafu lil Ġesù Kristu, inħobbuh u nafdaw fih. Kont diġà tkellimt fuq erbgħa mit-Tnax-il Appostlu: fuq Xmun Pietru, fuq ħuh Indrì, fuq Ġakbu, ħu San Ġwann, u fuq Ġakbu l-ieħor, imsejjaħ “iż-Żgħir”, li kiteb Ittra li nsibuha fit-Testment il-Ġdid. U kont bdejt nitkellem fuq Ġwanni l-Evanġelista, u fl-aħħar katekeżi qabel il-btajjel ġbart il-fatti essenzjali li jagħtuna l-fiżjonomija ta’ dan l-Appostlu. Issa nixtieq nikkonċentra l-attenzjoni tiegħi fuq il-kontenut tat-tagħlim tiegħu. U allura l-kitbiet li llum nixtiequ nħarsu lejhom huma l-Vanġelu u l-Ittri li jġibu ismu.

 

Jekk hemm argument karatteristiku li joħroġ mill-kitbiet ta’ Ġwanni, din hi l-imħabba. Mhux ta’ b’xejn ridt niftaħ l-ewwel Ittra enċiklika tiegħi bil-kelmiet ta’ dan l-Appostlu: “Alla huwa mħabba (Deus caritas est), u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih” (1 Ġw 4:16). Diffiċli ħafna nsibu testi ta’ din ix-xejra f’reliġjonijiet oħra. U għalhekk espressjonijiet bħal dawn ipoġġuna quddiem fatt tassew partikulari tal-Kristjaneżmu. Bla dubju Ġwanni mhuwiex l-uniku awtur ta’ oriġni Nisranija li jitkellem dwar l-imħabba. Billi dan huwa element kostituttiv essenzjali tal-Kristjaneżmu, il-kittieba kollha tat-Testment il-Ġdid jitkellmu fuqu, imqar jekk b’enfasi differenti minn xulxin. Jekk issa qed nieqfu biex nirriflettu fuq din it-tema fi Ġwanni, dan għaliex hu jagħtina b’insistenza u b’mod inċiżiv il-linji prinċipali tagħha. U għalhekk nafdaw ruħna fi kliemu. Ħaġa waħda hi ċerta: hu ma jgħidx x’inhi l-imħabba b’mod astratt, filosofiku, jew anki teoloġiku. Le, hu ma jibqax mitluf fit-teorija. Fil-fatt, l-imħabba vera, min-natura tagħha, qatt ma hi purament spekulattiva, imma tirreferi b’mod dirett, konkret u verifikabbli għal persuni reali. U fil-fatt, Ġwanni, bħala appostlu u ħabib ta’ Ġesù jurina liema huma l-karatteristiċi, jew aħjar, il-fażijiet tal-imħabba Nisranija, moviment ikkaratterizzat minn tliet mumenti.

 

L-ewwel hu dwar l-Għajn infisha tal-imħabba, li l-Appostlu jaraha f’Alla, u jasal biex jistqarr, kif smajna, li “Alla huwa mħabba” (1 Ġw 4:8,16). Ġwanni huwa l-uniku awtur tat-Testment il-Ġdid li jagħtina kważi speċi ta’ definizzjoni ta’ Alla. Hu jgħid, ngħidu aħna, li “Alla huwa spirtu” (Ġw 4:24) jew li “Alla hu dawl” (1 Ġw 1:5). Hawn ixandar b’intuwizzjoni tal-għaġeb li “Alla huwa mħabba”. Tajjeb ninnotaw: ma jistqarrx sempliċiment li “Alla jħobb” u wisq inqas li “l-imħabba hi Alla”! Fi kliem ieħor: Ġwanni ma jillimitax ruħu li jiddeskrivi l-aġir divin, imma jinżel fil-fond sal-għeruq tiegħu. Barra minn hekk, ħsiebu mhux li jattribwixxi kwalità divina lil imħabba ġenerika jew forsi impersonali; ma jitlax mill-imħabba għal għand Alla, imma jdur direttament fuq Alla biex jiddefinixxi n-natura tiegħu bid-dimensjoni infinita tal-imħabba. B’dan Ġwanni jrid jgħidilna li l-karatteristika kostituttiva essenzjali ta’ Alla hi l-imħabba u għalhekk l-għemil kollu ta’ Alla jitwieled mill-imħabba u hu mimli bl-imħabba: dak kollu li Alla jagħmel, jagħmlu għall-imħabba u bi mħabba, anki jekk mhux dejjem nistgħu nifhmu dritt li din hi mħabba, l-imħabba vera.

 

Imma hawn hu indispensabbli nagħmlu pass ’il quddiem biex nippreċiżaw li Alla wera b’mod konkret l-imħabba tiegħu billi daħal fl-istorja umana permezz tal-persuna ta’ Ġesù Kristu, li inkarna, miet u rxoxta għalina. Dan hu t-tieni mument kostituttiv tal-imħabba ta’ Alla. Hu ma llimitax ruħu għal dikjarazzjonijiet verbali, imma, nistgħu ngħidu, impenja ruħu tassew u “ħallas” hu stess. Kif appuntu jikteb Ġwanni, “Alla hekk ħabb lid-dinja (jiġifieri: lilna lkoll) li ta lil Ibnu l-waħdieni” (Ġw 3:16). Issa, l-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin tikkonkretizza ruħha u tidher fl-imħabba ta’ Ġesù nnifsu. U mill-ġdid jikteb Ġwanni: Ġesù “li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1). Bis-saħħa ta’ din l-imħabba ta’ għotja u totali aħna ġejna mifdija għalkollox mid-dnub, kif jikteb mill-ġdid San Ġwann: “Uliedi… jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust. U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha” (1 Ġw 2:1-2; ara 1 Ġw 1:7). Araw sa fejn waslet l-imħabba ta’ Ġesù għalina: sat-tixrid ta’ demmu stess għas-salvazzjoni tagħna! In-Nisrani, meta jieqaf jikkontempla dan l-“eċċess” ta’ mħabba, ma jistax ma jistaqsix lilu nnifsu liema hi t-tweġiba xierqa. U naħseb li kull wieħed u waħda minna għandu dejjem u mill-ġdid jistaqsi dan lilu nnifsu.

 

Din il-mistoqsija tintroduċina għat-tielet mument tad-dinamika tal-imħabba: minn destinatarji li rċivejna mħabba li ġiet qabilna u hi ’l fuq minna, aħna msejħin għall-impenn ta’ tweġiba attiva, li biex tkun xierqa ma tistax tkun ħlief tweġiba ta’ mħabba. Ġwanni jitkellem fuq “kmandament”. Fil-fatt hu jirreferi għal dawn il-kelmiet ta’ Ġesù: “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13:34). Fejn qiegħed il-ġdid li għalih qed jirreferi Ġesù? Qiegħed fil-fatt li hu ma jikkuntentax ruħu li jirrepeti dak li diġà kien mitlub fit-Testment il-Qadim u li naqraw ukoll fil-Vanġeli l-oħra: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Lev 19:18; ara Mt 22:37-39; Mk 12:29-31; Lq 10:27). Fil-preċett l-antik il-kriterju normattiv kien il-bniedem (“bħalek innifsek”), waqt fil-preċett li jsemmi Ġwanni, Ġesù jippreżenta bħala motiv u norma tal-imħabba tagħna l-istess persuna tiegħu: “Kif ħabbejtkom jien”. B’dan il-mod l-imħabba ssir tassew Nisranija, u ġġorr fiha l-aspett ġdid tal-Kristjaneżmu: kemm fis-sens li din għandha tkun indirizzata lejn kulħadd bla distinzjonijiet, kemm fuq kollox li għandha tasal sal-aktar konsegwenzi estremi, bl-uniku qies tagħha jkun dak li tkun bla qies. Dawk il-kelmiet ta’ Ġesù, “kif ħabbejtkom jien”, jistednuna u fl-istess ħin jinkwetawna; huma destinazzjoni Kristoloġika li tista’ tidher bilkemm tintlaħaq, imma fl-istess waqt huma stimolu li ma jħalliniex nitnikkru fuq dak li stajna nilħqu. Ma tħalliniex nibqgħu kuntenti kif aħna, imma timbuttana biex nibqgħu mexjin lejn din id-destinazzjoni.

 

Dak it-test dehbi ta’ spiritwalità li hu l-ktieb ċkejken tal-Medjuevu tardiv imsejjaħ L-Imitazzjoni ta’ Kristu jikteb hekk dwar dan: “Kemm hija sabiħa l-imħabba lejn Ġesù! Hi ġġagħal lill-bniedem jagħmel ħwejjeġ kbar li dejjem iżjed jitjieb. Hi tfittex li dejjem titgħolla ’l fuq, u l-ħwejjeġ tad-dinja ma jżommuhiex marbuta ’l hawn isfel. Trid li tkun maħlula u mingħajr ebda ġibda lejn id-dinja… għaliex l-imħabba hija ġejja minn Alla, u l-mistrieħ tagħha ma tistax issibu ħlief f’Alla u le fil-ħwejjeġ maħluqa. Min iħobb jittajjar, jiġri, jithenna, hu maħlul minn kollox, ebda ħaġa ma żżommu. Jagħti kollox, u għandu kollox f’kollox; jiġifieri jsib il-mistrieħ tiegħu f’dak li hu l-aqwa ġid fuq kull ġid ieħor” (Ktieb III, kap. 5). X’kumment aħjar għall-“kmandament il-ġdid”, imħabbar minn Ġwanni? Nitolbu lill-Missier li nkunu nistgħu ngħixuh, anki jekk dejjem b’mod imperfett, b’mod hekk intens li minna jiddakkru oħrajn li magħhom niltaqgħu fil-mixja tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard