Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 22 ta’ Ottubru 2008

 

San Pawl (9)

L-importanza tal-Kristoloġija: preeżistenza u inkarnazzjoni

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-katekeżijiet tal-ġimgħat li għaddew immeditajna fuq il-‘konverżjoni’ ta’ San Pawl, frott tal-laqgħa personali tiegħu ma’ Ġesù mislub u rxoxt, u staqsejna x’kienet ir-relazzjoni tal-Appostlu tal-ġnus ma’ Ġesù ta’ din l-art. Illum nixtieq nitkellem fuq it-tagħlim li ħallielna San Pawl fuq iċ-ċentralità ta’ Kristu Rxoxt fil-misteru tas-salvazzjoni, fuq il-Kristoloġija tiegħu. Fil-verità, Ġesù Kristu Rxoxt, imżejjen “bl-isem li hu fuq kull isem”, jinsab fil-qalba ta’ kull riflessjoni tiegħu. Għall-Appostlu Kristu hu l-kriterju ta’ valutazzjoni tal-ġrajjiet u tal-ħwejjeġ kollha, l-għan ta’ kull sforz li hu jagħmel biex iħabbar il-Vanġelu, il-passjoni kbira li twieżen il-passi tiegħu fit-toroq tad-dinja. U dan hu Kristu ħaj, konkret: Kristu – jgħid Pawlu – “ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:20). Din il-persuna li tħobbni, li magħha nista’ nitkellem, li tismagħni u tweġibni, din hi tabilħaqq il-prinċipju biex nista’ nifhem id-dinja u biex insib it-triq tiegħi fl-istorja.

 

Min qara l-kitbiet ta’ San Pawl jaf tajjeb li hu ma qagħadx ifittex kif ħa jirrakkonta l-fatti li fihom jagħti l-ħajja ta’ Ġesù, anki jekk nistgħu nistħajlu li fil-katekeżijiet tiegħu rrakkonta ħafna iżjed fuq Ġesù ta’ qabel l-Għid minn kemm jikteb fl-Ittri tiegħu, li huma twissijiet f’sitwazzjonijiet preċiżi. Il-fehma pastorali u teoloġika tiegħu tant kienet immirata lejn il-bini tal-komunitajiet li kienu għadhom jitwieldu, li għalih kienet ħaġa naturali jikkonċentra kollox fuq it-tħabbira ta’ Ġesù Kristu l-“Mulej”, ħaj illum u preżenti llum fostna. Minn hawn l-essenzjalità karatteristika tal-Kristoloġija Pawlina, li tiżviluppa l-profondità tal-misteru bi tħassib kostanti u preċiż: dak li jxandar, bla dubju, lil Ġesù ħaj, it-tagħlim tiegħu, imma li fuq kollox ixandar ir-realtà ċentrali tal-mewt u l-qawmien tiegħu, bħala l-qofol tal-ħajja tiegħu fuq din l-art u l-għerq tal-iżvilupp li ġie wara tal-fidi Nisranija kollha, tar-realtà kollha tal-Knisja. Għall-Appostlu l-qawmien mhuwiex xi ġrajja separata, mifruda mill-mewt: l-Irxoxt hu dejjem dak li, qabel, ġie mislub. Anki bħala Rxoxt qed iġorr il-ġrieħi tiegħu: il-passjoni hi preżenti fih u ma’ Pascal nistgħu ngħidu li hu jibqa’ jbati sal-aħħar tad-dinja, imqar jekk hu l-Irxoxt u jgħix magħna u għalina. Din l-identità tal-Irxoxt ma’ Kristu msallab Pawlu kien fehemha fil-laqgħa tiegħu fuq it-triq ta’ Damasku: f’dak il-ħin intwera lilu b’mod ċar li l-Imsallab huwa l-Irxoxt u l-Irxoxt huwa l-Imsallab, li jgħid lil Pawlu: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9:4). Pawlu kien qed jippersegwita lil Kristu fil-Knisja u allura jifhem li s-salib huwa s-“saħta ta’ Alla” (Dewt 21:23), imma wkoll is-sagrifiċċju għall-fidwa tagħna.

 

L-Appostlu jikkontempla kollu msaħħar is-sigriet moħbi tal-Mislub-Irxoxt u permezz tat-tbatijiet li ġarrab Kristu fl-umanità tiegħu (dimensjoni terrena) imur lura għal dik l-eżistenza eterna li fiha Hu ħaġa waħda mal-Missier (dimensjoni pretemporali): “Meta waslet il-milja taż-żmien”, jikteb, “Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-Liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied” (Gal 4:4-5). Dawn iż-żewġ dimensjonijiet, il-preeżistenza eterna fi ħdan il-Missier u l-inżul tal-Mulej fl-inkarnazzjoni, diġà nsibuhom imħabbra fit-Testment il-Qadim, fil-figura tal-Għerf. Insibu fil-Kotba tal-Għerf tat-Testment il-Qadim xi testi li jgħollu r-rwol tal-Għerf li jeżisti sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja. F’dan is-sens għandna naqraw siltiet bħal din tas-Salm 90: “Qabel ma twieldu l-muntanji, qabel ma tnisslu l-art u d-dinja, minn dejjem ta’ dejjem int, o Alla!” (v. 2); jew siltiet bħal dik li titkellem dwar l-Għerf ħallieq: “Il-Mulej kellu lili sa mill-bidu ta’ għemilu, sa minn qabel l-eqdem għemejjel tiegħu. Sa minn dejjem twaqqaft, mill-bidu, qabel ma nbdiet id-dinja” (Prov 8:22-23). Suġġestiv ukoll huwa l-eloġju tal-Għerf, li nsibu fil-ktieb bl-istess isem: “Jinfirex minn tarf sa tarf tal-art bil-qawwa, u jmexxi kollox bil-ħlewwa” (Għerf 8:1).

 

L-istess testi tal-Għerf li jitkellmu fuq l-eżistenza tal-Għerf sa minn qabel il-ħolqien, jitkellmu wkoll fuq l-inżul tiegħu, fuq kif tbaxxa dan l-Għerf, li għamel għalih għarix qalb il-bnedmin. Hekk nisimgħu diġà bħal eku tal-kliem tal-Vanġelu ta’ Ġwanni li jitkellem fuq it-tinda tal-ġisem tal-Mulej. Fit-Testment il-Qadim inħoloq għarix: hawn għandna indikazzjoni tat-tempju, tal-kult skont it-Torah; imma mil-lenti tat-Tesment il-Ġdid nistgħu nifhmu li din kienet biss prefigurazzjoni tal-għarix ħafna iżjed veru u sinifikattiv: l-għarix tal-ġisem ta’ Kristu. U naraw diġà fil-Kotba tat-Testment il-Qadim li dan l-Għerf li jitbaxxa, l-inżul tiegħu fil-ġisem, jimplika wkoll il-possibbiltà li jiġi rrifjutat. San Pawl, huwa u jiżviluppa l-Kristoloġija tiegħu, ifakkar proprju f’din il-perspettiva tal-għerf: jagħraf f’Ġesù l-għerf etern li jeżisti sa minn dejjem, l-għerf li jinżel u joħloq għalih għarix fostna u hekk hu jista’ jiddeskrivi lil Kristu bħala “l-qawwa u l-għerf ta’ Alla”, jista’ jgħid li Kristu sar għalina “l-għerf mingħand Alla, ġustizzja, qdusija u fidwa” (1 Kor 1:24,30). Bl-istess mod Pawlu jagħmilha ċara li Kristu, bħall-Għerf, jista’ jiġi miċħud fuq kollox mill-prinċpijiet ta’ din id-dinja (ara 1 Kor 2:6-9), hekk li fil-pjanijiet ta’ Alla tista’ tinħoloq sitwazzjoni paradossali, is-salib, li tinqaleb ta’ taħt fuq fit-triq tas-salvazzjoni għall-bnedmin kollha.

 

Żvilupp ieħor ta’ dan iċ-ċiklu sapjenzali, li jara l-Għerf jitbaxxa biex imbagħad jitgħolla minkejja r-rifjut, insibuh fl-innu famuż fl-Ittra lill-Filippin (ara 2:6-11). Huwa wieħed mill-ogħla testi tat-Testment il-Ġdid kollu. L-eseġeti fil-parti l-kbira tagħhom illum jaqblu li din il-perikope tiġbor fiha kompożizzjoni preċedenti għat-test tal-Ittri lill-Filippin. Dan hu fatt ta’ importanza kbira, għax ifisser li l-Ġudeo-Kristjaneżmu, qabel San Pawl, kien jemmen fid-divinità ta’ Ġesù. Fi kliem ieħor, il-fidi fid-divinità ta’ Ġesù mhijiex xi invenzjoni Ellenistika, li xirfet ħafna wara l-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art, invenzjoni li nsiet l-umanità tiegħu u għamlitu alla; fir-realtà qed naraw li l-ewwel Ġudeo-Kristjaneżmu kien jemmen fid-divinità ta’ Ġesù, anzi nistgħu ngħidu li l-Appostli nfushom, fil-mumenti l-kbar tal-ħajja tal-Imgħallem tagħhom, fehmu li hu kien l-Iben ta’ Alla, kif qal San Pietru f’Ċesarija ta’ Filippi: “Int il-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16). Imma nerġgħu lura għall-innu tal-Ittra lill-Filippin. L-istruttura ta’ dan it-test tista’ tiġi artikolata fi tliet strofi, li juru l-mumenti ewlenin tal-mixja li għamel Kristu. L-eżistenza tiegħu sa minn dejjem tista’ tiġi espressa fil-kelmiet: “għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla” (v. 6); imbagħad fit-tieni strofa għandna lill-Iben li minn jeddu jitbaxxa: “tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir” (v. 7), sa ċekken lilu nnifsu billi “obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (v. 8). It-tielet strofa tal-innu tħabbar it-tweġiba tal-Missier għall-umiljazzjoni tal-Iben: “Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem” (v. 9). Dak li jolqotna hawn hu l-kuntrast bejn kif l-Iben jitbaxxa għalkollox u l-glorifikazzjoni li mbagħad jirċievi fis-sebħ ta’ Alla. Huwa ċar li din it-tieni strofa hi f’kuntrast mal-pretensjoni ta’ Adam li minn jeddu ried isir Alla, hi f’kuntrast ukoll mal-ġest tal-bennejja tat-torri ta’ Babel li waħidhom riedu jibnu l-pont lejn is-sema u jsiru huma stess allat. Imma din l-inizjattiva tas-suppervja wasslithom biex qerdu lilhom infushom: mhux hekk naslu sas-sema, għall-ferħ veru, għal Alla. Il-ġest tal-Iben ta’ Alla hu eżattament bil-maqlub: mhux is-suppervja, imma l-umiltà, li hi t-twettiq tal-imħabba u l-imħabba hi divina. L-inizjattiva li jitbaxxa, tal-umiltà radikali ta’ Kristu, li biha jagħmel tajjeb għas-suppervja umana, hi tabilħaqq espressjoni tal-imħabba divina; wara hu jitgħolla sas-smewwiet fejn Alla jiġbidna lejn imħabbtu.

 

Barra l-Ittra lill-Filippin, hemm bnadi oħra fil-letteratura Pawlina fejn it-temi tal-preeżistenza u tal-inżul tal-Iben ta’ Alla fuq l-art huma marbutin bejniethom. Stqarrija oħra li tikkonferma l-assimilazzjoni bejn Għerf u Kristu, bl-implikazzjonijiet kollha kożmiċi u antropoloġiċi marbuta magħha, insibuha fl-Ewwel Ittra lil Timotju: “Hu deher fil-ġisem, kien iġġustifikat bl-Ispirtu, deher lill-anġli, ixxandar fost il-pagani, emmnuh fid-dinja, ittieħed fil-glorja” (3:16). Huwa fuq kollox fuq dawn il-premessi li nistgħu niddefinixxu aħjar il-funzjoni ta’ Kristu bħala Medjatur waħdieni, fl-isfond tal-uniku Alla tat-Testment il-Qadim (ara 1 Tim 2:5 f’relazzjoni ma’ Iż 43:10-11; 44:6). Huwa Kristu l-veru pont li jmexxina lejn is-Sema, lejn il-komunjoni ma’ Alla.

 

U fl-aħħar nett, aċċenn ċkejken għall-aħħar żviluppi tal-Kristoloġija ta’ San Pawl fl-Ittri lill-Kolossin u lill-Efesin. Fl-ewwel waħda, Kristu jiġi msejjaħ “il-kbir fost il-ħlejjaq kollha” (1:15-20). Din il-kelma “il-kbir” timplika li l-ewwel fost tant ulied, l-ewwel fost tant aħwa, niżel biex jiġbidna lejh u jagħmilna ħutu. Fl-Ittra lill-Efesin insibu espożizzjoni sabiħa tal-pjan divin tas-salvazzjoni, meta Pawlu jgħid li fi Kristu Alla ried jerġa’ jiġbor kollox (ara Efes 1:23). Kristu hu l-ġabra ta’ kollox, jerġa’ jiġbor kollox fih u jmexxina lejn Alla. U hekk idaħħalna f’moviment ta’ nżul u tlugħ, jistedinna nieħdu sehem fl-umiltà tiegħu, jiġifieri fi mħabbtu lejn il-proxxmu, biex hekk ikollna sehem ukoll fil-glorifikazzjoni tiegħu, u nsiru miegħu wlied fl-Iben. Nitolbu li l-Mulej jgħinna nitwaħħdu mal-umiltà tiegħu, ma’ mħabbtu, biex hekk ningħataw sehem fid-divinizzazzjoni tiegħu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard