Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 5 ta’ Novembru 2008

 

San Pawl (11)

L-importanza tal-Kristoloġija: id-deċiżività tal-Qawmien

 

Għeżież ħuti,

 

“Imma jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom… u intom għadkom fi dnubietkom” (1 Kor 15:14,17). B’dawn il-kelmiet qawwija tal-Ewwel Ittra lill-Korintin, San Pawl jurina x’importanza deċiżiva hu jattribwixxi lill-qawmien ta’ Ġesù. Fil-fatt, f’din il-ġrajja għandna s-soluzzjoni tal-problema li tippreżenta t-traġedja tas-Salib. Waħdu s-Salib ma jistax jispjega l-fidi Nisranija, anzi jibqa’ traġedja, indikazzjoni tal-assurdità tal-eżistenza. Il-misteru tal-Għid qiegħed fil-fatt li dak il-Mislub “qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura” (1 Kor 15:4) – hekk tixhdilna t-tradizzjoni tal-Kristjaneżmu bikri. Hawn qiegħda l-ġebla tax-xewka tal-Kristoloġija Pawlina: kollox idur ma’ dan il-fus. It-tagħlim kollu tal-Appostlu Pawlu jitlaq mill- u jasal dejjem fil-misteru ta’ Dak li l-Missier qajmu mill-imwiet. Il-qawmien hu fatt fundamentali, kważi assjoma li tiġi dejjem qabel (ara 1 Kor 15:12), u li fuqha Pawlu jista’ jsawwar it-tħabbira (kerygma) sintetika tiegħu: Dak li ġie msallab, u li hekk wera l-imħabba bla tarf ta’ Alla għall-bniedem, qam u jinsab ħaj f’nofsna.

 

Importanti nifhmu r-rabta bejn it-tħabbira tal-qawmien, hekk kif jifformulaha Pawlu, u dik li kienet tintuża fl-ewwel komunitajiet Insara ta’ qabel Pawlu. Hawn tabilħaqq nistgħu naraw l-importanza tat-tradizzjoni li ġiet qabel l-Appostlu u li hu, b’rispett u b’attenzjoni liema bħalhom, irid min-naħa tiegħu jgħaddi lilna. It-test fuq il-qawmien, li nsibu fil-kap. 15:1-11 tal-Ewwel Ittra lill-Korintin, juri ċar ir-rabta bejn li “tirċievi” u li “tgħaddi”. San Pawl jagħti importanza kbira lill-formulazzjoni litterali tat-tradizzjoni; fi tmiem din is-silta jinsisti: “Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna” (1 Kor 15:11), u hekk xeħet dawl fuq il-karatteristika tal-għaqda li hemm fil-kerigma, tat-tħabbira għal dawk kollha li jemmnu u għal dawk kollha li għad ixandru l-qawmien ta’ Kristu. It-tradizzjoni li magħha jintrabat hija l-għajn li minnha jixrob. L-oriġinalità tal-Kristoloġija tiegħu qatt ma hi bi skapitu għall-fedeltà lejn it-tradizzjoni. Il-kerigma tal-Appostli dejjem insibuha tippresiedi fil-mod personali ta’ kif Pawlu jerġa’ jelabora l-affarijiet; kull argumentazzjoni tiegħu toħroġ mit-tradizzjoni komuni, li fiha tesprimi ruħha l-fidi li l-Knejjes kollha jaqsmu flimkien, li huma Knisja waħda. U hekk San Pawl joffri mudell għaż-żminijiet kollha fuq kif wieħed jagħmel teoloġija u kif jipprietka. It-teologu, il-predikatur ma joħloqx viżjonijiet ġodda tad-dinja u tal-ħajja, imma jinsab għas-servizz tal-verità trasmessa, għas-servizz tal-fatt reali ta’ Kristu, tas-Salib, tal-qawmien. Il-missjoni tiegħu hi li jgħinna nifhmu llum, wara l-kelmiet qodma, ir-realtà ta’ “Alla magħna”, jiġifieri r-realtà tal-ħajja vera.

 

U hawn irridu nippreċiżaw: San Pawl, meta jħabbar il-qawmien, ma għandux fi ħsiebu joqgħod jippreżenta espożizzjoni dottrinali organika tiegħu – ma jridx jikteb xi manwal ta’ teoloġija – imma jaffronta t-tema billi jwieġeb għad-dubji u l-mistoqsijiet konkreti li jipproponulu l-fidili; jiġifieri diskors okkażjonali, imma mimli fidi u teoloġija li ngħexet. Għandna konċentrazzjoni fuq dak li hu l-essenzjali: aħna ġejna “ġġustifikati”, jiġifieri sirna ġusti, ġejna salvati, minn Kristu li miet u rxoxta għalina. Joħroġ qabelxejn il-fatt tal-qawmien, li mingħajru l-ħajja Nisranija kienet tkun sempliċiment assurda. F’dik l-għodwa tal-Għid seħħet xi ħaġa straordinarja, ġdida u, fl-istess waqt, konkreta ħafna, immarkata minn sinjali preċiżissmi, li seħħu taħt għajnejn ħafna xhieda. Għal Pawlu, bħal fil-każ ta’ awturi oħra tat-Tesment il-Ġdid, il-qawmien hu marbut max-xhieda ta’ min għamel esperjenza diretta tal-Irxoxt. Hawn qed nitkellmu fuq min ra u sema’ mhux biss b’għajnejh jew bis-sensi, imma anki b’dawl ġewwieni li wasslu jagħraf dak li s-sensi ta’ barra jixhdu bħala fatt oġġettiv. Għalhekk Pawlu – kif jagħmlu l-erba’ Vanġeli – jagħti rilevanza fundamentali lit-tema tad-dehriet, li huma kundizzjoni fundamentali għall-fidi fl-Irxoxt li ħalla warajh il-qabar vojt. Dawn iż-żewġ fatti huma importanti: il-qabar hu vojt u Ġesù deher tabilħaqq. Hekk tinħoloq dik il-katina tat-tradizzjoni li, permezz tax-xhieda tal-Appostli u tal-ewwel dixxipli, tasal sal-ġenerazzjonijiet ta’ wara, sa żmienna. L-ewwel konsegwenza, jew l-ewwel mod li jesprimi din ix-xhieda, hu l-predikazzjoni tal-qawmien ta’ Kristu bħala ġabra fil-qosor tat-tħabbira evanġelika u bħala l-ogħla punt ta’ mixja salvifika. Dan kollu Pawlu jagħmlu f’diversi okkażjonijiet: nistgħu nikkonsultaw l-Ittri u l-Atti tal-Appostli fejn naraw dejjem kif il-punt essenzjali għalih hu li jkun xhud tal-qawmien. Hawn nixtieq insemmi biss test wieħed: Pawlu, arrestat f’Ġerusalemm, deher mixli quddiem is-Sinedriju. F’din iċ-ċirkustanza fejn qed jilgħab bejn ħajja u mewt, hu jurina liema hu s-sens u l-kontenut tal-predikazzjoni kollha tiegħu: “Hu għalhekk li qiegħed isir ħaqq minni, minħabba t-tama fil-qawmien minn bejn l-imwiet” (Atti 23:6). Dan l-istess ritornell Pawlu jtennih kontinwament fl-Ittri tiegħu (ara 1 Tess 1:9s; 4:13-18; 5:10), li fihom isemmi anki l-esperjenza personali tiegħu, il-laqgħa personali tiegħu ma’ Kristu Rxoxt (ara Gal 1:15-16; 1 Kor 9:1).

 

Imma nistgħu nistaqsu lilna nfusna: liema hu, għal San Pawl, is-sens profond tal-ġrajja tal-qawmien ta’ Ġesù? X’qed jgħid lilna wara elfejn sena? L-istqarrija “Kristu qam” hi attwali għalina wkoll? Għaliex il-qawmien hu għalih u għalina llum tema hekk determinanti? Pawlu jagħti tweġiba solenni għal din il-mistoqsija fil-bidu tal-Ittra lir-Rumani, fejn jiftaħ billi jsemmi “l-Evanġelju li Alla kien wiegħed… dwar Ibnu Ġesù Kristu Sidna li, skont it-tnissil tal-ġisem, twieled min-nisel ta’ David, u, skont l-Ispirtu s-Santu, ġie rivelat bħala l-Iben ta’ Alla b’kull qawwa permezz tal-qawmien mill-imwiet” (Rum 1:2-4). Pawlu jaf tajjeb u jgħidha ħafna drabi li Ġesù kien sa minn dejjem l-Iben ta’ Alla, mill-mument tal-inkarnazzjoni tiegħu. L-aspett ġdid tal-qamwien jinsab fil-fatt li Ġesù, merfugħ mill-umiltà tal-ħajja tiegħu fuq din l-art, jiġi rrivelat bħala Iben ta’ Alla “b’kull qawwa”. Ġesù umiljat sal-punt tal-mewt tas-salib jista’ issa jgħid lill-Ħdax: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u l-fart” (Mt 28:18). Iseħħ dak li jgħid is-Salm 2:8: “Itlobni, u l-ġnus nagħtik b’wirtek, u truf l-art bi priża tiegħek”. Għalhekk bil-qawmien tibda t-tħabbira tal-Vanġelu ta’ Kristu lill-ġnus kollha – tibda s-Saltna ta’ Kristu, din is-Saltna ġdida li ma tafx b’setgħa oħra ħlief dik tal-verità u tal-imħabba. Il-qawmien għalhekk jikxef darba għal dejjem liema hi l-vera identità u l-istatura straordinarja tal-Mislub. Dinjità li m’hemmx xebh ieħor magħha u hi mill-aktar għolja: Ġesù huwa Alla! Għal San Pawl l-identità moħbija ta’ Ġesù, iktar milli fl-inkarnazzjoni, tiġi rrivelata fil-misteru tal-qawmien. Waqt li t-titlu ta’ Kristu, jiġifieri ta’ ‘Messija’, ‘Midluk’, f’San Pawl aktarx isir l-isem proprju ta’ Ġesù u dak ta’ Mulej jispeċifika r-relazzjoni personali tiegħu ma’ dawk li jemmnu, issa t-titlu ta’ Iben ta’ Alla jibda juri r-relazzjoni intima ta’ Ġesù ma’ Alla, relazzjoni li tidher b’mod sħiħ fil-ġrajja tal-Għid. Għalhekk, nistgħu ngħidu li Ġesù qam mill-mewt biex isir is-Sid tal-ħajjin u tal-mejtin (ara Rum 14:9; u 2 Kor 5:15) jew, fi kliem ieħor, il-Feddej tagħna (ara Rum 4:25).

 

Dan kollu jġorr fih konsegwenzi importanti għall-ħajja tal-fidi tagħna: aħna msejħin nieħdu sehem, sa fil-ġewwieni ta’ dak li aħna, fil-ġrajja sħiħa tal-mewt u tal-qawmien ta’ Kristu. Jgħid l-Appostlu: aħna “mitna ma’ Kristu” u nemmnu li “jekk aħna mitna ma’ Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma’ Kristu. Nafu li Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu” (Rum 6:8-9). Dan jittraduċi ruħu fil-qsim tagħna fit-tbatijiet ta’ Kristu, li jwassalna għal dak it-twaħħid sħiħ tagħna miegħu permezz tal-qawmien li għalih nimmiraw fit-tama. Dan hu li seħħ ukoll lil San Pawl, li l-esperjenza personali tiegħu hi mfissra fl-Ittri b’toni tant ħerqana daqskemm realistiċi: “Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet” (Fil 3:10-11; ara 2 Tim 2:8-12). It-teoloġija tas-Salib mhijiex teorija – hija r-realtà tal-ħajja Nisranija. Li tgħix bil-fidi f’Ġesù Kristu, tgħix il-verità u l-imħabba, jimplika ċaħdiet ta’ kuljum, jimplika tbatijiet. Il-Kristjaneżmu mhuwiex it-triq tal-kumdità, pjuttost hu telgħa esiġenti, imma mdawla mid-dawl ta’ Kristu u mit-tama kbira li titwieled minnu. Santu Wistin jgħid: L-Insara mhumiex meħlusa mit-tbatija, anzi lilhom tmisshom ftit iżjed, għax li tgħix il-fidi jesprimi l-kuraġġ li taffronta l-ħajja u l-istorja b’mod iktar profond. Madankollu, hekk biss, billi nduqu t-tbatija, li nistgħu nagħrfu l-ħajja fil-profondità tagħha, fil-ġmiel tagħha, fit-tama kbira mqanqla minn Kristu mislub u rxoxt. Min jemmen, għalhekk, diġà jsib ruħu bejn żewġt itruf: minn naħa, il-qawmien li b’xi mod hu diġà preżenti u jaħdem fina (ara Kol 3:1-4; Efes 2:6); mill-oħra, l-urġenza li nidħlu f’dak il-proċess li jwassal lil kulħadd u kollox lejn il-milja, imfisser fl-Ittra lir-Rumani bi xbieha kuraġġjuża: l-istess kif il-ħolqien kollu jokrob u jbati kważi bl-ugigħ tal-ħlas, hekk ukoll aħna nokorbu fl-istennija tal-fidwa ta’ ġisimna, tal-fidwa u l-qawmien (ara Rum 8:18-23).

 

Fil-qosor, nistgħu ngħidu ma’ Pawlu li min tassew jemmen, jikseb is-salvazzjoni billi jistqarr b’fommu li Ġesù hu l-Mulej u jemmen b’qalbu li Alla qajmu minn bejn l-imwiet (ara Rum 10:9). Importanti qabelxejn il-qalb li temmen fi Kristu u bil-fidi “tmiss” lill-Irxoxt; imma mhux biżżejjed inġorru l-fidi f’qalbna, irridu nistqarruha u nagħtu xhieda tagħha bil-fomm, bil-ħajja tagħna, u hekk nagħmlu preżenti l-verità tas-salib u tal-qawmien fl-istorja tagħna. Fil-fatt, b’dan il-mod in-Nisrani jidħol f’dak il-proċess li grazzi għalih l-ewwel Adam, ta’ din l-art u suġġett għat-taħsir u għall-mewt, jinbidel fl-aħħar Adam, dak tas-Sema u li ma jitħassarx (ara 1 Kor 15:20-22,42-49). Dan il-proċess inbeda bil-qawmien ta’ Kristu, li fuqu allura tinbena t-tama li għad jum wieħed nidħlu aħna wkoll ma’ Kristu fil-veru pajjiż tagħna li hu s-Sema. Imwieżna minn din it-tama nibqgħu mexjin ’il quddiem b’kuraġġ u bil-ferħ.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard