Benedettu XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru
L-Erbgħa, 17 ta’ Marzu 2010

 San Bonaventura

Dalgħodu, waqt li ser inkomplu r-riflessjonijiet ta’ nhar ta’ Erbgħa, nixtieq nistudja magħkom xi aspetti mit-tagħlim dottrinali ta’ San Bonaventura ta’ Bagnoregio. Hu teologu kbir li jixraqlu li jkun imqiegħed maġenb ħassieb kbir ieħor, wieħed li kien jgħix fl-istess żmien tiegħu, San Tumas d’Aquino. It-tnejn li huma skrutinjaw il-misteri tar-Rivelazzjoni, waqt li għamlu li setgħu biex iħaddmu l-għejjun tar-raġuni umana, fid-djalogu bejn il-fidi u r-raġuni li kkaratterizzaw iż-Żminijiet tan-Nofs Insara. B’hekk, huma għamlu minn dan iż-Żmien perjodu ta’ ħeġġa kbira għall-intellett, anke għat-tiġdid fil-fidi u fil-ħajja tal-Knisja, li mhux dejjem hi mogħtija l-enfasi mistħoqqa.

Hemm xebh ieħor bejniethom: kemm Bonaventura, Franġiskan u kemm Tumas, Dumnikan, kienu jappartjenu lill-Ordnijiet Mendikanti li, bil-freskezza spiritwali tagħhom, ġeddew il-Knisja kollha fis-seklu 13 u attiraw ħafna li mxew warajhom.  Huma t-tnejn qdew lill-Knisja b’diliġenza, b’passjoni u b’mħabba, sal-punt li kienu mistednin biex jieħdu sehem fil-Konċilju Ekumeniku ta’ Lyons fl-1274, is-sena li fiha huma mietu; Tumas miet fi triqtu lejn Lyons u Bonaventura waqt li kien qiegħed isir il-Konċilju. Anke ż-żewġ statwi ta’ dawn iż-żewġ Qaddisin fi Pjazza San Pietru huma paralleli għal xulxin. It-tnejn li huma jinsabu fil-bidu tal-kolonnad, inti u tħares lejn il-faċċata tal-Bażilika tal-Vatikan; wieħed qiegħed fuq ix-xelluq u l-ieħor qiegħed fuq il-lemin. Minkejja dawn l-aspetti kollha, minn dawn iż-żewġ Qaddisin kbar aħna nistgħu niddixxernu żewġ attitudnijiet differenti għat-tiftix filosofiku u teologali li juru l-oriġinalità u l-profondità tal-ħsieb ta’ kull wieħed minnhom. NIxtieq niġbed l-attenzjoni għad-differenza ta’ bejniethom.

L-ewwel differenza għandha x’taqsam mal-idea tat-teoloġija. Iż-żewġ dutturi kienu mħassbin jekk it-teoloġija kinitx xjenza prattika jew teoloġija spekulattiva (li tfittex u taħseb). San Tumas jirrifletti fuq żewġ tweġibiet possibbli li jikkuntrastaw minn ma’ xulxin. L-ewwel tweġiba tgħid: it-teoloġija hija riflessjoni fuq il-fidi u l-għan tal-fidi hu li l-bniedem isir tajjeb u jgħix skont ir-rieda t’Alla. Għalhekk, l-iskop tat-teologija jkun li tiggwida lill-bniedem fuq it-triq it-tajba, tas-sewwa; allura, dan hu bażikament xjenza prattika. Il-pożizzjoni l-oħra tgħid li t-teoloġija tfittex li ssir taf lil Alla. Aħna xogħol ta’ Alla; Alla hu ‘l fuq mill-azzjonijiet tagħna. Alla jaħdem ix-xogħol it-tajjeb fina, allura dan ma jikkonċernax il-ħidma tagħna  imma li nagħrfu lil Alla, u mhux l-azzjonijiet jew ix-xogħol tagħna. Il-konklużjoni ta’ San Tumas hi: it-teoloġija għandha bżonn iż-żewġ aspetti: hija teoretiku, hi tfittex li ssir taf lil Alla dejjem aħjar, u hija prattika: hi tfittex li torjenta ħajjitna lejn dak li hu tajjeb. Imma huma l-importanza prinċipali ta’ dak li l-bniedem ikun jaf: fuq kollox aħna rridu nsiru nafu lil Alla u mbagħad inkomplu naħdmu skont ir-rieda t’Alla  (Summa Theologiae, 1a, q. 1, art. 4). Din l-importanza li nkunu nafu tikkuntrasta mal-prattiċità, tfisser ħafna għall-orjentazzjoni fundamentali ta’ San Tumas.

It-tweġiba ta’ San Bonaventura tixbah ħafna lil dik ta’ San Tumas imma tixħet l-enfasi tagħha b’mod differenti. San Bonaventura jargumenta fl-istess direzzjoni ta’ San Tumas, imma meta jiġi biex iwieġeb jekk it-teoloġija hix xjenza prattika jew teoterika, San Bonaventura jagħmel tliet distinzjonijiet u għalhekk jestendi l-alternattiva bejn dak li hu teoretiku (l-importanza tat-tagħrif) u dak li hu prattiku (l-importanza tal-prattiċità), waqt li jżid it-tielet attitudni li hi msejħa “sapjenzali” waqt li jafferma li l-għerf iħaddan iż-żewġ aspetti l-oħra. Hu jkompli jgħid: l-għerf ifittex il-kontemplazzjoni (bħala l-ogħla forma tat-tagħrif), u l-għan tiegħu hu "ut boni fiamus" jiġifieri li nsiru tajbin (ara Breviloquium, Prologus, 5). Imbagħad hu jżid: "il-fidi hi fl-intellett, b’tali mod li tipprovoka l-affezzjoni. Per eżempju: it-tagħrif li Kristu miet  ‘għalina’ ma jibqax tagħrif imma jsir neċessarjament affezzjoni, imħabba” (Proemium in I Sent., q. 3).

Hu jiddefendi t-teoloġija fuq l-istess linji, jiġifieri, fuq ir-riflessjonijiet razzjonali u metodoloġiċi tal-fidi. San Bonaventura jsemmi diversi argumenti konta l-fatt li tieħu sehem fit-teoloġija li huma mferrxin fost sezzjoni tal-patrijiet Franġiskani u huma wkoll preżenti fi żmienna: li r-raġuni tiżvojta l-fidi, li tkun attitudni aggressiva għall-kelma t’Alla, li aħna għandna nisimgħu u mhux noqogħdu nanalizzaw il-kelma t’Alla (ara L-Ittri ta’ San Franġisk t’Assis lil Sant’Antnin ta’ Padova). Il-Qaddis iwieġeb kontra dawn l-argumenti tat-teoloġija li turi l-perikli li jeżistu fit-teoloġija nnifisha: hu veru li hemm mod arroganti ta’ kif wieħed jidħol fit-teoloġija, mod ta’ kburija fir-raġuni li tpoġġi lilha nnifisha ‘l fuq mill-kelma t’Alla. Madanakollu, it-teoloġija vera, il-ħidma razzjonali tat-teoloġija vera u tajba għandha oriġini ieħor, mhux il-kburija tar-raġuni.  Min iħobb ikun irid ikun jaf lill-persuna maħbuba aktar u aktar; teoloġija vera ma tinvolvix ir-raġuni u t-tiftix għaliha ma jinvolvix is-suppervja, "sed propter amorem eius cui assentit [imma hi] motivata mill-imħabba ta’ dak li ta l-kunsens tiegħu" (Proemium in I Sent., q. 2) u jrid li jkun aktar tal-qalba mal-persuna maħbuba: dan hu l-għan fundamentali tat-teoloġija. Dan hu l-iskop, għal San Bonventura, l-importanza tal-imħabba hi kruċjali.  

Allura, San Tumas u San Bonaventura jiddefinixxu l-għan aħħari tal-bniedem, il-ferħ komplet tiegħu b’modi differenti. Għal San Tumas l-għan prinċipali, li għalih ix-xewqa tagħna hi mmirata, hu li naraw lil Alla. F’dan l-att sempliċi li naraw lil Alla l-problemi kollha jkunu solvuti: inkunu ferħana, u allura ma jkun jonqosna xejn.  

Minflok, għal San Bonaventura, id-destin aħħari tal-bniedem hu li jħobb lil Alla, li jiltaqa’ miegħu u li jingħaqad fl-imħabba tiegħu u tagħna. Għalih, din hi l-aktar definizzjoni sodisfaċenti tal-ferħ tagħna.

Matul dawn il-ħsibijiet nistgħu ngħidu li l-aktar kategorija qawwija għal San Tumas hija l-verità, waqt li għal San Bonaventura hija dak li hu tajjeb. Ikun żball li naraw kontradizzjoni f’dawn iż-żewġ tweġibiet.  Għalihom it-tnejn, dak li hu veru hu wkoll it-tajjeb, u t-tajjeb hu wkoll il-veru; li tara lil Alla hu li tħobb u li tħobb hu li tara. Allura, kienet kwistjoni tal-interpretazzjoni differenti tagħhom ta’ viżjoni fundamentali li huma kienu jaqsmu bejniethom. Iż-żewġ enfasijiet għaġnu t-tradizzjoni differenti u l-ispiritwalitajiet differenti u allura waslu biex urew tal-fidi: waħda, fid-diversità, tal-espressjonijiet tagħha.  

Ejjew nerġgħu nduru lejn San Bonaventura. Hu ovvju li l-enfasi speċifika li hu ta lit-teoloġija, li tagħha tajt eżempju wieħed, hi spjegata fuq il-bażi tal-kariżma Franġiskana. Il-"Fqajjar" t’Assisi, minkejja d-dibattiti intellettwali li kienu għaddejjin fi żmienu, hu wera, b’ħajtu kollha, kemm hi importanti l-imħabba fuq kollox. Hu kien ikona ħajja ta’ Kristu mimlija mħabba lejn Kristu u allura hu għamel il-figura tal-Mulej preżenti fi żmienu. Hu ma kkonvinċix lil dawk li kienu jgħixu fi żmienu bi kliemu imma aktar bil-ħajja tiegħu. Fix-xogħlijiet kollha ta’ San Bonaventura, preċiżament anke fix-xogħlijiet xjentifiċi tiegħu, ix-xogħlijiet li juru kemm kien bniedem profond u ta’ studju,  wieħed jara u jsib din l-ispirazzjoni Franġiskana; fi kliem ieħor wieħed jinnota li l-ħsieb tiegħu jibda bil-laqgħa tiegħu mal-“Fqajjar” t’Assisi. Madanakollu, biex nifhmu l-elaborazzjoni prattika tat-tema tal-“importanza fuq kollox tal-imħabba”, irridu nżommu f’moħħna għajn oħra: il-kitbiet li huma hekk imsejħin tal-Psewdo-Dijonisju, teologu Sirjan tas-6 seklu li ħeba lilu nnifsu wara l-isem li mhux tiegħu ta’ Dijonisju l-Areopagita. Fl-għażla ta’ dan l-isem, hu kien qiegħed jirreferi għall-figura fl-Atti tal-Appostli (ara 17: 34). Dan it-teologu ħoloq teoloġija liturġika u teoloġija mistika, u tkellem ħafna fuq l-ordnijiet differenti tal-anġli. Il-kitbiet tiegħu kienu tradotti  għal-Latin fid-disa’ seklu. Fi żmien San Bonaventura aħna qegħdin fit-13-il seklu fejn tradizzjoni ġdida dehret li qajmet l-interess tal-Qaddis u ta’ teoloġi oħra tas-seklu tiegħu. Żewġ affarijiet ġibdu l-attenzjoni ta’ San Bonaventura b’mod partikulari.

1. Il-Psewdo-Dijonisju jitkellem fuq disa’ ordnijiet tal-anġli li hu sab isimhom fil-Bibbja u u mbagħad hu organizzahom bil-mod tiegħu, beda mill-iktar isem sempliċi u baqa’ sejjer sas-serafin. San Bonaventura interpreta dawn l-ordnijiet tal-anġli bħala passi fil-mixja tal-bniedem lejn Alla. Allura, huma jistgħu jirrappreżentaw il-mixja tal-bniedem, it-telgħa tal-bniedem lejn l-għaqda ma’ Alla. Għal San Bonaventura ma hemm l-ebda dubju: San Franġisk t’Assisi kien jappartjenti lill-Ordni Serafiku, lill-ordni aktar suprema, lill-kor tas-serafini, jiġifieri, hu kien fjamma pura ta’ mħabba. U dan hu dak li l-Franġiskani kellhom ikunu. Imma San Bonaventura kien jaf ben tajjeb li dan hu l-aħħar pass fil-mixja lejn Alla u ma setax ikun imdaħħal f’ordni ġudizjarja imma hu dejjem don speċjali ta’ Alla. Għal dan il-għan, l-istruttura tal-Ordni Franġiskan hi aktar modesta, aktar realistika, imma xorta waħda għandha tgħin lill-membri tagħha biex ikunu aktar qrib tal-eżistenza serafika ta’ mħabba pura. L-Erbgħa li għaddew, jien tajt ġabra  fil-qosor ta’ dak li hemm bejn ir-realiżmu moderat u r-radikaliżmu evanġeliku fil-ħsieb u fl-azzjoni ta’ San Bonaventura.  

2. San Bonaventura, madanakollu, fil-kitbiet tal-Psewdo-Dijonisju sab element ieħor, wieħed li hu aktar importanti. Waqt li għal Santu Wistin l-intellectus, li tara bir-raġuni u bil-qalb, hu l-aktar kategorija għolja tat-tagħrif, il-Psewdo-Dijonisju jmur pass lil hinn: fil-mixja ‘l fuq lejn Alla  wieħed jista’ jilħaq punt fejn ir-raġuni ma tibqax tara. Imma fil-lejl tal-intellett l-imħabba tibqa’ tara – hi tara dak li mhux aċċessibbli għar-raġuni. L-imħabba tmur lil hinn mir-raġuni, hi tara aktar ‘il bogħod, hi tidħol aktar fil-profond fil-misteru ta’ Alla. San Bonaventura kien affaxxinat minn din il-viżjoni li kienet tiltaqa’ mal-ispiritwalità Franġiskana tiegħu stess. Hu preċiżament fil-lejl mudlam tas-Salib li l-imħabba divina tidher fil-kobor tagħha; fejn ir-raġuni ma tibqax tara, l-imħabba tara. L-aħħar kelmiet ta’ “Il-Vjaġġ tal-Moħħ lejn Alla” tiegħu, jistgħu jidhru bħala interpretazzjoni superfiċjali, bħala espressjoni esaġerata tad-devozzjoni nieqsa mill-kontenut; minn fuq, moqrija fid-dawl tat-teoloġija tas-Salib ta’ San Bonaventura, huma espressjoni ċara u realistika tal-ispiritwalità Franġiskana: "Jekk tfittex b’liema mod dawn l-affarijiet iseħħu (iġifieri, il-mixja ‘l fuq lejn Alla) tkun qed tistaqsi dwar il-grazzja, mhux dwar id-duttrina, ix-xewqa, jew li tifhem; il-karba tat-talb, mhux l-istudju tal-qari ... mhux id-dawl, imma n-nar imqabbad kompletament, meta wieħed jagħti lilu nnifsu kompletament lil Alla (VII 6). Dan kollu la hu kontra l-intellett u lanqas kontra r-raġuni: jimplika l-proċess tar-raġuni imma titraxxendiha fl-imħabba ta’ Kristu Kurċifiss. B’din it-trasformazzjoni tal-mistiċiżmu tal-Psewdo-Dijonisju, San Bonaventura hu mpoġġi fir-ras ta’ kurrent mistiku li qam u ppurifika bil-kbir il-moħħ uman: hi quċċata kburija fl-istorja tal-ispirtu uman.  

Din it-teoloġija tas-Salib, imwielda mil-laqgħa bejn t-teoloġija tal-Pseudo-Dijonisju u l-ispiritwalità Franġiskana, ma tistax tħallina ninsew li San Bonaventura jaqsam ukoll ma’ San Franġisk t’Assisi l-imħabba tiegħu lejn il-ħolqien, il-ferħ tiegħu għas-sbuħija tal-ħolqien ta’ Alla. Fuq dan il-punt, nikkwota s-sentenza mill-ewwel kap ta’ “Il-Vjaġġ”:  "Hu li mhux imdawwal minn dawn l-isplenduri tal-ħwejjeġ maħluqa hu għami; dak li ma jqumx b’dawn il-karbiet hu trux: dak li ma jfaħħarx lil Alla minħabba dan kollu hu mutu: dak li ma jdurx lejn il-Prinċipju tal-Bidu meta jara dawn l-indikazzjonijiet kollha ma jaf xejn (hu injorant)" (I, 15).

Il-ħolqien kollu jitkellem jgħajjat fuq Alla, fuq Alla li hu tajjeb u sabiħ; fuq l-imħabba. Allura, għal San Bonaventura, il-ħajja kollha tagħna hija "vjaġġ", pellegrinaġġ, mixja ‘l quddiem u ‘l fuq lejn Alla. Imma bil-ħila tagħna biss aħna m’aħniex kapaċi li nixxabbtu lejn il-kobor ta’ Alla. Alla stess irid jgħinna, irid jiġbidna ‘l fuq. Allura t-talb hu bżonnjuż. It-talb, jgħid il-Qaddis, hu l-omm u l-għajn tal-mixja tagħna ‘l fuq - "sursum actio", azzjoni li terfagħna ‘l fuq, jgħid Bonaventura. Meta nżommu dan kollu f’moħħna, nikkonkludi li bit-talba li hu jibda “Il-Vjaġġ”:  "Ejjew mela ngħidu lill-Mulej Alla tagħna: “Mexxini, Mulej, fit-triq tiegħek, u ħallini nimxi fil-verità tiegħek; ħalli lil qalbi tithenna li tibża’ minn ismek’ " (I, 1).

Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Kathleen Bonello