Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 3 ta’ Diċembru 2008

 

San Pawl (15)

Adam u Kristu: mid-dnub (oriġinali) għal-libertà

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-katekeżi tal-lum se nieqfu fuq ir-relazzjonijiet bejn Adam u Kristu, li San Pawl isemmi fil-paġna magħrufa mill-Ittra lir-Rumani (5:12-21), li fiha jagħti lill-Knisja l-linji essenzjali tad-duttrina fuq id-dnub oriġinali. Fil-verità, diġà fl-Ewwel Ittra lill-Korintin, meta ttratta l-fidi fil-qawmien, Pawlu kien introduċa l-konfront bejn l-ewwel ġenitur tagħna u Kristu: “Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu… L-ewwel bniedem, Adam, sar ruħ ħajja, l-aħħar wieħed sar spirtu li jagħti l-ħajja” (1 Kor 15:22-45). Rum 5:12-21 tixħet iktar dawl b’mod artikulat fuq il-konfront bejn Kristu u Adam: Pawlu jimxi mal-istorja tas-salvazzjoni minn Adam sal-Liġi u minn din sa Kristu. Fil-qalba tax-xena nsibu mhux tant lil Adam bil-konsegwenzi tad-dnub fuq l-umanità, daqskemm lil Ġesù Kristu u l-grazzja li, permezz tiegħu, ġiet imsawba bil-kotra fuq il-bnedmin. Ir-ripetizzjoni tal-“kemm aktar” dwar Kristu tagħfas fuq kif id-don li rċivejna fih jgħaddi bil-kbir lid-dnub ta’ Adam u l-konsegwenzi fuq l-umanità, hekk li Pawlu jista’ jasal għall-konklużjoni: “Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja” (Rum 5:20). Għalhekk, il-konfront li jara Pawlu bejn Adam u Kristu jixħet dawl fuq l-inferjorità tal-ewwel bniedem ħdejn il-kobor tat-tieni.

 

Min-naħa l-oħra, hu proprju biex juri d-don bla qies tal-grazzja, fi Kristu, li Pawlu jaċċenna għad-dnub ta’ Adam: nistgħu ngħidu li kieku mhux biex juri ċ-ċentralità tal-grazzja, ma kienx ħa joqgħod jittratta tant id-dnub li daħal “permezz ta’ bniedem wieħed [li] fid-dinja […], u permezz tad-dnub il-mewt” (Rum 5:12). Għalhekk, jekk fil-fidi tal-Knisja kiber l-għarfien tad-domma tad-dnub oriġinali, dan għax hi bilfors marbuta mad-domma l-oħra, dik tas-salvazzjoni u tal-libertà fi Kristu. Il-konsegwenza ta’ dan hi li ma għandna qatt nittrattaw id-dnub ta’ Adam u tal-umanità b’mod maqtugħ mill-kuntest salvifiku, jiġifieri mingħajr ma nifhmuhom fix-xefaq tal-ġustifikazzjoni fi Kristu.

 

Imma bħala bnedmin tal-lum jeħtieġ nistaqsu: xi jkun dan id-dnub oriġinali? X’jgħallem San Pawl, x’tgħallem il-Knisja? Dan it-tagħlim għadu jgħodd illum? Ħafna jaħsbu li, fid-dawl tal-istorja tal-evoluzzjoni, ma għadx hemm lok għad-duttrina tal-ewwel dnub, li mbagħad xterdet fl-istorja kollha tal-bniedem. U, b’konsegwenza, anki l-kwistjoni tal-Fidwa u tal-Feddej titlef il-fundament tagħha. Allura, jeżisti d-dnub oriġinali jew le? Biex nistgħu nwieġbu rridu nagħżlu bejn żewġ aspetti tat-tagħlim fuq id-dnub oriġinali. Jeżisti aspett empiriku, jiġifieri realtà konkreta, viżibbli, allura tanġibbli għal kulħadd. U aspett tal-misteru, dwar il-fundament ontoloġiku ta’ dan il-fatt. Il-fatt empiriku hu li teżisti kontradizzjoni fl-essri tagħna. Minn naħa, kull bniedem jaf li jrid jagħmel dak li hu tajjeb u f’qalbu jixtieq jagħmlu wkoll. Imma, fl-istess waqt, iħoss ukoll it-tqanqil l-ieħor li jagħmel il-kontra, li jimxi t-triq tal-egoiżmu, tal-vjolenza, li jagħmel biss dak li jogħġbu mqar jekk jaf li hekk qed jaġixxi kontra t-tajjeb, kontra Alla u kontra l-proxxmu. San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani esprima din il-kontradizzjoni li hemm fina b’dan il-mod: “Ir-rieda tajba qiegħda hemm fija, imma li nagħmel it-tajjeb mhux hemm. M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx” (7:18-19). Din il-kontradizzjoni ta’ ġo fina mhijiex teorija. Kull wieħed u waħda minna jġarrabha ta’ kuljum. U fuq kollox naraw dejjem madwarna l-prevalenza ta’ din it-tieni rieda. Biżżejjed naħsbu fl-aħbarijiet ta’ kuljum fuq inġustizzji, vjolenza, gideb, regħba. Kuljum narawh dan: huwa fatt.

 

Bħala konsegwenza ta’ dan il-poter tal-ħażen fuq ruħna, żviluppat fl-istorja xmara maħmuġa, li tavvelena l-ġeografija tal-istorja umana. Il-ħassieb kbir Franċiż Blaise Pascal tkellem dwar it-“tieni natura”, li tirkeb fuq in-natura oriġinali tagħna, dik tajba. Din it-“tieni natura” l-ħażen iġġibu jidher normali għall-bniedem. Hekk ukoll l-espressjoni tas-soltu “din ħaġa umana” għandha tifsira doppja. “Din ħaġa umana” tista’ tfisser: dan il-bniedem hu tajjeb, jaġixxi tabilħaqq kif għandu jaġixxi bniedem. Imma “din ħaġa umana” tista’ wkoll tfisser ħaġa qarrieqa: il-ħażen hu normali, hu uman. Il-ħażen donnu sar it-tieni natura tagħna. Din il-kontradizzjoni fil-bniedem, fl-istorja tagħna għandha tipprovoka, u tipprovoka llum ukoll, ix-xewqa għall-fidwa. U, fir-realtà, ix-xewqa li d-dinja tinbidel u l-wegħda li tinħoloq dinja ta’ ġustizzja, ta’ paċi, ta’ tjieba, hi preżenti kullimkien: fil-politika, ngħidu aħna, kulħadd jitkellem fuq dan il-bżonn li nibdlu d-dinja, li noħolqu dinja iżjed ġusta. U proprju din hi espressjoni tax-xewqa li jkun hemm ħelsien mill-kontradizzjoni li nħossu fina nfusna.

 

Għalhekk, il-fatt tal-poter tal-ħażen fil-qalb tal-bniedem u fl-istorja tal-bniedem ħadd ma jista’ jiċħdu. Il-kwistjoni hi: kif infissruh dan il-ħażen? Fl-istorja tal-ħsieb, ibda mill-fidi Nisranija, jeżisti mudell prinċipali ta’ spjegazzjoni, b’diversi varjazzjonijiet. Dan il-mudell jgħid hekk: l-essri fih innifsu hu kontradittorju, iġorr fih kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin. Fil-qedem din l-idea kienet timplika l-opinjoni li jeżistu żewġ prinċipji daqstant ieħor oriġinarji: prinċipju tajjeb u prinċipju ħażin. Dan id-duwaliżmu ma jistax jingħeleb; iż-żewġ prinċipji qegħdin fuq l-istess livell, u allura sa jkun hemm dejjem, sa mill-oriġni tal-essri, din il-kontradizzjoni. Il-kontradizzjoni ta’ dak li aħna, allura, sempliċiment tirrifletti l-kuntrarjetà taż-żewġ prinċipji divini, biex ngħidu hekk. Fil-verżjoni evoluzzjonistika, atea, tad-dinja, nerġgħu nsibu b’mod ġdid l-istess viżjoni. Imqar jekk, f’kunċett bħal dan, il-viżjoni tal-essri hi monistika, is-suppożizzjoni hi li l-essri bħala tali sa mill-bidu jġorr fih il-ħażin u t-tajjeb. L-essri nnifsu mhuwiex sempliċiment tajjeb, imma miftuħ għat-tajjeb u għall-ħażin. Il-ħażin hu daqstant ieħor oriġinarju bħalma hu t-tajjeb. U l-istorja umana allura żviluppat biss il-mudell diġà preżenti fl-evoluzzjoni kollha ta’ qabilha. Dak li l-Insara jsejħulu dnub oriġinali fir-realtà huwa biss il-karattru mħallat tal-essri, taħlita ta’ tajjeb u ħażin li, skont din it-teorija, hu tal-istess stoffa tal-essri. Fil-verità din hi viżjoni ddisprata: jekk huwa hekk, il-ħażen ma jistax jintrebaħ. Fl-aħħar mill-aħħar jiswa biss l-interess tiegħi. U kull progress bilfors irridu nħallsu għalih bi xmara ta’ ħażen u min irid jaqdi lill-progress irid jaċċetta li jħallas dan il-prezz. Il-politika, fil-fatt, hi msejsa xi ftit jew wisq fuq dawn il-premessi: u nistgħu naraw x’inhuma l-effetti. Dan il-ħsieb modern jista’, fl-aħħar mill-aħħar, joħloq biss diqa u ċiniżmu.

 

U allura nistaqsu mill-ġdid: x’tgħidilna l-fidi, li jagħti xhieda tagħha San Pawl? Bħala l-ewwel punt, din tikkonferma l-fatt tal-kompetizzjoni bejn iż-żewġ naturi, il-fatt ta’ dan il-ħażen li jdellel fuq il-ħolqien kollu. Smajna l-kapitlu 7 tal-Ittra lir-Rumani, u nistgħu nżidu miegħu l-kapitlu 8. Il-ħażen sempliċiment jeżisti. Bħala spjegazzjoni, f’kuntrast mad-duwaliżmi u l-moniżmi li fissirna fil-qosra u nikktuna, il-fidi tgħidilna: jeżistu żewġ misteri ta’ dawl u misteru ta’ lejl, li imma hu mdawwar mill-misteri ta’ dawl. L-ewwel misteru ta’ dawl hu dan: il-fidi tgħidilna li ma hemmx żewġ prinċipji, wieħed tajjeb u l-ieħor ħażin, imma hemm biss prinċipju wieħed, Alla ħallieq, u dan il-prinċipju hu tajjeb, tajjeb biss, mingħajr ebda dell ta’ ħażen. U allura anki l-essri mhuwiex taħlita ta’ tajjeb u ħażin; l-essri bħala tali hu tajjeb u għalhekk hi ħaġa tajba li tkun teżisti, li tgħix. Din hi l-aħbar it-tajba tal-fidi: hemm biss għajn tajba, il-Ħallieq. U għalhekk il-ħajja hi tajba, hi ħaġa tajba li tkun raġel, mara, il-ħajja hi ħaġa tajba. Imbagħad jiġi l-misteru tad-dlam, tal-mewt. Il-ħażen mhuwiex ġej mill-għajn tal-essri nnifsu, mhuwiex oriġinarju bħalu. Il-ħażen ġej minn libertà maħluqa, minn libertà abbużata.

 

Dan kif kien possibbli, kif ġara? Din tibqa’ ħaġa mudlama. Il-ħażen mhuwiex loġiku. Alla biss u t-tjieba huma loġiċi, huma dawl. Il-ħażen jibqa’ misterjuż. Ġie ppreżentat bi xbihat kbar, kif jagħmel il-kapitlu 3 tal-Ġenesi, b’dik il-viżjoni taż-żewġ siġriet, tas-serp, tal-bniedem li jidneb. Xbieha kbira li tagħtina ħjiel, imma ma tistax tfisser dak li fih innifsu hu illoġiku. Nistgħu nistħajlu, u mhux nispjegaw; lanqas nistgħu nirrakkuntawh bħala fatt wara l-ieħor, għax hi realtà bil-wisq iżjed profonda. Jibqa’ misteru ta’ dlam, ta’ mewt. Imma jiżdied miegħu minnufih misteru ta’ dawl. Il-ħażen ġej minn għajn subordinata. Alla bid-dawl tiegħu hu iżjed b’saħħtu. U għalhekk il-ħażen jista’ jingħeleb. Għalhekk il-ħlejqa, il-bniedem, jista’ jiġi mfejjaq. Il-viżjonijiet duwalisti, anki l-moniżmu tal-evoluzzjoniżmu, ma jistgħux jgħidu li l-bniedem kapaċi jitfejjaq; imma jekk il-ħażen ġej biss minn għajn subordinata, jibqa’ veru li l-bniedem jista’ jitfejjaq. U l-Ktieb tal-Għerf jgħid: “Hu ħalaq kollox biex jgħix; għall-ħajja huma l-ħlejjaq tad-dinja” (1:14 Vulg.). U fl-aħħar, l-aħħar punt, il-bniedem mhux biss jista’ jitfejjaq, imma fil-fatt hu mfejjaq. Alla tah il-fejqan. Daħal hu stess fl-istorja. Kontra l-għajn permanenti tal-ħażen hu poġġa għajn ta’ ġid pur. Kristu msallab u rxoxt, Adam il-ġdid, kontra x-xmara maħmuġa tal-ħażen jiftaħ xmara ta’ dawl. U din ix-xmara hi preżenti fl-istorja: naraw il-qaddisin, il-qaddisin kbar imma anki l-qaddisin żgħar, il-fidili sempliċi. Naraw kif ix-xmara ta’ dawl li ġejja minn Kristu hi preżenti, hi b’saħħitha.

 

Ħuti, qegħdin fi żmien l-Avvent. Fil-lingwaġġ tal-Knisja l-kelma Avvent għandha żewġ tifsiriet: preżenza u stennija. Preżenza: id-dawl hu preżenti, Kristu hu Adam il-ġdid, hu magħna u f’nofsna. Diġà jiddi dan id-dawl u rridu niftħu l-għajnejn ta’ qalbna biex naraw id-dawl u biex nidħlu fix-xmara tad-dawl. Fuq kollox inkunu grati għall-fatt li Alla nnifsu daħal fl-istorja bħala għajn ġdida ta’ tjieba. Imma l-Avvent hu wkoll stennija. Il-lejl mudlam tal-ħażen għadu b’saħħtu. U għalhekk nitolbu fl-Avvent flimien mal-poplu ta’ Alla sa mill-qedem: Rorate cæli desuper. U nitolbu bla heda: ejja, Ġesù; ejja, agħti qawwi lid-dawl u lit-tajjeb; ejja fejn jaħkmu l-gidba, l-injoranza ta’ Alla, il-vjolenza, l-inġustizzja; ejja, Mulej Ġesù, agħti qawwa lit-tajjeb fid-dinja u għinna nkunu ħabbara tad-dawl tiegħek, inkunu bennejja tal-paċi, xhieda tal-verità. Ejja, Mulej Ġesù!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard