Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 2 ta’ Lulju 2008

 

San Pawl (1)

L-ambjent reliġjuż-kulturali

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nibda ċiklu ġdid ta’ Katekeżi, iddedikat lill-Appostlu kbir San Pawl. Lilu, kif tafu, hi kkonsagrata din is-sena bejn il-festa liturġika ta’ San Pietru u San Pawl tad-29 ta’ Ġunju 2008 u l-istess festa tal-2009. L-Appostlu Pawlu, figura mill-aqwa u kważi inimitabbli, imma li tqanqalna ħafna, jinsab quddiemna bħala xempju ta’ għotja sħiħa lill-Mulej u lill-Knisja tiegħu, kif ukoll ta’ ftuħ kbir għall-umanità u għall-kulturi tagħha. Għalhekk jixraq li nżommulu post partikulari, mhux biss fil-qima tagħna, imma wkoll fl-isforz tagħna li nifhmu dak li għandu x’jgħidilna, Insara tal-lum. F’din l-ewwel laqgħa tagħna rridu nieqfu biex inħarsu lejn l-ambjent li fih għex u ħadem. Tema bħal din tidher li ħa teħodna ’l bogħod minn żmienna, ladarba rridu nidħlu fid-dinja ta’ elfejn sena ilu. Madankollu dan hu veru biss fid-dehra tiegħu u f’parti minnu, għax nistgħu ngħidu li, f’diversi aspetti, il-kuntest soċjo-kulturali tal-lum mhux wisq differenti minn ta’ dak iż-żmien.

 

Fattur ewlieni u fundamentali li rridu nżommu quddiem għajnejna hu r-relazzjoni bejn l-ambjent li fih Pawlu twieled u kiber u l-kuntest globali li fih imbagħad daħal. Hu ġej minn kultura preċiża u b’konfini limitati, bla dubju f’minoranza, li hi dik tal-poplu ta’ Iżrael u tat-tradizzjoni tiegħu. Fid-dinja tal-qedem u b’mod speċjali fi ħdan l-Imperu Ruman, kif jgħallmuna l-istudjużi tal-materja, il-Lhud setgħu kienu jammontaw għal xi 10% tal-popolazzjoni sħiħa; hawn Ruma, imbagħad, l-għadd tagħhom lejn nofs l-ewwel seklu kien ħafna inqas, jilħaq l-iktar it-3% ta’ dawk li kienu jgħixu fil-belt. It-twemmin tagħhom u l-istil tal-ħajja tagħhom, kif għadu sal-lum, kienu jagħżluhom b’mod ċar mill-ambjent ta’ madwarhom; u dan seta’ jkollu żewġ effetti: jew iż-żebliħ, li kien iwassal għall-intolleranza, jew l-ammirazzjoni, li kienet tesprimi ruħha f’bosta xejriet ta’ simpatija bħal fil-każ ta’ “dawk li jibżgħu minn Alla” jew tal-“proseliti”, pagani li kienu jassoċjaw ruħhom mas-Sinagoga u kellhom l-istess fidi f’Alla ta’ Iżrael. Bħala eżempji konkreti ta’ dan l-atteġġjament doppju nistgħu nikkwotaw, minn naħa, il-ġudizzju aħrax ta’ oratur bħal Ċiċerun, li kien jistmerr ir-reliġjon tagħhom u saħansitra l-belt ta’ Ġerusalemm (ara Pro Flacco, 66-69), u, mill-banda l-oħra, l-imġiba ta’ mart Neruni, Poppea, li Ġużeppi Flavju jfakkarha bħala “simpatizzanti” tal-Lhud (ara Antikitajiet Ġudajċi 20, 195.252; Vita 16), biex ma ngħidux ukoll li diġà Ġulju Ċesari kien għaraf uffiċjalment xi drittijiet partikulari tagħhom li jsemmilna l-istoriku Lhudi li semmejna, Ġużeppi Flavju (ara ibid. 14, 200-216). Żgur li n-numru tal-Lhud, kif fl-aħħar mill-aħħar għadu llum il-ġurnata, kien ikbar barra mill-art ta’ Iżrael, jiġifieri fid-djaspora, milli fit-territorju li l-oħrajn kienu jsejħulu l-Palestina.

 

Għalhekk xejn ma nistagħġbu li Pawlu nnifsu kien oġġett ta’ din il-valutazzjoni doppja u kontrastanti li dwarha għadni kemm tkellimt. Ħaġa waħda hi żgura: il-karatteristiċi partikulari tal-kultura u tar-reliġjon Lhudija trankwillament kienu jsibu posthom fi ħdan istituzzjoni li kienet tinfiltra kullimkien bħalma kien l-Imperu Ruman. Iżjed diffiċli u ta’ tbatija kienet il-pożizzjoni tal-grupp ta’ dawk, Lhud jew Ġentili, li kienu jemmnu fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret, billi dawk kienu jiddistingwu ruħhom kemm mill-Ġudaiżmu u kemm mill-paganiżmu tal-imperu. Hu x’inhu, l-impenn ta’ Pawlu kellu żewġ fatturi favurih. L-ewwel kienet il-kultura Griega jew aħjar Ellenistika, li wara Alessandru l-Kbir kienet saret wirt komuni tal-inqas tal-lvant tal-Mediterran jew aħjar tal-Lvant Nofsani kollu, u li kienet tintegra fiha bosta elementi tal-kulturi ta’ popli tradizzjonalment meqjusa barbari. Kittieb ta’ dak iż-żmien dwar dan jgħid li Alessandru “ordna li kulħadd iżomm bħala pajjiżu l-art abitata kollha… u li l-Grieg u l-Barbaru ma kellhomx jintgħażlu iktar minn xulxin” (Plutarku, De Alexandri Magni fortuna aut virtute, §§ 6.8). It-tieni fattur kienet l-istruttura politika-amministrattiva tal-Imperu Ruman, li kienet tiggarantixxi paċi u stabbiltà mill-Brittanja san-nofsinhar tal-Eġittu, u hekk għaqqdet territorju ta’ daqsijiet li qatt ma kienu għadhom dehru bħalu. F’dan l-ispazju wieħed seta’ jiċċaqlaq b’biżżejjed libertà u sigurtà, u jagħmel użu fost l-oħrajn minn sistema tat-toroq mill-aqwa, u f’kull punt li jasal fih isib karatteristiċi kulturali bażiċi li, mingħajr ma jkunu ta’ dannu għall-valuri lokali, kienu jirrappreżentaw tessut komuni ta’ unifikazzjoni super partes, tant li l-filosfu Lhudi Filun ta’ Lixandra, kontemporanju tal-istess Pawlu, ifaħħar lill-Imperatur Awgustu għax “għaqqad f’armonija lill-popli slavaġ kollha… u sar hu nnifsu l-ħarries tal-paċi” (Legatio ad Caium, §§ 146-147).

 

Il-viżjoni universalistika tipika tal-personalità ta’ San Pawl, tal-inqas ta’ Pawlu n-Nisrani wara l-ġrajja fit-triq ta’ Damasku, żgur li fundamentalment ġiet imqanqla mill-fidi f’Ġesù Kristu, għax il-figura tal-Irxoxt issa kienet tmur lil hemm minn kull restrizzjoni partikulari; fil-fatt, għall-Appostlu, “issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3:28). Madankollu, anki s-sitwazzjoni storika-kulturali ta’ żmienu u tal-ambjent tiegħu ma setgħetx ma influwenzatx xi ftit l-għażliet u l-ħidma tiegħu. Xi ħadd sejjaħ lil Pawlu “bniedem ta’ tliet kulturi”, meta tqis l-għeruq Lhud tiegħu, l-ilsien Grieg tiegħu, u l-prerogattiva tiegħu bħala “civis romanus”, kif juri wkoll l-isem ta’ oriġni Latina. Irridu nfakkru b’mod speċjali l-filosofija Stokja, li kienet dominanti fi żmien Pawlu u li influwenzat, imqar jekk b’mod marġinali, anki lill-Kristjaneżmu. Dwar dan, ma nistgħux ma nsemmux xi ismijiet ta’ filosfi Stojċi bħal dawk tal-bidu Zenone u Cleante, u mbagħad dawk kronoloġikament eqreb ta’ Pawlu bħal Seneka, Musonju u Epittetu: fihom insibu valuri mill-aktar għolja ta’ umanità u ta’ tama, li naturalment ġew milqugħa fil-Kristjaneżmu. Kif jikteb tant tajjeb studjuż ta’ din il-materja, “l-Istojċiżmu… xandar ideal ġdid, li impona fuq il-bniedem dmirjiet lejn ħutu, imma fl-istess waqt ħelsu mir-rabtiet kollha fiżiċi u nazzjonali u għamel minnu essri purament spiritwali” (M. Pohlenz, La Stoa, I, Firenze 1978, pp. 565s). Biżżejjed naħsbu, ngħidu aħna, fid-duttrina tal-univers mifhum bħala ġisem wieħed kbir armonjuż, u konsegwentement fid-duttrina tal-ugwaljanza bejn il-bnedmin kollha mingħajr distinzjonijiet soċjali, fl-ekwiparazzjoni tal-inqas fil-prinċipju bejn ir-raġel u l-mara, u mbagħad fl-ideal tal-moderazzjoni, tal-qies ġust u tal-ħakma fuqna nfusna biex nevitaw kull esaġerazzjoni. Meta Pawlu lill-Filippin jiktbilhom: “Mill-bqija, l-aħwa, f’dan għandkom taħsbu: f’kulma hu veru, f’kulma hu xieraq, f’kulma hu ġust, f’kulma hu safi, f’kulma jiġbed l-imħabba, f’kulma jistħoqqlu l-ġieħ, f’kulma hu virtù, f’kulma ħaqqu t-tifħir; f’dan kollu aħsbu” (Fil 4:8), mhux ħlief jaqbad kunċett tipikament umanistiku li ġej mill-għerf filosofiku.

 

Fi żmien San Pawl kien hemm ukoll kriżi tar-reliġjon tradizzjonali, tal-inqas fl-aspetti mitoloġiċi u anki ċiviċi tagħha. Wara li Lukrezju, diġà seklu qabel, kien ħoloq polemika meta ddikjara li “r-reliġjon wasslet għal tant għemejjel ħżiena” (De rerum natura, 1,101), filosfu bħala Seneka mar sew lil hemm minn kull ritwaliżmu ta’ barra u għallem li “Alla hu qrib tiegħek, huwa miegħek, jinsab fik” (Ittri lil Luċilju, 41,1). Bl-istess mod, meta Pawlu jdur biex ikellem lil filosfi Epikuri u Stojċi li kienu jisimgħuh fl-Arjopagu ta’ Ateni, jgħidilhom testwalment li “Alla ma joqgħodx f’tempji maħduma bl-idejn… aħna fih ngħixu, nitħarrku u aħna” (Atti 17:24,28). F’dan żgur tidwi l-fidi Ġudajka f’Alla li ma jistax jiġi rrappreżentat f’termini antropomorfiċi, imma fl-istess waqt hu jqiegħed lilu nnifsu f’linja reliġjuża li s-semmiegħa tiegħu kienu jafuha tajjeb. Barra dan, irridu nżommu f’moħħna l-fatt li ħafna kultijiet pagani kienu qed iħallu t-tempju uffiċjali tal-belt, u kienu jinżammu f’postijiet privati li jiffavorixxu l-inizjazzjoni tal-proseliti. Għalhekk xejn ma kienet raġuni ta’ stagħġib li anki l-laqgħat Insara (l-ekklesíai), kif juruna fuq kollox l-Ittri Pawlini, kienu jseħħu fi djar privati. Mill-bqija, f’dak iż-żmien, kien għad ma hemm ebda binja pubblika. Għaldaqstant, il-ġemgħat tal-Insara għan-nies ta’ żmienhom aktarx kienu jidhru bħala sempliċi varjant ta’ din il-prassi reliġjuża iktar intima tagħhom. Imma d-differenzi bejn il-kultijiet pagani u l-kult Nisrani mhumiex ftit u jolqtu kemm il-kuxjenza identitarja tal-parteċipanti u kemm il-parteċipazzjoni komuni ta’ rġiel u nisa, iċ-ċelebrazzjoni tal-“ikla tal-Mulej” u l-qari tal-Iskrittura.

 

Biex nagħlqu, minn din il-ħarsa ħafifa lejn l-ambjent kulturali tal-ewwel seklu tal-era Kristjana jidher ċar li mhux possibbli nifhmu kif jixraq lil San Pawl mingħajr ma nqiegħduh fl-isfond, kemm Ġudajku u kemm pagan, ta’ żmienu. B’dan il-mod il-figura tiegħu tikseb profondità storika u ideali, għax turi fl-istess waqt kondiviżjoni u oriġinalità fil-konfront tal-ambjent. Imma dan jgħodd ukoll bl-istess mod għall-Kristjaneżmu b’mod ġenerali, li tiegħu appuntu l-Appostlu hu xempju ewlieni, li minnu lkoll kemm aħna fadlilna dejjem iżjed x’nitgħallmu. Dan hu l-għan tas-Sena Pawlina: li nitgħallmu minn San Pawl, nitgħallmu l-fidi, nitgħallmu min hu Kristu, u fl-aħħar nett nitgħallmu t-triq tal-ħajja t-tajba.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard