Laikos

 

 

Testment spiritwali tal-Papa Emeritu Benedittu XVI

 

29 ta’ Awwissu 2006

 

It-testment spiritwali tiegħi

 

Jekk f’din is-siegħa avvanzata tal-ħajja tiegħi nħares lura lejn l-għexieren ta’ snin li għext, l-ewwel ħaġa li nara hi kemm għandi għax irrodd ħajr. Irrodd ħajr qabelxejn lil Alla nnifsu, li jqassam kull don tajjeb, u tani l-ħajja u mexxieni qalb diversi mumenti ta’ konfużjoni; refagħni mill-ġdid kull darba li bdejt niżloq u wrieni dejjem mill-ġdid id-dawl ta’ wiċċu. Meta nħares lura nilmaħ u nifhem li mqar il-waqtiet mudlama u ta’ taħbit f’din il-mixja kienu hemm għas-salvazzjoni tiegħi u li proprju fihom hu mexxieni tajjeb.

 

Irrodd ħajr lill-ġenituri tiegħi, li tawni l-ħajja fi żmien iebes u li, b’sagrifiċċji kbar, bl-imħabba tagħhom ħejjewli għamara mill-isbaħ li, bħal dawl ċar, għadha ddawwal il-jiem kollha tiegħi sal-lum. Il-fidi qawwija ta’ missieri għallmet lilna l-ulied kif għandna nemmnu, u bħal sinjal li juri t-triq dejjem kienet soda qalb il-kisbiet xjentifiċi tiegħi; id-devozzjoni profonda u t-tjieba kbira ta’ ommi huma wirt li għalihom qatt ma nista’ rrodd ħajr biżżejjed. Oħti għal għexieren ta’ snin għenitni b’mod diżinteressat u b’għożża kollha mħabba; ħija, bil-ġudizzji ċari tiegħu, id-determinazzjoni sħiħa tiegħu u s-serenità tal-qalb, dejjem wittieli t-triq; mingħajr il-mixi tiegħu kontinwament qabli u miegħi ma kontx insib it-triq it-tajba.

 

Minn qalbi nirringrazzja lil Alla għal tant ħbieb, irġiel u nisa, li hu dejjem poġġieli qrib tiegħi; għall-kollaboraturi fit-tappi kollha tal-mixja tiegħi; għall-għalliema u l-istudenti li hu tani. Bi gratitudni nafdahom kollha lit-tjieba tiegħu. U rrid irrodd ħajr lill-Mulej għall-patrija sabiħa tiegħi fil-Pre-Alpi tal-Bavarja, li fiha dejjem ilmaħt jilma l-ġmiel tal-Ħallieq innifsu. Irrodd ħajr lin-nies ta’ art twelidi għax fihom stajt dejjem mill-ġdid induq il-ġmiel tal-fidi. Nitlob biex l-art tagħna tibqa’ art ta’ fidi u nitlobkom, għeżież kompatrijotti: tħallux lil min jisirqilkom il-fidi. U fl-aħħar irrodd ħajr lil Alla għas-sabiħ kollu li stajt induq fit-tappi kollha tal-mixja tiegħi, imma speċjalment f’Ruma u fl-Italja li saret it-tieni patrija tiegħi.

 

Lil dawk kollha li b’xi mod stajt inqasthom, minn qalbi nitlobhom maħfra.

 

Dak li l-ewwel għidt lill-kompatrijotti tiegħi, ngħidu issa lil dawk kollha li fil-Knisja ġew fdati lis-servizz tiegħi: ibqgħu sħaħ fil-fidi! La tinfixlux! Spiss jidher li x-xjenza – ix-xjenzi naturali minn naħa u r-riċerka storika (b’mod partikulari l-eseġesi tal-Iskrittura Mqadda) mill-oħra – kapaċi joffru riżultati inkonfutabbli f’kuntrast mal-fidi Kattolika. Jiena għext il-bidliet tax-xjenzi naturali sa miż-żminijiet imbiegħda u stajt nara kif, għall-kuntrarju, ġew fix-xejn dawk li kienu jidhru ċertezzi kontra l-fidi, u deher li mhux xjenza kienu, imma interpretazzjonijiet filosofiċi li minn barra biss dehru xjentifiċi; l-istess kif, wara kollox, hu fid-djalogu max-xjenzi naturali li anki l-fidi tgħallmet tifhem aħjar il-limitu ta’ sa fejn iwasslu l-istqarrijiet tagħha, u għalhekk liema hi l-ispeċifiċità tagħha. Issa ilni 60 sena nakkumpanja l-mixja tat-Teoloġija, partikularment tax-Xjenzi Bibliċi, u ġenerazzjoni wara l-oħra rajt jikkrollaw teżijiet li kienu jidhru li mhu ħa jikkrollaw qatt, biex hekk dehru li kienu sempliċiment ipoteżijiet: il-ġenrazzjoni liberali (Harnack, Jülicher, eċċ.), il-ġenerazzjoni eżistenzjalista (Bultmann, eċċ.), il-ġenerazzjoni Marxsita. Rajt u għadni nara kif mit-taħbila tal-ipoteżijiet ħarġet u toħroġ mill-ġdid ir-raġonevolezza tal-fidi. Ġesù Kristu hu tabilħaqq it-triq, il-verità u l-ħajja – u l-Knisja, bin-nuqqasijiet kollha tagħha, hi tassew il-ġisem tiegħu.

 

Fl-aħħar nett, nitlob umilment: itolbu għalija, biex il-Mulej, minkejja d-dnubiet u n-nuqqasijiet kollha tiegħi, jilqagħni fl-għamajjar ta’ dejjem. Għal dawk kollha li huma fdati f’idejja, jum wara l-ieħor minn qalbi nitlob.

 

Benedictus PP XVI

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard