Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 5 ta’ Lulju 2006

 

Ġwanni, bin Żebedew

 

Għeżież ħuti,

 

Niddedikaw il-laqgħa tal-lum lit-tifkira ta’ membru ieħor importanti ħafna tal-Kulleġġ appostoliku: Ġwanni, bin Żebedew u ħu Ġakbu. Ismu, tipikament Lhudi, ifisser “il-Mulej wera tjieba”. Kien qed jaħsel ix-xbieki fuq ix-xatt tal-għadira ta’ Tiberija, meta Ġesù sejjaħlu flimkien ma’ ħuh (ara Mt 4:21; Mk 1:19). Lil Ġwanni dejjem insibuh parti mill-grupp ristrett, li Ġesù jieħu miegħu f’okkażjonijiet partikulari. Insibuh flimkien ma’ Pietru u ma’ Ġakbu meta Ġesù, f’Kafarnahum, jidħol fid-dar ta’ Pietru biex ifejjaqlu lill-kunjata (ara Mk 1:29); mat-tnejn l-oħra jimxi wara l-Imgħallem sad-dar tal-Kap tas-Sinagoga, Ġajru, li bintu ġiet imqajma mill-mewt (ara Mk 5:37); jitla’ warajh sa fuq il-muntanja fejn jiġi ttrasfigurat (ara Mk 9:2); jinsab qribu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ meta quddiem il-kobor tat-Tempju jlissen id-diskors fuq it-tmiem tal-belt u tad-dinja (ara Mk 13:3); u fl-aħħar nett, jinsab qrib tiegħu fil-Ġnien taż-Żebbuġ meta jinqata’ għalih waħdu biex jitlob lill-Missier qabel il-Passjoni (ara Mk 14:33). Ftit qabel l-Għid, meta Ġesù jagħżel żewġ dixxipli biex jibgħathom iħejjulu l-kamra għall-Ikla, dan ix-xogħol jafdah lilu u lil Pietru (ara Lq 22:8).

 

Din il-pożizzjoni tiegħu li tispikka fil-grupp tat-Tnax b’xi mod tispjega iżjed l-inizjattiva li jum wieħed ħadet ommhom: hi resqet lejn Ġesù biex titolbu li ż-żewġ uliedha, Ġwanni u Ġakbu, joqogħdu wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug tiegħu fis-Saltna (ara Mt 20:20-21). Kif nafu, Ġesù weġibha billi hu wkoll għamlilha mistoqsija: staqsieha jekk huma kinux lesti li jixorbu mill-kalċi li hu stess kien se jixrob (ara Mt 20:22). L-intenzjoni wara dawk il-kelmiet kienet li jiftaħ għajnejn iż-żewġ dixxipli, li jdaħħalhom fl-għarfien tal-misteru tal-persuna tiegħu u li jagħtihom ħjiel tas-sejħa li kienet se ssirilhom ’il quddiem li jkunu xhieda tiegħu sal-ogħla prova tad-demm. Fil-fatt, ftit wara Ġesù ppreċiża li hu ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra (ara Mt 20:28). Fil-jiem ta’ wara l-qawmien, lil “ulied Żebedew” nerġgħu nsibuhom jitħabtu flimkien ma’ Pietru u xi dixxipli oħra f’lejl li fih ma qabdu xejn, u li warajh b’intervent tal-Irxoxt tasal is-sajda mirakoluża: kellu jkun “id-dixxiplu li Ġesù kien iħobb” li jagħraf l-ewwel lill-“Mulej” u jurih lil Pietru (ara Ġw 21:1-13).

 

Fi ħdan il-Knisja ta’ Ġerusalemm, Ġwanni kellu post importanti fil-gwida tal-ewwel grupp ta’ Nsara. Fil-fatt Pawlu jsemmih fost dawk li hu jsejjaħ il-“kolonni” ta’ dik il-komunità (ara Gal 2:9). Fir-realtà, Luqa fl-Atti jippreżentah flimkien ma’ Pietru huma u sejrin jitolbu fit-Tempju (ara Atti 3:1-4,11) jew meta jidhru quddiem is-Sinedriju biex jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu (ara Atti 4:13,19). Flimkien ma’ Pietru jiġi mibgħut mill-Knisja ta’ Ġerusalemm biex iwettaq lil dawk li fis-Samarija laqgħu l-Vanġelu, u jitlob fuqhom biex jirċievu l-Ispirtu s-Santu (ara Atti 8:14-15). B’mod partikulari, hu mfakkar li stqarr, flimkien  ma’ Pietru, quddiem is-Sinedriju fejn tressqu għall-proċess: “Aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna” (Atti 4:20). Proprju din il-ħeffa li biha kien lest jistqarr il-fidi tiegħu tibqa’ eżempju u twissija għalina lkoll biex inkunu dejjem pronti nistqarru b’determinazzjoni l-fidi sħiħa tagħna fi Kristu, u npoġġu l-fidi qabel kull kalkolu jew interess uman.

 

Skont it-tradizzjoni, Ġwanni huwa “d-dixxiplu l-maħbub”, li fir-Raba’ Vanġelu jserraħ rasu fuq sider l-Imgħallem fl-Aħħar Ċena (ara Ġw 13:21), insibuh f’riġlejn is-Salib flimkien ma’ Omm Ġesù (ara Ġw 19:25), u fl-aħħar xhud kemm tal-Qabar vojt u kemm tal-istess preżenza tal-Irxoxt (ara Ġw 20:2; 21:7). Nafu li din l-identifikazzjoni llum hija diskussa mill-istudjużi, li wħud minnhom jaraw fih sempliċiment il-prototip tad-dixxiplu ta’ Ġesù. Waqt li nħallu f’idejn l-eseġeti biex isolvu l-kwistjoni, hawn nillimitaw ruħna biss għal-lezzjoni importanti li nistgħu nieħdu għal ħajjitna: il-Mulej jixtieq jagħmel minn kull wieħed u waħda minna dixxiplu bi ħbiberija personali miegħu. Biex naslu għal dan mhux biżżejjed nimxu warajh u nisimgħuh minn barra; hemm bżonn ukoll ngħixu miegħu u bħalu. Dan hu possibbli biss fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ familjarità kbira, mimlija bis-sħana ta’ fiduċja sħiħa. Dan hu li jiġri bejn il-ħbieb; għalhekk Ġesù jum wieħed qal: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu… Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom” (Ġw 15:13,15).

 

Fil-kitba apokrifa tal-Atti ta’ Ġwanni l-Appostlu hu ppreżentat mhux bħala fundatur ta’ Knejjes u lanqas fit-treġija ta’ komunitajiet diġà mwaqqfa, imma dejjem miexi minn post għall-ieħor bħala komunikatur tal-fidi fil-laqgħa ma’ “erwieħ li kapaċi jittamaw u jiġu salvati” (18:10; 23:28). Kollox hu mqanqal mill-fehma paradossali tiegħu li juri dak li ma jidhirx. U fil-fatt il-Knisja tal-Lvant issejjaħlu sempliċiment “it-Teologu”, jiġifieri dak li kapaċi jitkellem f’termini aċċessibbli dwar il-ħwejjeġ divini, u jikxfilna l-aċċess misterjuż għal Alla permezz tal-fidi f’Ġesù.

 

Il-kult ta’ Ġwanni l-Appostlu xtered ibda mill-belt ta’ Efesu, fejn, skont tradizzjoni antika, ħadem fit-tul, u fl-aħħar miet f’età straordinarjament avvanzata, taħt l-Imperatur Trajanu. F’Efesu l-Imperatur Ġustinjanu, fis-seklu VI, bena f’ġieħu bażilika kbira, li sal-lum għadhom jidhru l-fdalijiet imponenti tagħha. Sewwasew fil-Lvant hu gawda u għadu jgawdi qima kbira. Fl-ikonografija Biżantina spiss hu rraffigurat imdaħħal sew fiż-żmien – skont it-tradizzjoni miet taħt l-Imperatur Trajanu – u mitluf fil-kontemplazzjoni, kważi fl-atteġġjament ta’ wieħed li qed jistieden għas-skiet.

 

Fil-fatt, mingħajr il-ġabra xierqa ma nistgħux nersqu qrib tal-misteru l-aktar għoli ta’ Alla u tar-rivelazzjoni tiegħu. Dan jispjega għalfejn, snin ilu, il-Patrijarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli, Atenagora, dak li l-Papa Pawlu VI għannaq f’laqgħa memorabbli, kien stqarr: “Ġwanni jinsab fil-bidu tal-ogħla spiritwalità tagħna. Bħalu, is-‘siekta’ jafu kif ikun dak l-iskambju misterjuż tal-qlub, u jinvokaw il-preżenza ta’ Ġwanni u qalbhom taqbad” (O. Clément, Dialoghi con Atenagora, Torino 1972, p. 159). Ħa jgħinna l-Mulej noqogħdu fl-iskola ta’ Ġwanni biex nitgħallmu l-lezzjoni kbira tal-imħabba ħalli nħossuna maħbuba “għall-aħħar” (Ġw 13:1) minn Kristu u ngħixu ħajjitna għalih.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard