Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 10 ta’ Settembru 2008

 

San Pawl (4)

Il-kunċett Pawlin tal-appostolat

 

Għeżież ħuti,

 

L-Erbgħa li għaddiet tkellimt fuq il-bidla kbira li seħħet fil-ħajja ta’ San Pawl wara l-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt. Ġesù daħal fil-ħajja tiegħu u minn persekutur bidlu f’appostlu. Dik il-laqgħa mmarkat il-missjoni tiegħu: Pawlu ma setax ikompli jgħix bħal qabel, għax issa ħass li l-Mulej kien għabbieh bir-responsabbiltà li jxandar il-Vanġelu tiegħu bħala appostlu. Huwa sewwasew fuq din il-qagħda ġdida ta’ ħajtu, jiġifieri bħala appostlu ta’ Kristu, li nixtieq nitkellem illum. Aħna normalment, jekk nimxu mal-Vanġeli, nidentifikaw lit-Tnax bit-titlu ta’ appostli, u b’hekk irridu nindikaw lil dawk li kienu sħab fil-ħajja u semmiegħa tat-tagħlim ta’ Ġesù. Imma Pawlu wkoll iħossu tassew appostlu u għalhekk jidher ċar li l-kunċett Pawlin ta’ appostolat mhux ristrett biss għall-grupp tat-Tnax. Ovvjament, Pawlu jaf jagħżel tajjeb il-każ tiegħu minn dak ta’ dawk li “kienu appostli qabli” (Gal 1:17): hu jagħraf li għandhom post speċjali ħafna fil-ħajja tal-Knisja. Imma, kif jaf kulħadd, anki San Pawl jinterpreta lilu nnifsu bħala Appostlu fis-sens strett tal-kelma. Huwa żgur li, fiż-żminijiet Insara bikrin, ħadd daqsu ma ġera daqshekk kilometri, fuq l-art u bil-baħar, bl-għan waħdieni li jħabbar il-Vanġelu.

 

Għalhekk, hu kellu kunċett ta’ appostolat li kien imur lil hemm minn dak marbut biss mal-grupp tat-Tnax u mwassal lilna fuq kollox minn San Luqa fl-Atti (ara Atti 1:2,26; 6:2). Fil-fatt, fl-Ewwel Ittra lill-Korintin Pawlu jagħmel distinzjoni ċara bejn “it-Tnax” u “l-appostli kollha”, imsemmijin bħala żewġ gruppi differenti li lilhom deher l-Irxoxt (ara 15:5,7). F’dak it-test hu mbagħad jgħaddi biex isemmi umilment lilu nnifsu bħala “l-inqas wieħed fost l-appostli”, u jqabbel lilu nnifsu saħansitra ma’ wieħed li ġie mormi qabel il-waqt u jistqarr testwalment: “Għax jien l-inqas wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar il-Knisja ta’ Alla. Imma bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sfatx fix-xejn, għax tħabatt ħafna iktar minnhom ilkoll; għad li mhux jien, iżda l-grazzja ta’ Alla li hi miegħi” (1 Kor 15:9-10). Il-metafora tal-abort tesprimi umiltà estrema; insibuha wkoll fl-Ittra lir-Rumani ta’ Sant’Injazju ta’ Antjokja: “Jiena l-aħħar wieħed fost kulħadd, jiena bħal tarbija li twelidt wara ż-żmien; imma ksibt il-ħniena li nkun xi ħaġa, jekk inħaddan lil Alla” (9:2). Dak li l-Isqof ta’ Antjokja jgħid dwar il-martirju imminenti tiegħu, li se jaqleb ta’ taħt fuq il-qagħda tiegħu ta’ bniedem li mhux denn, San Pawlu jgħidu f’rabta mal-impenn appostoliku tiegħu: fih li sa jidher kemm hi għammiela l-grazzja ta’ Alla, li taf sewwasew tibdel bniedem bla suċċess f’appostlu mill-aqwa. Minn persekutur għal fundatur ta’ Knejjes: dan għamel Alla f’wieħed li, mill-perspettiva evanġelika, seta’ jitqies bħala knis!

 

X’inhu, mela, skont il-kunċett ta’ San Pawl, dak li jagħmel minnu u minn oħrajn appostli? Fl-Ittri tiegħu jidhru tliet karatteristiċi ewlenin, li jagħmlu l-appostlu. L-ewwel hi li “ra lill-Mulej” (ara 1 Kor 9:1), jiġifieri li kellu miegħu laqgħa determinanti għal ħajtu. Bl-istess mod fl-Ittra lill-Galatin (ara 1:15-16) jgħid li hu ġie msejjaħ, kważi magħżul, bi grazzja ta’ Alla u r-rivelazzjoni ta’ Ibnu biex ixandar l-Aħbar it-tajba lill-pagani. Żgur li huwa l-Mulej li jsejjaħ għall-appostolat, u mhux il-preżunzjoni tagħna. L-appostlu dan ma jagħmlux hu minn żniedu, imma hu l-Mulej li jagħmlu; għalhekk l-appostlu għandu bżonn li jżomm relazzjoni kontinwa mal-Mulej. Mhux ta’ b’xejn Pawlu jgħid li hu “msejjaħ biex ikun appostlu” (Rum 1:1), jiġifieri “mhux mill-bnedmin jew permezz tal-bniedem, iżda permezz ta’ Ġesù Kristu u ta’ Alla l-Missier” (Gal 1:1). Din hija l-ewwel karatteristika: li ra lill-Mulej, ġie msejjaħ minnu.

 

It-tieni karatteristika hi li “ġejna mibgħuta”. L-istess terminu Grieg apóstolos ifisser appuntu “mibgħut”, jiġifieri ambaxxatur li jwassal messaġġ; allura hu jrid jaġixxi bħala mqabbad u rappreżentant ta’ xi ħadd li jibagħtu. Huwa għalhekk li Pawlu jsejjaħ lilu nnifsu “appostlu ta’ Ġesù Kristu” (1 Kor 1:1; 2 Kor 1:1), jiġifieri d-delegat tiegħu, imqiegħed f’kollox għas-servizz tiegħu, tant li jsejjaħ lilu nnifsu wkoll “qaddej ta’ Ġesù Kristu” (Rum 1:1). Għal darb’oħra toħroġ fuq quddiem nett l-idea tal-inizjattiva ta’ xi ħadd ieħor, dik ta’ Alla fi Kristu Ġesù, li lejh aħna obbligati għalkollox; imma fuq kollox hemm insistenza fuq il-fatt li mingħandu rċieva missjoni li jwettaqha f’ismu, b’kull interess personali jitqiegħed għalkollox fit-tieni post.

 

It-tielet rekwiżit hu t-twettiq tax-“xandir tal-Vanġelu”, bit-twaqqif tal-Knejjes bħala frott tiegħu. Fil-fatt, dak ta’ “appostlu” la hu u lanqas jista’ jkun titlu ta’ onorifiċenza. Hu jimpenja konkretement u anki drammatikament il-ħajja kollha tas-suġġett interessat. Fl-Ewwel Ittra lill-Korintin Pawlu jesklama: “M’iniex appostlu? Ma rajtx lil Sidna Ġesù? M’intomx intom l-opra tiegħi fil-Mulej?” (9:1). Bl-istess mod fit-Tieni Ittra lill-Korintin jistqarr: “L-ittra tagħna hi intom,… ittra ta’ Kristu fdata f’idejna, miktuba mhux bil-linka, imma bl-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj” (3:2-3).

 

Allura ma nistagħġbux jekk il-Kriżostmu jitkellem fuq San Pawl bħala “ruħ tad-djamant” (Paniġierki, 1,8), u jkompli jgħid: “Kif in-nar huwa u jqabbad għadd ta’ materjali iktar jissaħħaħ…, hekk il-kelma ta’ Pawlu kienet tirbaħ għall-kawża tagħha lil dawk kollu li kienet tmiss magħhom, u dawk li kienu jeħduha kontrih, maqbudin mid-diskorsi tiegħu, kienu jsiru bħal żejt li jkebbes dan in-nar spiritwali” (ibid., 7,11). Dan jispjega għaliex Pawlu lill-appostli jsejħilhom “ħaddiema ma’ Alla” (1 Kor 3:9; 2 Kor 6:1), li l-grazzja tiegħu taħdem fihom. Element tipiku tal-veru appostlu, li San Pawl iqiegħed taħt dawl tajjeb, hu dik l-għamla ta’ identifikazzjoni bejn il-Vanġelu u l-evanġelizzatur, li t-tnejn huma ddestinati għall-istess xorti. Fil-fatt, ħadd daqs Pawlu ma wera tant kif it-tħabbira tas-salib ta’ Kristu tidher “skandlu u bluha” (1 Kor 1:23), li għaliha ħafna jirreaġixxu billi ma jifhmux u jirrifjutaw. Dan ġara f’dak iż-żmien, u ma għandniex neħduha bi kbira li qed iseħħ illum ukoll. U għalhekk minn din ix-xorti, jiġifieri li jidher bħala “skandlu u bluha”, għandu sehem l-appostlu, u Pawlu dan jafu: din hi l-esperjenza ta’ ħajtu. Lill-Korintin jiktbilhom, mhux mingħajr vena ta’ ironija: “Jien naħseb li lilna l-appostli Alla xeħitna għall-aħħar wara kulħadd bħallikieku telaqna għall-mewt; għax sirna spettaklu għad-dinja, għall-anġli u għall-bnedmin. Aħna boloh minħabba fi Kristu, intom għaqlin fi Kristu; aħna dgħajfa, u intom qawwija; intom nies tal-ġieħ, aħna bla ġieħ. Sa issa stess aħna bil-ġuħ u bil-għatx, bilkemm imlibbsa; imsawta u bla dar; ninkeddu u naħdmu b’idejna stess. Iżebilħuna, u nbierku; jaħqruna, u nistabru; jgħidu fuqna, u nwieġbu bil-ħlewwa. Sirna qisna l-knis tad-dinja, ir-rimi ta’ kulħadd sal-lum” (1 Kor 4:9-13). Dan hu ritratt li San Pawl innifsu jagħtina tal-ħajja appostolika tiegħu: f’dawn it-tbatijiet kollha jispikka l-ferħ li hu jista’ jwassal il-barka ta’ Alla u l-grazzja tal-Vanġelu.

 

Madankollu, Pawlu jaqsam mal-filosofija Stokja ta’ żmienu l-idea ta’ perseveranza soda qalb id-diffikultajiet kollha li jiġu fi triqtu; imma hu jmur lil hemm mill-perspettiva sempliċiment umanistika, għax idaħħal fin-nofs il-fatt tal-imħabba ta’ Alla u ta’ Kristu: “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? Bħalma hu miktub: Minħabba fik il-jum kollu jikkundannawna għall-mewt; jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla. Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna” (Rum 8:35-39). Din hija ċ-ċertezza, il-ferħ qawwi li jmexxi lill-Appostu Pawlu qalb dawn il-ġrajjiet kollha: xejn ma jista’ jifridna mill-imħabba ta’ Alla. U din l-imħabba hija l-għana veru tal-ħajja tal-bniedem.

 

Kif qed naraw, San Pawl ta ħajtu kollha għall-Vanġelu; nistgħu ngħidu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum! U wettaq il-ministeru tiegħu b’fedeltà u ferħ, “biex insalva lil kulħadd” (1 Kor 9:22). U fil-konfront tal-Knejjes, imqar jekk kien jaf li kellu magħhom rabta ta’ missier (ara 1 Kor 4:15), jekk mhux ukoll ta’ omm (ara Gal 4:19), kien jimxi magħhom bi mġiba ta’ qadi totali, u bi mħabba jistqarr: “Mhux għax irridu nġegħlukom temmnu iżda li naħdmu flimkien għall-ferħ tagħkom” (2 Kor 1:24). Din tibqa’ l-missjoni tal-appostli kollha ta’ Kristu f’kull żmien: li jkunu kollaboraturi tal-ferħ veru.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard